Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/960498
illum | Il-Ħadd 01 ta' April 2018 M alli l-id ċkejkna ta' binha fetħet il-bieb ta' barra, ir-riħa tfuħ ta' ikel stuffat laqgħetu mill- ewwel. Waqt li kien qed jinża l-papoċċ li kien xi ftit maħmuġ bil-ħamrija tal-grawnd fejn kien qed jilgħab, ħdejn il-bieb, iqiegħdu maġenb iż-żraben l-oħra, sema' leħen ommu jkanta stonat mill- kċina. Dejjem hekk kienet tagħmel meta kienet tkun burdata tajba. U lil ommu kważi dejjem burdata tajba kien isibha. "Wasalt, ma..." qalilha, hekk kif daħal fil-kċina u beda jisma' l-ħoss tal-borma tagħli. Ried jaqbad u jitlaq lejn kamartu. Ma kellux aptit xeni jew paroli fil-vojt. Kellu rasu qiegħda tuġgħu ħafna. Ommu waqfet tkanta minnufih u daret tħares lejh mill-ewwel, hekk kif kienet tagħmel dejjem. "Jordan..." qaltlu. U għalkemm is-soltu, titlaq tiġri lejh u taqbad tbewwes fih, illum waqfet bilwieqfa tħares lejh. Indunat. Indunat li kien hemm xi ħaġa mhix f 'lokha. L-affarijiet kienu qiegħdin jiggravaw! Illum kien jidher wisq pallidu! Wisq! Ħafna iżjed mis-soltu! U kien jidher li kien xi ftit muġugħ avolja ma riedx juriha. Ommu kienet tinduna b'kollox. "Xi ġralek qalbi?" staqsietu, tersaq lejh bil-mod, kważi tinsa li l-borma tal-istuffat kienet qiegħda tagħli u seta' jinħaraq kollox. "Xejn ma..." qalilha, b'leħnu kważi jirtogħod. "X'ġara?" reġgħet staqsietu, b'mod aktar urġenti. "U le, xejn," resaq lejn siġġu u tefa' l-basket fuqu b'ġest traskurat. Kulma kellu aptit kien li jitla' f 'kamartu u jmur jistrieħ ftit. "Reġgħu qabdu miegħek dawk is-subien?" staqsietu, hekk kif indunat li kien sejjer lejn kamartu mingħajr ma kien ser jagħtiha spjegazzjoni. Waqaf. Kien bilwieqfa dahru lejha. Imbagħad dar iħares lejha u mingħajr ma bexxaq xufftejh, għamlilha iva b'rasu. "Weġġgħuk?" Kienet deċiża. Din id- darba ma kinitx ser tħalliha għaddejja lixxa! Daqshekk! Dawk is-subien ma setgħux jibqgħu jibbuljaw lil binha! Binha kien qed jiġi mgħajjar minn grupp ta' subien li kienu ħaduha drawwa jaqbdu miegħu kważi kuljum wara l-iskola. Kienu jarawh iżgħar minnhom, dgħajjef. U kienu joqogħdu jgħajjruh, iżebilħuh u jaqbdu miegħu! U dan l-aħħar kienu saħansitra bdew isawtuh ukoll! Ġemma kienet marret tkellem lill-kap tal-iskola. Kien avviċinahom, kellem lill-ġenituri tagħhom, iżda l-affarijiet flok marru għall- aħjar, kienu marru saħansitra għall-agħar! U meta kienet qalet lir-raġel tagħha, tgħidx kemm kien irrabja! Dak qatt ma kien jifhimha! Għal ftit ma kienx qalilha li kien it-tort tagħha li binhom kien dgħajjef u kwiet! Imma issa kienet deċiża. Kienet lesta biex l-għada tmur għalihom hi stess! Tmur tagħtihom lezzjoni! La l-affarijiet kienu waslu s'hawn! "Toqgħodx tinkwieta, ibni!" bdiet tgħidlu, hekk kif qabditlu jdejh u ħarset f 'għajnejh li issa kienu qegħdin ileqqu, mimlijin dmugħ. Jordan kien ser jinfaqa' jibki quddiemha. "Issa nkellimhom jien." "Le, ma, għax jaħsbuni xi wieħed iblah...jaħsbu li m'iniex kapaċi...!" "Uxe, issa nkellimhom jiena!" qaltlu. "Imma weġġgħuk?" It-tbajja' fuq il-flokk, il- ħmieġ mal-qalziet u l-grif li kellu ma' jdejh kienet għadha ma rathomx sew. U hekk kif fliethom, ħarbitilha karba. "Mhux ser inħallihom jagħmlulek hekk..." qaltlu, qalbha sewda. U dak il-ħin indunat li l-borma kienet qiegħda tfur u l-istuffat kien qed ibaqbaq għal fuq il-bank tal-kċina, jimla kulm'hemm. Telqet tiġri lejn l-ikel u bdiet tħawdu ħalli jerġa' joqgħod isir għal ftit ieħor. Binha telaq lejn kamartu. Ried jistrieh. Ma kienx jiflah. Kien laqqat xi daqqiet ġo rasu. U issa kien qed iħossu xi ftit għajjien. "Issa la jkun lest l-ikel insejjaħlek!" qaltlu ommu, hekk kif semegħtu tiela' lejn is-sular ta' fuq. U dak il-ħin, ċempel it- telefon. Għamlet in-nar fuq il- vleġġa l-baxxa, ħalli ma jerġax ifur, u marret tħaffef lejn it-telefon. Ħarset lejn in-numru li kien jimmarka fuqu biex tara min kien qed iċemplilha iżda kien qed jimmarka li kien bla numru. Qabdet ir-riċevitur u nħasdet. Ħasset id-demm tiela' għal rasha u saqajha donnhom weħlu mal-art. "Ħellow?" sejħet, iżżomm it-telefon eqreb ma' widnejha ħalli tisma' aħjar. Iva, kienet ċerta. Fuq in-naħa l-oħra tat- telefon, instema' leħen jibki. Donnu leħen fgat, bla nifs, jibki b'mod allarmanti! "Min inti?" staqsiet, taqbadha r-rogħda. Donnu l-leħen kien familjari. Leħen femminili. "Kellimni!" bdiet kważi tgħajjat. "Jekk jogħġbok....jekk jogħġbok...ħudu..." semgħet dan il-leħen jgħidilha. Il-linja nqatgħet. Ġemma ħassitha mismuta. Bla nifs. Konfuża. Lanqas biss kienet taf x'kellha taqbad tagħmel! Tgħid min kienet dik li kienet għadha kemm ċemplitilha tibki? U ċemplet lil ommha. "Ma, inti ċempiltli?" staqsietha, tħoss idejha jirtogħdu mat-telefon. "Le, ta." "Int ċempiltli?" staqsiet lil oħtha Karen. "Le, ta. Inti orrajt?" U ma kinitx oħtha lanqas. Wara ftit, hekk kif kienet għadha qiegħda bilwieqfa quddiem il-borma, taħseb min seta' kien li ċemplilha, semgħet il-bieb ta' barra jinfetaħ u ndunat li kien ir-raġel tagħha li kien għadu kemm lesta mix-xogħol, li bħas-soltu kien jiġi mejjet bil-ġuħ, ifittex ħalli jara x'kienet tkun sajritlu. U dawk il-ftit minuti, wara li qalbet l-ikel fil-platti, lestiet il-mejda għall-ikel, b'nofs tbissima, it-telefonata minsija minn fuq moħħha, hekk kif bdiet tiela' bilmod lejn il-kamra ta' binha, ma kienet ser tinsihom qatt. Fetħet il-bieb u ratu. Kien qisu anġlu rieqed. Fuq is-sodda. Idejh miftuħin beraħ. Għajnejh magħluqin. Xufftejh imbexxqa. Ftit demm fuq l-imħadda. In-nifs batut għal kollox. U dak il-ħin donnu ġara kollox f 'minuta waħda. Telefonata l-isptar. Ambulanza. Ħaduh magħhom. Ir-raġel tagħha jippanikja. Domandi. Tweġibiet bla sens. Binha. Binha kien miet. Emorraġija interna fir-ras. Id-daqqa li kienu tawh. Fl-aħħar il-bullies kienu ħadulu ħajtu! Wara xi żmien, Ġemma u Christopher kienu sseparaw. Flok kienu resqu aktar lejn xulxin, kienu saru kelb u qattus. Ġurnata sħiħa jiġġieldu. Hu kien iwaħħal fiha. U hi fih. U bejniethom ma setgħux isibu paċi. Ġemma kienet għamlet xi żmien tgħix għand oħtha, imbagħad meta ħassitha li kienet kapaċi toqgħod waħedha, kienet kriet appartament żgħir għal persuna waħda u marret tgħix qrib il-baħar. Kienet sabet xogħol f 'fabbrika tat-tessuti u kienet tgħaddi ħafna mill- ħin tagħha waħedha d-dar, tħares lejn il-baħar minn ġot-tieqa mdaqqsa ta' kamritha, fid-dlam, tiftakar f 'dawk l-idejn iż-żgħar ta' binha, ir-riħa tfuħ li kien ikollu f 'xagħru, il-ġilda fina li kellu u dawk l-għajnejn sbieħ li kienu jħarsu lejha b'ammirazzjoni. Kull persuna li kienet tara fit-triq kienet b'xi mod ifakkarha fih. Meta kienet tara omm u iben kienet tħoss għafsa ta' qalb, meta kienet tisma' lil xi ħadd isejjaħ lil ommu kienet titla' fawra għal rasha, meta kienet tara ġuvnott kienet taħseb kieku kif kien ikun l-għażiż tagħha Jordan kieku kellu jikseb dik l-età. Kieku kien għadu ħaj... Kieku... U ġurnata wara l-oħra. Iż-żmien igerbeb. Ma jistenna lil ħadd. Kienu għaddew ħames snin eżatt. Kieku l-għażiż tagħha Jordan, kieku llum kien ikollu qrib it-tlettax-il sena. Kienet serata normali. L-appartament tagħha kien nadif tazza, il-ħoss tal- mewġ jilgħab maċ-ċagħaq ta' fuq ix-xtajta ramlija hemm barra kien jinstema' b'mod konstanti. Kultant kien iwennisha. Kultant kienet tobgħodu. Iż-żiffa notturna kienet dieħla mit-twieqi tal-kċina. Kienet għadha bilqiegħda mal- mejda, it-togħma ta' ħobż bil-butir kienet għadha qed ittogħmu f 'ħalqha. Dakinhar ma kellhiex aptit tiekol. Għalkemm dejjem kienet għadha tħoss in-nuqqas ta' binha, illum kien jagħlaq ħames snin eżatt mejjet. U qalbha kienet maqsuma. Iżjed mis-soltu. Ħasset id-dieqa tieħu kontroll ta' ġisimha kollu, qamet bilwieqfa u resqet lejn il-bank tal-kċina. Bdiet tibki. Bdiet tibki kemm tiflaħ! Il-ħajja kienet inġusta! Mhux sew! Mhux sew kien telaqha hawn waħedha! U dak il-ħin, indunat! Indunat li kien tort tagħha li Jordan kien miet! Kieku ndunat li kien batut! Kieku tat każ li kien muġugħ u ħaditu għand it- tabib, jew l-isptar! Kieku kien isalva! Kieku... Għafset idejha ponnijiet ma' xulxin u ħarset lejh... It-telefon! Mingħajr ma qagħdet taħsibha, telqet tiġri lejh, qisha waħda mitlufa minn sensiha. Qabdet it-telefon u bdiet tiddajlja n-numru l-qadim li kellhom qabel. Bla ma stenniet li kienet ser taqbad semgħetu jdoqq. Ġemma kellha għajnejha ħomor nar u kienet qiegħda tolfoq u tibki. Semgħet it-telefon idoqq u xi ħadd wieġbu. Xi ħadd wieġbu min-naħa l-oħra! Qalbha għamlet tikk. Għal mument ħassitha donnha qiegħda toħlom... donnha kienet inqatgħet mir-realta, imma l-leħen familjari kien ċar! Kien tabilħaqq hemm! Tant kemm kienet mehdija tibki li lanqas felħet titkellem. "Ħellow?" pawża. Leħen familjari wisq. Wisq. "Min inti?" Ippruvat titkellem iżda ħarġitilha ħanqa. "Kellimni!" semgħet il- leħen femminili jgħidilha min-naħa l-oħra. "Jekk jogħġbok...jekk jogħġbok... ħudu..." bdiet tgħid hi fuq it-telefon, iżda l-linja laħqet inqatgħet. "Ħudu issa lejn l-isptar!" bdiet twerżaq u tagħti bit- telefon mal-ħajt. Iżda ħadd ma kien qed jismagħha. "Ħudu issa lejn l-isptar!" bdiet twerżaq. Reġgħet ippruvat in-numru kemm-il darba, iżda kull darba beda jgħidilha li n-numru m'għadux jeżisti. Imma issa... Issa kienet taf... Kienet taf min kien ċemplilha dik it-telefonata bla numru! Telefonata bla numru Sharon Calleja 20 Rakkont