Illum previous editions

ILLUM 8 APR 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/963165

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 31

Il-Ħadd 08 ta' April 2018 | illum 17 17 P jazza San Ġorġ hi pjazza fil-Belt li ilha tara ġrajjiet. Forsi l-ikbar tnejn huma dawk li seħħew 76 sena ilu u 99 sena ilu. L-ewwel ġrajja, ta' 76 sena ilu, hija meta fost it-tifrik tal-iktar gwerra mdemmija fl-istorja tal-bniedem il- poplu Malti rċieva l-George Cross bħala sinjal b'saħħtu ta' rikonoxximent tal-qlubija li ntweriet mill-Maltin. F'għajnejja l-kobor tal-ġrajja jinsab fil-fatt li din immarkat l-għeluq tal-kapitlu tant imdemmi fl-istorja tagħna u l-bidu tat-triq għall- Indipendenza u l-Ħelsien li ħadet imbagħad mill-inqas tliet ġenerazzjonijiet. It-tieni ġrajja, ta' 99 sena ilu, kienet meta l-poplu Malti rvilla kontra l-istess ħakkiem li ftit snin wara tah ir-rikonoxximent tal-qlubija. Il-ġrajjiet mabuta mas-Sette Giugno huma ġrajjiet ta' poplu li ried il-bidla, ried li jkollu livell ta' għixien aħjar, ta' politiċi li kellhom fibra li jmexxu u ta' ħaddiema li ssagrifikaw anke ħajjithom. Fi ftit kliem il-pjazza San Ġorġ hija l-qalb tħabbat tal- poplu Malti u Għawdxi li fiha rajna tant ġrajjiet li biddlu l-perkors ta' pajjiżna u allura tagħna lkoll għal dejjem. Kien f 'dan l-isfond li matul dawn il-jumejn ittellgħet dik li aħna sejjaħnielha l-Festa l-Kbira. Proprju fi pjazza San Ġorġ ridna li l-Belt Valletta tingħaqad ħaġa waħda f 'festa ta' għaqda. Iż-żewġ baned tal-Kapitali Għalhekk fl-ewwel serata ngħaqdu ż-żewġ baned tal- Belt Kapitali - il–La Vallette u l-King's Own. Jien kont bilqiegħda fil-folla kbira – ħafna minnhom Beltin – li attendew għas-serata u stajt nara quddiem għajnejja sseħħ biċċa mill-istorja. Ċioè li dawn iż-żewġ baned li jirrappreżentaw b'mod tant b'saħħtu d-diversità fil-Belt Kapitali ewlenija jdoqqu flimkien f 'festa ta' għaqda Beltija. Konna bilqiegħda erbat iħbieb – Deo Debattista, Belti pur, Jason Micallef li sar iħobb il-Belt iktar minnu nnifsu, Catherine Tabone Żejtunija kburija li tħobb il-kultura b'passjoni kbira u jiena. Jien ħassejtni differenti mis-soltu. Bħal Catherine jiena Żejtuni u meta nagħlaq għajnejja u niftakar fil-kultura popolari moħħi jaħrab għal meta kont tfajjel nitla' l-pjazza nara l-Banda Beland u ż-Żejtun Band. Jew meta kont żagħżugħ nitgħaxxaq nara lil sieħbi Toni Aquilina jidderiġi kollox b'dixxiplina u preċiżjoni jew lill-mibki Sur Attard flimkien ma' Ġużeppi ċ-Ċinnu jsolvu problema wara l-oħra b'intelliġenza li hija ikbar min-normal. Għalhekk jien estranju għall-kultura indiġena Beltija. Biss, fl-istess waqt il-Belt kien il-post li laqagħni b'idejha miftuħa f 'dawn l-aħħar ħames snin ta' ħajti li fuq livell personali kienu snin ta' bidla kbira. In-nies tal-Belt ma ħarsux lejja bħala stranġier jew xi ħadd li waqa' minn xi pjaneta oħra għall-għarrieda, anzi ferħet bija u għamlitha ċara li jekk ikolli bżonn xi ħaġa "nikkmandahom." U waqt li lanqas biss nazzarda ngħid li qed noqrob li nifhem xi jħoss Belti meta jara ż-żewġ baned ewlenin idoqqu ħdejn xulxin f 'ċelebrazzjoni ta' għaqda waħdanija, irrid ngħid li bħala xi ħadd li l-Belt saret parti sabiħa minn ħajtu, dak li kien qed iseħħ quddiemna kien straordinarju anke għalija. Erbgħa Malajr tgħallimt li għall- Beltin id-devozzjonijiet lejn San Duminku u San Pawl huma devozzjonijiet b'saħħithom ħafna. Id-devozzjoni lejn San Duminku u lejn San Pawl tmur lil hinn minn devozzjoni purament reliġjuża. Jidħlu sfumaturi soċjo-politiċi usa' minn hekk. Jien naħseb li waħda mir-raġunijiet għala d-devizzjonijiet lejn San Duminku u lejn San Pawl huma tant qawwija hija li ħafna Beltin ħarġu mill-Belt u allura, bħall-Malti-Awstraljan li baqa' jħares lejn Malta b'ċertu mod għax ħallieha warajh, Belti li ħareġ mill- Belt jibqa' jħares lejn San Duminku u San Pawl b'mod b'saħħtu ħafna li jkun marbut lejn sentimenti u żminijiet ta' tfulija u żgħożija. Nemmen li kieku ħafna Beltin ma ħarġux mill-Belt, ċerti sfumaturi kienu jkunu inqas ikkargati bħalma ġara wara kollox f 'postijiet oħra. Apparti mid-devozzjonijiet lejn San Duminku u San Pawl hemm devozzjonijiet b'saħħithom lejn tal-Karmnu u Santu Wistin. Id-devozzjoni lejn tal- Karmnu, fejn noqgħod jiena tefgħa ta' ġebla 'l bogħod, hi kbira ħafna u tmur lil hinn mill-konfini tal-Belt. Niltaqa' ma' Fgurin, pereżempju, jgħiduli li meta kienu żgħar tgħidx kemm kienu jmorru jservu ta' abbatini fil-Knisja tal-Karmnu tal-Belt. Inkella waqt li nkun dieħel u ħiereġ mid-dar nilmaħ nisa Żrieraq devoti tal-Karmnu tilgħin biex jidħlu f 'din il-Knisja sabiħa. Hemm minnhom tant kemm narahom li għal mument ħsibt li joqogħdu l-Belt stess! Imbagħad waqt li kont qed naqdi d-doveri politiċi tiegħi fiż-Żurrieq sirt naf li huma Żrieraq u li jitilgħu għall- Belt minħabba d-devozzjoni stroardinarja li għandhom lejn il-Madonna tal-Karmnu. Il-Knisja ta' Santu Wistin, imbagħad, tilqa' fih kult Agostinjan li hu uniku. Apparti mill-mijiet ta' Maltin li l-Agostinjani għallmu permezz tal-iskejjel tagħhom anke mill-Belt stess, fl-aħħar snin din il-Knisja ħadet spinta kbira b'enerġija ġdida li nħolqot u li qed ixxerred it-tagħlim Agostinjan fil-Belt u lil hinn minnha. Soċjetajiet Mużikali Ma nistax ma nsemmix f 'dan il-kuntest is-soċjetajiet Mużikali. Naturalment il- parroċċa ta' San Duminku għandha rabta intima mal- King's Own waqt li l-parroċċa ta' San Pawl għandha rabta intima ma' San Pawl. Ridna wkoll li ż-żewġ Knejjes l-oħra – Santu Wistin u tal-Karmnu – jinnominaw żewġ Baned li fil-kors ordinarju huma diġà assoċjati magħhom u li f 'dawn il-jumejn ta' ċelebrazzjoni ta' għaqda jipparteċipaw f 'din il-ħidma. Ħadt gost li ġew nominati żewġ Soċjetajiet Mużikali li jien nafhom sewwa u t-tnejn nammira - il–Beland taż- Żejtun u tal-Karmnu taż- Żurrieq. It-tnejn li huma nafhom intimament u ħdimt magħhom fil-passat u se nkompli naħdem magħhom fil-futur. Ir-rwol kruċjali li jaqdu s-soċjetajiet mużikali hija xi ħaġa fenomenali. Picasso u Miro' Daqs li kieku dan kollu ma kienx biżżejjed, faċċata tal- pjazza San Ġorġ, fil-Palazz tal-President, l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca rregalat rigal straordinarju lill-poplu Malti u Għawdxi billi tellgħet l-aqwa wirja fl-istorja. Wirja ta' kwadri ta' Picasso u Miro' li huma meravilja - fl–okkażjoni tal-Valletta 2018. Id f 'id mal-President ħadmu l-Fondazzjoni Mapfre u l-Fondazzjoni Patrimonju Malti. Grazzi ta' dan ir-rigal stroardinarju. Toqgħod taħseb – fi pjazza waħda x'meravilja ta' attivajiet u ġrajjiet storiċi! Opinjoni OWEN BONNICI Il-pjazza San Ġorġ hija l-qalb tħabbat tal-poplu Malti u Għawdxi li fiha rajna tant ġrajjiet li biddlu l-perkors ta' pajjiżna u allura tagħna lkoll għal dejjem. Festa ta' għaqda Belti li ħareġ mill-Belt jibqa' jħares lejn San Duminku u San Pawl b'mod b'saħħtu ħafna li jkun marbut lejn sentimenti u żminijiet ta' tfulija u żgħożija.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 APR 2018