Illum previous editions

ILLUM 6 MAY 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/977915

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 31

3 Il-Ħadd 06 ta' Mejju 2018| illum Aħbarijiet 3 add 06 ta' Mejju 2018| Aħbarijiet qed nagħmlu xejn ġdid... nitkellmu issa?' U l-Malti Vokazzjonali? Malti inqas? Ħafna mistoqsijiet daru wkoll madwar dak li qed jissejjaħ bħala "Malti Vokazzjonali" jew "Malti Applikat." Imma dan xi jkun eżatt? Apparti li dan is-suġġett diġà huwa mgħallem fl-MCAST, li se jiġri issa huwa li l-Malti Vokazzjonali se jkun offrut għall-istudenti anke fl-edukazzjoni sekondarja. Fabri fakkar f 'rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, li ħareġ wara konsultazzjoni wiesgħa f 'Malta u li jgħid iswed fuq l-abjad li Malta għandha bżonn it-tagħlim tal-Malti Vokazzjonali. Imma dan il-Malti Vokazzjonali x'se jkollu differenti? Fabri spjega li dan se jkun Malti applikat li jikkumplimenta wkoll l-introduzzjoni ta' aktar suġġetti vokazzjonali fl- iskejjel. Jiġifieri dan se jkun Malti applikat fis-suġġetti vokazzjonali li student ikun qed jitgħallem. Jekk student ikun qed jitgħallem suġġett bħalma hu l-inġinerija mekkanika, il-Malti li jitgħallem se jkun qed isaħħaħ it-tagħlim li l-istudent qed jieħu fis-suġġett vokazzjonali. Semma pajjiżi barra minn Malta, fosthom pajjiżi Ewropej fejn l-istudenti jingħataw l-opportunità li jagħżlu jew rotta vokazzjonali jew rotta akkademika. "Ma aħna qed nagħmlu xejn ġdid... qed isir ħafna xogħol biex insiru parti mid-dinja. Fl-edukazzjoni bilfors trid tbiddel." 'Il-vokazzjonali se jkun ferm itqal' Għall-kuntrarju ta' dak li jaħsbu ħafna, jiġifieri li s-suġġetti vokazzjonali, f 'dan il- każ il-Malti se jkunu eħfef u l-istudenti se jidħlu għalihom għax jgħaddu żgur, fi kliem Frank Fabri l-esperjenza u l-evidenza turi mod ieħor. "Nazzarda ngħid li l-vokazzjonali faċli ħafna jkun ferm iktar impenjattiv mill- akkademiku." Imma dan il-Malti vokazzjonali se jkun jinkludi grammatika u letteratura? Fabri insista li kwalunkwe student tal-Malti se jkun qed jitgħallem jikteb u jitkellem Malti tajjeb. Allura se jkun imħarreġ kif jibni kelma, sentenza u paragrafu, "iżda se jkun Malti ħafna aktar applikat milli teorija, għax se jkun għall-istudenti li jagħżlu r-rotta vokazzjonali." Iżda ħafna huma kontra...min hu favur? Jibqa' l-fatt li l-entitajiet kollha tal-Malti huma kontra l-proposta tal-Gvern li t-tliet sillabi tal-Malti jitpoġġew fuq l-istess livell, jiġifieri jkollhom l-istess ċertifikazzjoni. Fost dawk kontra hemm l-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-Università, l-Għaqda tal-Malti, l-Għaqda Poeti Maltin u diversi professjonisti oħra tal-Lingwistika u li mhumiex speċjalizzati fil-Malti biss, fosthom il-Professur Ivan Callus mid-Dipartiment tal-Ingliż u Ġorġ Mallia mid-Dipartiment tal-Midja u l-Kommunikazzjoni. Mas-sit Illum.com.mt, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, Bernard Micallef, kien ċar meta qal li "ma jagħmilx sens" li tliet sillabi tal-Malti jitpoġġew fuq l-istess livell. Jekk dawn l-esperti tal-Malti u tal-lingwa huma kontra....min hu favur? "Dak li qed ngħidu diġà qed isir," saħaq Fabri waqt li fakkar li l-Learning Outcomes, li x-xogħol fuqhom inbeda lura fl-2012, jinkludi wkoll sillabu tal-Malti għall-barranin li jwassal għal-livell tlieta tal-qafas Malti tal-Kwalifiki li huwa ekkwivalenti għas-SEC. "Kien hemm nies tal-Università involuti fih. Għaliex qed nitkellmu issa?" Imma qabel ħarġu dawn il-proposti, kien hemm konsultazzjoni? Min kien favur dawn il-proposti? "U żgur li kien hemm konsultazzjoni u min kien favur. Ma rrid nesponi lil ħadd. Meta għamilna pubblika l-pożizzjoni tagħna, fuq il-mejda konna l-Ministru, jiena u professur," saħaq Fabri. "Ma għandniex ċans noqogħdu ngħoddu min hu favur." Fakkar ukoll li l-proposti mhux jitkellmu biss dwar il-Malti bħala suġġett imma wkoll fuq it-tagħlim tal-Malti. Filwaqt li japprezza l-opinjoni ta' Bernard Micallef, waqt li qal li l-Ministeru dejjem lest li jilqa' proposti għat-titjib, fakkar kif 'il barra mill-Fakultà tal-Arti hemm il-Fakultà tal-Edukazzjoni li tinkludi fiha professuri li huma speċjalizzati fit-tagħlim tal-Malti. Hemm biżżejjed għalliema mħarrġa? Bħalissa għaddej programm ta' taħriġ għall-għalliema, spjega Fabri waqt li fakkar li s-sillabi tas-suġġetti kollha se jkunu qed jinbidlu, inkluż dak tal-Malti. Is-sillabu tas-SEC qed jinħadem minn bord tal-MATSEC u l-għalliema qed jingħataw iċ-ċans li jipprovdu lura l-ideat tagħhom. "Bħalissa ċ-ċentru qed jirrevedi s-sillabi u l-forom ta' assessjar li se jintużaw fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji, skont dak li qed jitolbu l-għalliema," saħaq Fabri waqt li insista li jaf biss b'żewġ pajjiżi oħra li għamlu dan. L-istess proċess se jkun qed isir għall-Malti. Ngħożżu lil Dun Karm imma anke l-awturi tal-lum Jidher li għad ma hemmx indikazzjoni ċara x'se jkunu jinkludu s-sillabi l-ġodda tal-Malti, imma jidher li t-tagħlim tal-letteratura se jinbidel mhux ħażin. "Aħna naqblu mal-letteratura iżda rridu ndaħħlu letteratura aktar rilevanti," saħaq Fabri waqt li semma xogħlijiet ta' awturi bħalma huma Emmanuel Mifsud, Claire Azzopardi u Adrian Grima fost l-oħrajn. Dan ma jfissirx li poeti u awturi bħal Dun Karm se jingħataw il-ġenb, iżda insista għaliex tfal ta' 12-il sena għandhom ikunu mċaħħda minn awturi li qed jiktbu bil-lingwaġġ taż-żgħażagħ u li fi kliemu se jieħdu gost jaqraw, japprezzaw u janalizzaw il-letteratura. Fi kliem Fabri, meta jiġu għal Dun Karm se japprezzawh aktar għax ikollhom pedamenti aktar soda fil-letteratura. Aktar libertà għall-għalliema... Fost il-bidliet li jidher li se jkunu implimentati se tkun qed tingħata aktar libertà lill-għalliema. "Għandu jkun iċ-ċentru li joqgħod jgħidlek x'awtur tgħallem? Jekk l-għalliem qed jgħallem il-metafora, għaliex bilfors trid tkun il-metafora f 'Dun Karm? Aħna qed ngħidu ejja nħallu lill-għalliem jiddeċiedi skont il-klassi li għandu quddiemu." Insista li l-għan huwa li l-għalliema jingħataw aktar spazju biex jieħu pjaċir jgħallmu. "Dan ma jfissirx li ma jkunx hemm qafas, imma l-għalliem ma għandux jispiċċa sempliċiment messaġġier." L-istudenti meta se jagħżlu x'Malti jistudjaw? L-istudenti se jibdew jagħżlu jekk jistudjawx is-sillabu tal-Malti Akkademiku, li qed ikun rivedut, jew il-Malti Vokazzjonali fil- Form 2, l-istess meta jiġu biex jagħżlu s-suġġetti tagħhom. Dan se jkun possibbli mill-2019. Fabri saħaq li t-tfal se jingħataw aktar għajnuna biex jifhmu aħjar ir-rilevanza u r-rabta bejn id-deċiżjoni li qed jieħu u l-bibien li ser isibu miftuħin wara s-SEC. Kull istituzzjoni (MCAST, ITS, l-Università eċċ...) ser tiddeċiedi hi liema sillabu se tkun qed taċċetta u l-istudenti ser ikunu infurmati fil-Form 2 meta jaslu biex jagħmlu l-għażla tagħhom. "Imma għall-kuntrarju ta' dak li jiġri sa issa, tmur fejn tmur irid ikollok il-Malti," temm jgħid Fabri.

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 MAY 2018