Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/981269
11 Il-Ħadd 13 ta' Mejju 2018 | illum Aħbarijiet ycioffi@mediatoday.com.mt Yendrick Cio ILPOEŻIJA ma tista' qatt tinfired mill-esperjenzi li jkun għadda minnhom poeta. Dan huwa dak li wieħed isib fil-versi tal-poeżiji miġbura f 'Bil-Boqxiex. Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-poeta Louis Briffa li ġabar il-poeżiji, jew aħjar l-esperjenzi, l-emozzjonijiet u r-riflessjonijiet tiegħu f 'dan il-ktieb. Meta wieħed jibda jqalleb il-paġni ta' din il-ġabra jinduna li hemm xi ħaġa ħafna aktar personali f 'dawn il-poeżiji minn sempliċiment versi u strofi miktuba b'Malti mirqum. "Ma nistax noftom dawn il-versi minni nnifsi u kollox jorbot mal-kalvarju tas-sinċerità li ngħix f 'dinja li tħajjel b'tant artifiċjalità, saħaq Briffa. It- tribulazzjonijiet u s-sofferenzi li għaddejt minnhom f 'dawn l-aħħar għaxar snin kienu kbar u għalhekk ma stajtx ma nirriflettix dan, anke bħala raġel tad-demm u l-laħam li jifraħ bis-sabiħ kif ukoll jogħtor għad- daqqiet malinni tal-ħajja." Dawn l-esperjenzi ma jidhrux biss fil-kliem u l-metafori li juża l-poeta, iżda anke r-rimi u r-ritmi jirriflettu l-burdata tiegħu. "Għalija t-ton fil-poetika tiegħi hu neċessarju," saħaq Briffa. Imma għaliex tħoss li għandek taqsam mal-qarrejja dawn l-esperjenzi personali, li ħaddieħor jippreferi jħallihom warajh maqfula bejn l-erba' ħitan tad-dar? "Nemmen li bil-poeżija nibdel l-ikrah, dak li hu negattiv...f 'xi ħaġa sabiħa li nittama 'ċċaqlaq' lill-qarrejja. "Anki fl-aktar sitwazzjonijiet oskuri tal-ħajja, il-poeżija kienet għalija bħal rifuġju," saħaq Briffa. X'temi jitrattaw dawn il- poeżiji? Mal-poeta tajna ħarsa lejn uħud mill-poeżiji li huma miġbura f 'Bil-Boqxiex, anke biex nifhmu aħjar it-temi li jidwu minn dawn il-paġni. Briffa spjega kif il-ktieb huwa mqassam f 'disa' taqsimiet. Fihom jitkellem dwar diversi suġġetti, fosthom ir-relazzjoni tiegħu ma' ibnu, it-tbatija li għadda minnha tul l-aħħar 10 snin, l-imħabba, it-tbatija ta' Kristu u marbuta magħha riflessjoni dwar kif it-tbatija għandha skop fil-ħajja. "It-tbatija għamlitni bniedem aħjar, li kapaċi nifhem ukoll it-tbatijiet tal-oħrajn," saħaq il-poeta. Iżda ma jiqafx hemm. Poeżiji oħra jieħdu temi aktar universali. Jitkellem dwar l-ambjent, jew aħjar kif qed nhedduh, l-immigrazzjoni, il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, fost oħrajn. L-aħħar taqsima tinkludi diversi temi li l-poeta esplorahom permezz tal-ħajku u t-tanka. L-imħabba...imma mhux kif nafuha Staqsejna lil Louis Briffa minn fejn jislet dawn it-temi. Kien skjett meta qal li ħafna drabi jintreħa u jħalli l-emozzjonijet iġorruh. It-tema l-aktar għall-qalbu tibqa' dik tal-imħabba. Hawnhekk Briffa kkwota lill-Professur Oliver Friggieri, li kien sejjaħlu "l-poeta tal- imħabba". Iżda meta jitkellem fuq l-imħabba, Briffa mhux jitkellem fuq l-idea romantika mfissra mill-poeti tas-sekli mgħoddija. Altru minn hekk. Għalih l-imħabba hija element ta' qrubija u ftehim bejn il-partijiet. 'Il bogħod mill-idea romantika tal-imħabba, ħafna drabi l-imħabba kif imfissra minn Briffa hija "riflessjoni u biża' mir-realtà kiefra ta' madwarna li l-ebda għaqda bejn koppja mhi daqstant garanzija fid-dinja mgħaġġla tagħna, bit-tlellix u l-ġenn li tħajjel il-bniedem bih." Imma għaliex il-poeżija? Hemm ħafna metodi kif wieħed jista' jesprimi ruħu, speċjalment illum meta ħafna jerħulha fuq Facebook biex jesprimu dak kollu li jgħaddi mill-garigori ta' moħħhom. Staqsejna lill-poeta għaliex jitkteb il-poeżija. "Naħseb li hi parti mir-responsabbiltà li nħoss lejn il-ħajja," kien pront iwieġeb il-poeta. Spjega kif iħoss li ċertu mumenti ma għandhomx jgħaddu minn għalina bħallikieku ma kienu xejn. "Nikteb il-poeżija appuntu għax m'iniex aljenat," kompla jispjega Briffa. "Inħossni nnamrat mas-sieħba tiegħi, mal-ilsien Malti, man-natura u l-ambjent ta' madwarna. Mal-wirt storiku tagħna. Ma' Malta, jekk trid. Ma' partijiet oħra tad-dinja li nżur. Ma' Alla. Din is-sbuħija kollha tqanqalli fawra f 'qalbi li jien minn żmien għal żmien nipprova nsarrafha fi kliem." Il-mużika, għal dan il-poeta, tilgħab ukoll parti importanti wkoll b'mumenti ta' ispirazzjoni li jsejħilhom "l-aktar intensi". Il-poeżija għadha relevanti? Komplejna nistaqsu lil Briffa jekk jaħsibx li l-poeżija għadha rilevanti. Vera hemm min iħoss li għandu jikkomunika permezz tal-versi u l-istrofi, il-metafora, ir-rima u l-metrika, imma fl- aħħar mill-aħħar, kemm hawn min japprezzaha u kemm hawn min jaqraha? Il-poeta saħaq li hija ħasra li din l-arti ma għadhiex mogħtija l-istess importanza bħal fi żmien Dante jew epoki oħra, iżda saħaq li minkejja d-dinja tal-kompjuters, il-mowbajls għad hemm nies li japprezzaw 'is-sbuħija tal-lingwa'. "Għalkemm ftit isiru tentattivi biex tinqara l-poeżija mill- ġenerazzjoni tiegħi nobsor li xorta għadha meqjusa bħala ġmiel, bħala xi ħaġa li tirrappreżenta s-sbuħija," saħaq Briffa. Fakkar fit-temi li jikteb dwarhom, fosthom l-immigrazzjoni u l-kunflitt fil-Palestina. "Mela l-poeżija għadha twassal messaġġ," kompla Briffa. "Sħabi l-poeti kitbu wkoll dwar x'qed jiġri fis-Sirja, x'seħħ fil-Libja, fit-Tuneżija, fl-Eġittu, f 'dik li ssejħet bħala 'rebbiegħa Għarbija'." Għalhekk ir-risposta ta' Briffa hija li iva, il-poeżija għadha rilevanti. "Jien il- poeżija ma narahiex biss bħala arti, iżda wkoll bħala mod ta' ħajja jew għajxien... hija għodda li nistgħu nutilizzaw biex nibqgħu umani." Hawnhekk fakkar fil-lirika tal-kanzunetti, li fl-aħħar mill-aħħar hija poeżija. Kanzunetta twassal messaġġ u ħafna drabi tħalli impatt. Sentejn ilu, Bob Dylan rebaħ il-Premju Nobel għal-letteratura propju għax "ħoloq espressjonijiet poetiċi ġodda fit-tradizzjonijiet tal- kanzunetta Amerikana." Minn fejn ġie t-titlu Bil- Boqxiex? Bil-Boqxiex huwa titlu kemxejn differenti u xi ftit jew wisq diffiċli. Staqsejna lill- poeta xi jfisser dan it-titlu. Ikkwota lill-Professur Charles Briffa li fid-daħla tal- ktieb spjega minn fejn ġejja t-tifsira tal-kelma. Bil-Malti boqxiex tfisser ċana żgħira użata biex tinċana fit-tond. "Bħalma ċ-ċwani jinċanaw biex jillixxjaw jew jittundjaw, jien insawwar u nittrimmja l-lingwa tiegħi biex ikolli poeżiji xierqa," saħaq Briffa. Intant, apparti minn hekk, il-ktieb huwa mżejjen ukoll b'ritratti u xogħlijiet tal-artui tal-pittur Lawrence Buttigieg u li jikkumplimentaw il- kontenut. Min irid jakkwista kopja jista' jibgħat imejl fuq: louisbriffa@gmail.com Ibiddel f 'versi s-sofferenzi u t-tbatija li għadda minnhom Il-poeżija kemm għadha rilevanti? Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-poeta Louis Briff a li għadu kemm ippubblika t-tieni ġabra ta' poeżiji b'temi li jvarjaw mir-relazzjoni ma' ibnu sal-kunfl itt bejn l-Iżrael u l-Palestina. b'mumenti ta' ispirazzjoni li jsejħilhom "l-aktar intensi". mod ta' ħajja jew għajxien... €10,000 fis-sena għal xogħol part-time Ingħaqad ma' Malta Public Transport bħala xufier fuq bażi part-time fix-xahar ta' Mejju u tista' taqla' €10,000 fis-sena jekk taħdem 24 siegħa fil-ġimgħa. Ċempel fuq 21222000 għal aktar informazzjoni. Termini u kundizzjonijiet japplikaw.