Illum previous editions

ILLUM 6 MAY 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/977915

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 06 ta' Mejju 2018 R ose kienet l-isbaħ tfajla li kien hawn fir-raħal. Ma kienx hawn bħalha. Rose. Ix-xebba li isimha kien fuq fomm kulħadd. Ix-xebba li kienet taħdem fil-ħanut tal-fwejjaħ ta' missierha. Araha għaddejja minn ġot-toroq tar-raħal, dejjem pulita, dejjem marsusa ġo xi libsa sabiħa, xagħarha dejjem magħmul b'mod perfett, xufftejha dejjem ħomor nar. Għalkemm kienu familja jaqilgħuha u jikluha, xorta kienet iżżommha. Rose. Xħin kienet tgħaddi hi, kont tara l-għajnejn imxennqa jittawlu minn kullimkien, il- ħars projbit, il-ħsejjes tal-ilsna jxarrbu x-xufftejn b'xewqat partikolari. Warajha kienet tħalli serbut ta' riħa tfuħ, riħa ta' fjuri, fwieħa impekkabbli... Il-fwejjaħ mill-ħanut ta' missierha stess. Ġużè kien raġel eżemplari, ħabrieki għax-xogħol u dejjem bil-kmiem tal-qmis imxammrin, lest għall-ħidma. Kellu ħanut kemxejn iżgħar milli suppost fit-tarf tar- raħal eżatt maġenb il-bajja taċ-ċagħaq. Imma l-fwejjaħ li kien jipproduċi kienu mfittxija mhux biss mir-raħal kollu iżda saħansitra kienu jiġu minn barra l-pajjiż ħalli jixtruhom! Għalkemm kien jaqlagħha tajjeb biex jgħix ħajja sempliċi hu u l-għażiża bintu wara li kien safa armel ta' età żgħira u kellu jrabbiha waħdu, Ġużè kellu jinvesti ħafna flus biex iżomm il-ħanut fuq saqajh u jipproduċi dik il-kwalità għolja ta' fwieħa. Kien nefaq ħafna flejjes biex bena l-ħanut, melieh bl-ixkaffar, xtara l-makkinarju, kera għalqa kbira fejn fiha kien ikabbar il-fjuri ħalli jieħu s-sustanzi minnhom għall-fwejjaħ tiegħu u oħra fejn kien jipproduċi l-ħxejjex għaż-żejt għat-taħlita li mbagħad kien iqiegħed fi fliexken żgħar, lesti biex jinbiegħu. U Rose kienet l-hena tagħha tarah iħallat il-fwejjaħ u tgħinu jaħdem fil-ħanut. Il- ħanut tagħhom dejjem mimli nies kien ikun, min jistaqsi fuq il-fwieħa, min jippruvaha, min biex jara lil Rose u min għax kien ikun sema' fuq il- fwejjaħ partikolari ta' Ġużè. Iżda dakinhar, hekk kif il- ħanut kien qed jiżvojta u Rose kienet diġà resqet lejn il-bieb biex issakkru, ħalli missierha u hi joqogħdu jnaddfu ftit u jippreparaw għall-ġurnata tal- għada, ratu jiftaħ il-bieb. Qalbha għamlet tikk. Is-sur Jersinho. Għal mument lanqas biss riedet tħares lejh. Għajnejh kienu jniffduk minn naħa għal oħra. L-aktar raġel sinjur li kien hemm fir-raħal u li xogħlu kien li jsellef il-flus lil min m'għandux, imbagħad ikissirhom bl-interessi. Għalkemm kien jaħdem kontra l-liġi kien għadu qatt ma ġie rrappurtat għax kulħadd kien jibża' minnu. Is-sur Jersinho. Xagħar iswed lixx mimxut lura, imxarrab bil-ġel, xufftejn irqaq bla kulur, twil iżżejjed, irqiq iżżejjed u dejjem liebes libsa għall-okkażżjoni. Ħajtu kien jgħaddiha jħabbat id- djar tan-nies u jfakkarhom li kellhom id-dejn miegħu. "Issa għada mmorru naqtgħu l-ward l-aħmar..." kien qed jgħidilha Ġużè minn wara l-purtiera bajda li kien hemm fil-kamra l-oħra. Xiref ħalli jaraha taqbel miegħu u waqaf iffriżat fl-apertura tal- kamra, għajnejh jiġġammjaw fuq dawk ta' Jersinho li kien qed jiflilu sew lil bintu. Kesaħ. Leħnu nbidel f 'ħanqa u ma felaħx ikompli jitkellem. Rose kienet qiegħda bilwieqfa quddiem Jersinho, tħares lejh b'mod astratt mingħajr ma tlissen kelma. "Ara l-ħabib tiegħi Ġużè!" stagħġeb Jersinho, mingħajr lanqas biss ma qalfat ħarstu lejh. "Jerr..." beda jgħidlu Ġużè. "Xxxxxxxx..." wieġbu dak mingħajr ma ċċaqlaq. "Il- flus?" Rose daret tħares lejn missierha u f 'dak il-preċiż mument ħassitha titħassru. Rat li diġà kien nieżel gelgul għaraq minn ma' moħħu għal fuq il-ġnub ta' wiċċu. "Dawk... dawk... dalwaqt," kompla jgħidlu Ġużè hekk kif resaq eqreb lejn bintu u mar faċċata ta' dak ir-raġel makakk, li kien mistkerrah minn kulħadd fir-raħal. Rose ħasset għoqla tielgħa fi griżmejha. Missierha kien qed jirtogħod. Kliem Jersinho, l-aħħar darba li kien ġie l-ħanut kien ċar. Il-flus li kellu jtih missierha, riedhom ta' malajr u ma riedx jistenna iżjed. Fil-fatt eżatt bħalma kien qalilhom, kien tahom ċans ta' xahar u reġa' ġie kif miftiehem. Iżda Rose kienet taf li ma kinux għamlu biżżejjed flus biex iħallsu l-eluf ta' ewro li kellhom jagħtuh! "Dalwaqt?" staqsieh is-sur Jersinho kważi jobżqilhom lit-tnejn li huma f 'wiċċhom. Għajnejh kienu donnhom skuraw u xufftejh ċkienu aktar. F'wiċċu dehru aktar linji ta' mibgħeda. "Jien illum irridhom! Bis-sewwa jew bid- dnewwa! Fhimtu! Inkella!" "Inkella xiex?" staqsieh missier Rose, kważi ma jibżax minnu. Kważi. "Forsi m'intix tifhimni, Ġużè, jien illum mhux ser nitlaq minn hawn b'idejja vojta." Kien qed jheddu. Iva, kien qed jheddu. "Imma..." "Imma xejn, inkella agħtini lil din is-sabiħa bintek!" Fil-ħanut waqa' silenzju totali. Kemm Rose u anke missierha bilkemm felħu jitkellmu. Fil-bidu, ħasbu li s-sur Jersinho kien qed jiċċajta. "M'iniex niċċajta, Ġużè!" reġa' qalilhom, lit-tnejn li huma. "X'inti tgħid?" beda jinkorla Ġużè. "Binti?" "Iva, bintek." Is-sur Jersinho ħareġ barra mill-ħanut. Ġużè u bintu mxew lejn il-bieb ta' barra, iħarsu lejh it-tnejn b'ħalqhom miftuħ. Rawh jersaq lejn il-bajja, jaħsibha ftit u jagħmlilhom sinjal ħalli jmorru warajh. Rose u missierha ħarsu lejn xulxin u marru lejh mingħajr ma lissnu l-ebda kelma, it-tnejn li huma b'ħalqhom miftuħ bilkemm jifilħu jitkellmu. "Ġużè, nagħmlu patt." Ġużè għamillu mossa b'rasu għaliex ma kien qed jifhem xejn, iħoss kemm kemm sidru juġgħu bl-inkwiet. "Ser niġbor żewġ ċagħqiet. Waħda bajda. Waħda sewda. Ser nitfagħhom f 'din..." qalilhom hekk kif daħħal idejh fil-but u ħareġ ħorża żgħira ħadra tal-bellus li x'aktarx kien jużaha għall-flus li kien isellef. "Mingħajr ma tħares, Rose ser ittella' waħda. Jekk tagħżel il-bajda, neħodha b'marti u jkollha tiżżewwiġni u naħfirlek id-dejn. Jekk itella' dik sewda, allura nħallikom bi kwietkom u d-dejn ikun imħallas." Ġużè beda jħoss rasu ddur. Ma kienx jaf x'kellu jaqbad jagħmel! Fuq kollox dik bintu kienet! U ma riedx jaraha ma' raġel għandu aktar żmien minnu! U ma dak imbagħad! "Le..." kien ser jibda' jgħid. "Iva," weġbitu Rose. "Għal missieri nagħmilha. Hekk jew hekk tħallih bi kwietu." "Rose!" beda jgħajjat Ġużè jħoss id-demm tiela' għal rasu. Is-sur Jersinho daħaq, niżel kokka u ġabar żewġ ċagħqiet. Għalkemm Ġużè ma kienx induna, hi kienet indunat. Is-sur Jersinho kien ser jilgħabhom! Daħħal iċ-ċagħaq fil-ħorża u għamel mossa lil Rose biex iddaħħal idha u toħroġ waħda. Rose resqet lejh. Is-sur Jersinho tbissem. Ftit. Ftit ieħor u l-isbaħ tfajla li qatt kien ra kienet ser issir martu! Daħħlet idha fil-ħorża u qabdet ċagħqa. Ħarset lejh. U hu kien qed iħares lejha. Ġużè kien qed jirtogħod. Ħarġet iċ-ċagħqa u ħallietha taqa' mal-art, titħallat maċ- ċagħaq l-oħra li kien hemm fuq il-bajja. "Iż-żikk! Waqgħetli!" qaltlu taparsi tinkwieta. "Ħares fil- ħorża, sur Jersinho, iċ-ċagħqa li fadal hu l-kulur li ma tellajtx jien!" Is-sur Jersinho ħares fil- ħorża, in-nervi telgħin f 'rasu. Rose kienet lagħbitu hi! Kienet indunat li s-sur Jersinho kien tella' żewġ ċagħqiet tal-istess kulur! U t-tnejn li huma kienu bojod! Hekk id-dejn ta' missierha kien inħafer u kienet lagħbitu hi! 20 Opinjoni Żewġ ċagħqiet Sharon Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 MAY 2018