Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/972189
14 illum | Il-Ħadd 22 ta' April 2018 Aħbarijiet Il-Kunsill Lokali Ta' Xbiex jingħaqad man-netwerk ta' Kunsilli madwar id- dinja li adottaw teknoloġija ħadra DAN sar permezz ta' kollaborazzjoni ma' kumpanija stabbilita ġdida msejħa V.M.A Ltd li tispeċjalizza f 'teknoloġija aktar nadifa li ma tutilizzax kimiċi u billi tuża biss ilma tal- vit. V.M.A Ltd, ibbażata f 'Ta' Xbiex, qed imexxu t-teknoloġija tat-tindif aħdar permezz ta' apparat imsejjaħ Ev 3000i, bl-użu biss ta' fwar. Il-Kunsill Lokali Ta' Xbiex huwa l-ewwel kunsill lokali li qiegħed jibbenefika minn dan il-prodott ġdid f 'pajjizna. Diversi lukandi u stabbilimenti kbar diġà bdew jużaw dan il-kunċett permezz ta' kollaborazzjoni simili, iżda r-rappreżentant Malti Matthew Degiorgio jgħid li l-prodott qed jintuża wkoll fid-djar, peress li n-nies issa qegħdin ifittxu possibbiltajiet biex ineħħu l-użu ta' deterġenti u kimiċi minn djarhom. Is-Sindku ta' Ta' Xbiex Max Zammit qal li huwa pjuttost sodisfatt b'din il-kollaborazzjoni, li hija waħda minn ħafna inizjattivi innovattivi oħra li dan il-Kunsill ħa f 'idejh. Huwa żied jghid li dan jikkomplimenta l-Premju tal-"Green Council" tas-Sena, li l-Kunsill Lokali Ta' Xbiex rebaħ konsekuttivament għall-aħħar ħames snin u jemmen bis-sħiħ li r-rappreżentanti tal- lokalitajiet għandhom ikunu minn tal-ewwel li jadottaw teknoloġija ħadra għall-benefiċċju tal- komunità. Godfrey Farrugia: 'Il-PL qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjiż... il-pajjiż jiġi qabel il-partit' IDDEPUTAT tal-Partit Demokratiku u eks Deputat u Whip tal-Partit Laburista Godfrey Farrugia f 'ittra miftuħa appella biex ikun hawn bidla fis-sistema tat-tmexxija tal-pajjiż u diskussjoni onesta dwar il-korruzzjoni. Farrugia qal fl-ittra li jifhem dawk li jħossuhom traduti mill- Partit Laburista li skontu, ċaħad l-ideali tiegħu. Din hija l-ittra li ppubblika d-Deputat Godfrey Farrugia: "B'dieqa jkolli nammetti l-ħsara irriversibbli li l-gvern tal-Partit Laburista li għent biex jitla' fil-gvern fl-2013 qed jagħmel fuq pajjiżi. Jien ingħaqadt mal- Moviment ta' Malta Tagħna Lkoll bħala tabib – tabib li xtaq ifejjaq pajjiż mifrud – b'messaġġ ta' tama li tilqa lil kulħadd. Ħdimt bla heda sal- aħħar, u kburi b'ċertu riżultati miksuba f 'dik l-leġislatura. B'danakollu, jum wara jum, rajt skorettezzi jiġu moħbija taħt it-tapit, u ħadd ma jieħu responsabbiltà tagħhom. Tentattivi biex inbiddlu r-rotta kien hemm iżda dawn ġew milquha b' għemil biex inżommu fommna sieket. Illum, nagħder lil dawk kollha li jħossuhom traduti, bħalma ħassejtni tradut jien meta l-ideali storiċi tal-Partit Laburista kienu miċħuda. Nista' nifhem sew xi tħoss meta tkun minn ta' ġewwa u tibda tiddubita – tara l-ħolma tal-idejal titfarrak – u tinduna li minflok jinstab tarf il- problemi, issib min idawwar dahru, minħabba interess personali, jew, aktar spiss, minħabba l-biża' li taħkimna. Wara daqstant snin fil- bankiniet tal-Oppożizzjoni, kien aktar faċli għal ħafna li jagħlqu għajnejhom, u b'hekk niċħdu l-politika ħanina li konna nħaddnu. Illum nifhem lil dawk li joqogħdu lura milli jitkellmu għax jagħrfu li dawk li tkellmu ġew mitfugħa mal- ġenb u mhedda. Hemm ħtieġa aktar minn qatt qabel li tinbidel is-sistema ta' tmexxija. Hemm bżonn li ngħidu dak li hu fuq il- korruzzjoni, tiġi minn liema naħa tal-Kamra tiġi. Dan jista' jseħħ biss meta l-Pajjiż jitpoġġa qabel il-Partit. Fl-aħħar kelli nitkellem u ħadt deċiżjoni f 'ħin waqtu. Issa nixtieq naħdem biex inbiddel is-sistema li twaqqaf lin-nies milli jesprimu fehemithom minħabba l-biża' ta' riperkussjonijiet soċjali jew li jitwarrbu fuq il-lant tax-xogħol. Għandna sistema politika li tikkastiga lil min ma jimxix magħha. Hemm bżonn li dawk kollha li jħossuhom skomdi bl-affarijiet kif inhuma llum jingħaqdu flimkien. Inħeġġeġ lin-nies kollha ta' rieda tajba biex jingħaqdu flimkien ħalli nsalvaw 'il pajjiżna mill-kollass tas- saltna tad-dritt u biex naħdmu flimkien ħalli ma nħallux lill-pajjiżna jaqa' fid- dlam tal-abbiss. Nitlobkom. Ejjew naħdmu flimkien biex nerġgħu nibnu pajjiż kburi u li jkun verament tagħna lkoll."