Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/977915
7 Il-Ħadd 06 ta' Mejju 2018 | illum Aħbarijiet tnejn bejn bela' te u żewġ pastizzi Rozario Magro u Toni Farrugia Mingħand Anici tlaqna lejn Ħaż-Żebbuġ. Mal-bar tal- Każin San Filep sibna lil Rosario Magro u lil Toni Farrugia żewġt iħbieb jieħdu tazza te qabel ma jxammru l-kmiem. "Il-każin huwa t-tieni dar tiegħi. Mid-dar għal hawn u minn hawn għad-dar. Dejjem l-istess ħajja aħna. Dilettant tal-festa, insib x'nagħmel hawn. Hawn ir-rikreazzjoni tiegħi. Inserraħ moħħi. L-hena tiegħi," saħaq Rosario. Tal-istess opinjoni kien Toni: "Aħna qegħdin xi erbat iħbieb, naħdmu flimkien fl-armar, nieħdu birra flimkien, ħbiberija kbira. Għaqda u mħabba. Kif jaħsbuha kieku l-każin kellu jagħlaq? "Min iħobb lil każin hawn se jibqa'. Noqogħdu barra sakemm insibu post ieħor." Ma ssibx każin ieħor? "Le ta! Hawn in-number one u l-aħħar wieħed... ilni 50 sena hawn ġew." U kif tqattgħuha l-ġurnata fil-każin? "Bħalissa qed nippreparaw għall-festa. Nieħdu bela' te u nibdew intellgħu l-armar minn isfel għal fuq biex meta noħorġu l-armar insibuh magħna u narmaw fl-inqas żmien, għax aħna l-inġenji niddubawhom, allura kemm jista' jkun, ma ndewmuhomx għandna." David u John Ftit 'l hemm minnhom, David u John, żewġt iħbieb oħra, kienu qed jgħidu kelma bilqiegħda madwar mejda. "Il-każin huwa t-tieni dar tiegħi," saħaq John. "Jien niġi hawn għax nieħu gost niltaqa' ma' żewġt iħbieb," kompla miegħu David. Nieħu te u żewġ pastizzi u nikkumentaw fuq dak li jkun għaddej." "Il-festa l-għaxqa tagħna. Issa li daħal Mejju nibdew ngħoddu l-ġranet għax hawn il-festa nagħmuha fit-tieni Ħadd ta' Ġunju. Allura dalwaqt nibdew nippreparaw xi attività, u stedina 'l hawn u 'l hemm u naraw kif se niċċelebraw. U jekk jagħlaq il-każin? "Diffiċli," wieġeb John mill-ewwel. "Aħna l-każin huwa proprjetà tal-membri u f 'każ li jiġi biex jagħlaq tieħdu l-knisja, għax wara l-membri jiġi l-prokuratur ta' San Filep. Għandna rħama li turih dan." "Fl-ibliet u l-irħula Maltin diffiċli biex każini tal-baned jagħlqu. Il- festi reġgħu qabdu, ħares ftit lejn l-armonija taż-żgħażagħ. Sas-sena li għaddiet sieħbi Johnny kien għadu wieħed fil-kumitat, jiġbor u jirsisti. Illum ma għadux imma minfloku daħlu żgħażagħ b'ħafna entużjażmu. Każini diffiċli biex jagħlqu," saħaq David. John ma felaħx ma jgħidiex: "Tinsiex! Hawn l-ewwel każin ta' Malta. Mhux minn dejjem konnha hawn imma llum għandna dan il-kobor kollu. Jien kburi ħafna bil-każin. Bħalma jaf sieħbi David, jiena dejjem kont nirsisti u nivvinta biex ikollna palazz u llum għandna palazz ta' veru." Philip Zammit F'każin ieħor, dak ta' San Ġużepp ta' Ħaż- Żebbuġ, ilmaħna lil Philip, bilqiegħda f 'rokna ma' erbat iħbieb b'lista quddiemu. "Il-każin parti minn ħajti. Lili bħalha anzjan iżommni attiv għax nagħmel ħafna xogħol fih, niġbor ir-riklami u kumitat. Is-soċjetà dik hi. Marbuta miegħek." "L-aktar ħaġa li nagħmlu nparlaw. Niġu hawn, ninġabru erba' anzjani bħali, nieħdu bela' te. Dik hi l-ħajja tagħna. Imbagħad inpattu fil-festa." Joseph Seguna "Il-Każin huwa passatemp. Ikollok ftit ħin liberu, tiġi tilgħab ftit billiard, tieħu tazze te, jew flixkun birra. Aħna ġo raħal ngħixu. Xi trid tagħmel iżjed," qalilna Joseph li wkoll inzerta fil-każin jgħid kelma mal-ħbieb. "Xi drabi minn hawn niltaqgħu u mmoru xi mixja, jew naraw xi 5-a-side meta jorganizzaw xi waħda. Xi kultant toqgħod tisma' l-gideb ukoll. Għax hawn tnejn jigdbu hawn," kompla jgħidlna bejn daħka u oħra. "Imma importanti wkoll għall-kultura. Aħna ġo Ħaż-Żebbuġ għandna tliet każini sbieħ. High class." Il-każini u l-kirjiet: • L-ILLUM tirrapporta kif 20 każin jinsabu taħt mannara • Uħud mill-każini li jikru, diġà affaċjaw jew qed jaffaċjaw każijiet il-Qorti • Is-sidien tal-King's Own tilfu l-kawża f 'Malta imma ħadu l-Gvern quddiem Qorti Ewropea • Ta' Stella Maris qed jistennew li tinqatgħalhom kawża • L-istess ta' San Gejtanu u ta' Duke of Connaught's • Ta' De Paule nifdu l-każin, ma infurmawx lis-sidien u se jkollhom jiżgumbraw • Ta' San Leonardu ħasbulu, xtraw biċċa art u qed jibnu każin • Ċans li l-kirja tal-Każini terġa' togħla • Aktar dettalji fuq is-sit illum.com.mt