Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/975486
15 Il-Ħadd 29 ta' April 2018 | illum Valletta Ġew ordnati xi tibdiliet fir- regolamenti tas-Soċjetà iżda fl-aħħar kienet twittiet it-triq biex l-istess Isqof Caruana japprova s-Soċjetà. Id-digriet tal-erezzjoni kanonika jġib id-data tat-12 ta' April 1932. Dun Ġorġ Preca ħadem kemm felaħ biex ixerred it-tagħlim tal-Evanġelu fil-gżejjer Maltin. Kiteb għadd kbir ta' kotba ta' tagħlim reliġjuż u spritwalità. Ikkompona għadd kbir ta' libretti ta' talb, kemm għall-użu privat tas-Soċjetà kif ukoll għad-devozzjoni popolari. Bla dubju, kien appostlu tal-Kelma ta' Alla, speċjalment tal- Evanġelu li kien isejjaħlu "Leħen il-Maħbub". Kien jinsisti li l-katekisti u l-poplu jitgħallmu siltiet qosra mill-Evanġelu bl- amment. Il-predikazzjoni kariżmatika tiegħu kienet dejjem imżewqa bi ġrajjiet mill-Evanġelu u mill-ħajjiet tal-Qaddisin. Kien difensur qalbieni tal-unur u l-qima li jistħoqqu Alla biss, u kien juri b'persważjoni kbira il- konsegwenzi koroh tad-dnub. Ma kienx jibża' jitkellem dwar il-mewt, il-ġudizzju, l-infern u l-ġenna. Kellu sens kbir tal-ġustizzja ta' Alla u kien jitkellem b'konvinzjoni fuq il-ħniena bla tarf tal-Missier. Kien imfittex ħafna għall- pariri jew għal xi kelma ta' kuraġġ. Il-poplu kollu kien jafda fit-talb tiegħu u ħafna nies jirrakontaw ġrajjiet ta' fejqan bl-interċessjoni tiegħu. Kien jaqra l-qlub tal-bnedmin u kien imżejjen bid-don ta' umiltà kbira, twajjeb, ħelu, ġeneruż. Kien ragħaj qaddis tal-poplu ta' Alla. Stinka ħafna biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tat-twelid tal-Mulej. Sa mill- 1917 beda jqanqal il-qima lejn il-kliem mill-Evanġelju ta' San Ġwann, "Verbum Dei caro factum est" (Ġwanni 1, 14). Ried li s-Soċji jilbsu badge b'dan il-kliem u mill- 1921 ħa ħsieb li f 'kull raħal u belt, lejliet il-Milied, tiġi organizzata manifestazzjoni ad unur ta' Ġesù Bambin, użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied Malti. Ix-xewqa tiegħu kienet li għall-Milied kull tifel u tifla li kienu jattendu l-Museum jieħdu magħhom id-dar grotta b'Ġesù tarbija. Fil-mumenti diffiċli ta' ħajtu u tas-Soċjetà tiegħu Dun Ġorġ Preca tgħallem jafda fil-ħarsien qawwi ta' Sidtna Marija. Nhar il-21 ta' Lulju 1918 inkiteb bhala terzjarju Karmelitan u fil-professjoni li għamel f 'Settembru 1919 għażel l-isem ta' Patri Franku. Ried li t-tfal kollha li jattendu l-MUSEUM jinkitbu fil-labtu tal-Karmnu u kellu devozzjoni specjali lejn il-Madonna tal-Buon Kunsill. Xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakoluża u xtaq li l-knisja tad-Dar Ċentrali fil-Blata l-Bajda tkun iddedikata lilha. Fl-1957 huwa ssuġġerixxa ħames Misteri tad-Dawl għar- Rużarju li l-Knisja adottat fl-2002 permezz tal-Papa San Ġwann Pawlu II u żidithom mat-tliet misteri l-oħra eżistenti. Fid-19 ta' Mejju 1951 Dun Gorg bierek l-ewwel ġebla tal-Iskola San Mikiel, f 'Santa Venera, u fl-1952 bagħat l-ewwel membri tiegħu biex jibdew is-Soċjetà fl- Awstralja. Illum is- Socjetà tad-Duttrina Nisranija tinsab ukoll fl-Ingilterra, fl-Albanija, fis-Sudan, fil-Kenja, u fil-Perù. Fit-2 ta' Ottubru 1952, il-Papa Piju XII ħatar lil Dun Ġorġ bħala Kamrier Sigriet bit-titlu ta' Monsinjur. Dun Ġorġ tnikket ħafna minħabba din l-onorifiċenza. Huwa baqa' jżomm it-titlu għal sitt snin biss sakemm miet il-Papa li kien onorah fl-1958. Fl-1955 qiegħed u bierek l-ewwel ġebla tal-Istitut Sagra Familja f 'Ħaż-Żabbar fejn aktar tard ġew trasferiti s-Soċji Interni li sa dak iż-żmien kienu jiltaqgħu Ħaż- Żebbuġ. Wara ħajja twila mimlija ħidma fejjieda fit-tagħlim tal-poplu ta' Alla, Dun Ġorġ Preca miet fid-dar bl-isem ta' "San Gejtanu" fi Triq il-Parroċċa f 'Santa Venera, nhar il-Ħamis filgħaxija 26 ta' Lulju 1962. Malta u Għawdex bkewh. Huwa ried funeral sempliċi, iżda sarlu wieħed li fih ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet tas-soċjetà Maltija u eluf kbar ta' nies. Indifen fil-kripta taħt il- Knisja tal-Madonna tal- Midalja Mirakoluża fil-Blata l-Bajda li malajr saret post ta' pellegrinaġġi. Huwa ġie beatifikat mill-Papa Ġwanni Pawlu II, f 'Malta, nhar id-9 ta' Mejju 2001 u ddikkjarat qaddis mill-Papa Benedittu XVI nhar it-3 ta' Ġunju 2007 fi Pjazza San Pietru f 'Ruma. Il-festa liturgika tiegħu tiġi ċċelebrata kull sena fid-9 ta' Mejju.