Illum previous editions

Illum 13 May 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/981269

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 32

illum | Il-Ħadd 13 ta' Mejju 2018 K ull min isegwi l-futbol Taljan jaf xi tfisser l-espressjoni żona Cesarini. Din l-espressjoni tintuża meta xi tim jiskorja wara l-ħin regulari. Tissejjaħ Cesarini għax apparentement dan kien plejer illi kien iħobb jiskorja wara l-ħin regulari. Dak li l-Ingliżi jsejħulu injury time. Forsi mil-lum 'il quddiem nistgħu anke nibdew nsejħulha żona Salvini wara l-mexxej tal-Lega. Ċertament nistgħu nagħmlu hekk jekk Salvini jirnexxilu jifforma gvern mal-Moviment 5Stelle wara 70 jum mill-elezzjoni ta' Marzu li għadda. Sal-bidu ta' din il- ġimgħa l-pronostiċi ma kienu xejn ottimisti. Kien hemm anke spekulazzjoni qawwija illi nhar l-Erbgħa li għadda l-President Taljan Sergio Mattarella kien ser jinnomina Prim Ministru sabiex imexxi gvern ta' servizz li jrid ifittex l-appoġġ tal-partiti fil-parlament biex wara illi forsi tinbidel l-liġi elettorali u jgħaddi baġit għas-sena d-dieħla, l-Italja terġa' tivvota. Kienu diġà ssemmew erba' nisa li setgħu jiġu nnominati bħala Prim Ministru. L-alternattiva l-oħra li semma Mattarella kienet illi ssir elezzjoni ġdida f 'Lulju jew fil-ħarifa. Imma kollox inbidel l-Erbgħa fid-9 p.m. meta f 'nota qasira Silvio Berlusconi aċċetta l-inevitabbli u ta l-barka tiegħu lill-alleanza bejn il-Lega u l-Moviment 5Stelle minkejja illi l-Lega kienet tifforma parti mill-alleanza taċ-ċentru lemin. Fl-aħħar Berlusconi għaraf illi elezzjoni f 'dan l-istadju setgħet tfisser l-estinzjoni politika tiegħu b'konsegwenzi serji anke għall-azjendi tiegħu. Din l-alleanza verament ilha fl-arja mill-għada tal-elezzjoni. L-istinti populisti u anti- establishment taż-żewġ partiti jagħmluhom sieħba naturali minkejja bosta differenzi fundamentali bejniethom. Dana minkejja illi l-Lega ilha sieħba ta' Berlusconi mill-bidu tal-avventura politika tiegħu u dejjem kienu l-junior partner fil-gvernijiet tiegħu. Il-Lega tmexxi wkoll il-Lombardija u l-Veneto, tnejn mill-aktar reġjuni sinjuri u popolużi Taljani u għandha sehem importanti fir-reġjuni kollha mmexxijin miċ-ċentru lemin. Minkejja wkoll l-iskandli finanzjarji kbar illi l-Lega kellha xi snin ilu taħt il-fundatur tagħha, Umberto Bossi, il-Lega tipposizzjona ruħha bħala anti- establishment. Mill-banda l-oħra, il- Moviment 5Stelle ftit kellu alternattivi milli jagħmel din l-alleanza mal-Lega. La ma rnexxielux jakkwista maġġoranza parlamentari kif kien qed jittama li jkollu, kellu bil-fors jipprova jagħmel alleanza ma' xi partit ieħor sabiex jirnexxilu jakkwista l-poter. Madankollu, iż-żwieġ naturali tal-Moviment 5Stelle mal-Lega sab intopp mhux żgħir minħabba l-alleanza tal-Lega ma' Silvio Berlusconi. Iċ-ċinquestellati qamu f 'rewwixta kontra kwalunkwe alleanza ma' Silvio Berlusconi u t-tmexxija tal-Moviment ma setgħetx ma tagħtiex każ. Għaldaqstant, il-mexxej tal-Moviment 5Stelle, Luigi Di Maio għamilha ċara illi ma riedx jallea ruħu ma' Forza Italia ta' Silvio Berlusconi u fl-istess waqt, Berlusconi ma aċċettax illi jħalli lil-Lega tidħol f 'alleanza mal-Moviment 5Stelle.Din is-sitwazzjoni baqgħet ma nbidlitx għal ġimgħat sħaħ. L-anqas it-tentattiv taċ-5 Stelle illi jiftaħ trattattivi mal-Partit Demokratiku ma rnexxa. Kien hemm xi esponenti tal-Partit Demokratiku illi kienu favur dawn it-trattattivi imma l-eks segretarju Matteo Renzi illi fir-realtà għadu fil-kontroll tal- partit kien kontra kwalunkwe ftehim maċ-5 Stelle. U eventwalment għaddiet tiegħu b'diżappunt kbir tal-elementi xellugin taċ-5Stelle illi issa ser jispiċċaw jallejaw ruħhom ma' Lega illi f 'dawn l-aħħar snin dejjem resqet aktar lejn il-lemin. Il-kalkolu ta' Renzi hu illi alleanza Lega - 5Stelle ma jirnexxilhiex tirrispetta l-wegħdiet li ż-żewġ partiti għamlu waqt il-kampanja elettorali u dan iħalli effett negattiv fuq l-appoġġ elettorali taż-żewġ partiti. U għalhekk ma jridx ikollu x'jaqsam maċ- 5Stelle akkost ta' kollox. Jista' jkun illi Renzi għandu raġun fuq din: il-Lega flimkien mal-partiti l-oħra taċ-ċentru lemin wegħdet l-introduzzjoni tal-flat tax illi permezz tagħha, kulħadd jispiċċa jħallas l-istess ammont ta' taxxa irrispettivament mid- dħul tiegħu. Din hi miżura regressiva għall-aħħar li ser tiffavorixxi lil min hu sinjur askapitu ta' min hu l-aktar fqir u batut. Hu kkalkulat illi din il- miżura ser tiswa lit-Teżor Taljan iċ-ċifra sabiħa ta' €60 bn fis-sena u familja bi dħul ta' € 30,000 ser tispiċċa tħallas €2,700 taxxa minflok €210. Imbagħad għandek il-wegħda l-oħra, u f 'ċertu sens opposta, tal-Moviment 5Stelle illi jagħtu dħul garantit liċ-ċittadini kollha, miżura illi skont l-istitut nazzjonali tal-istatistika ser tiswa €28 bn fis-sena. B'hekk iż-żewġ partiti ħadu ħsieb l-elettorat rispettiv tagħhom u dawn iż-żewġ wegħdiet issa jridu jiġu rikonċiljati u mwettqa. Imbagħad, iż-żewġ partiti t-tnejn li huma wegħdu l-kanċellament tar-riformi fil-qasam tal-pensjonijiet li twettqu fi żmien il-gvern ta' Monti, wegħda illi mistennija li tiswa €130 bn fi żmien ħames snin. Meta wieħed iqis id-dejn enormi tal-istat Taljan ekwivalenti għal 133% tal-Prodott Gross Domestiku, mhux ta' b'xejn illi Renzi qed jogħrok idejh xħin issa wasal il-mument illi dawn il-wegħdiet jiġu onorati. Għalkemm l-ostaklu ta' Berlusconi ġie ssuperat, ma jfissirx illi ma baqax problemi sabiex jiġi ffurmat il-gvern Taljan il-ġdid. Fl-ewwel lok, irid isir qbil fuq min ser imexxih. Oriġinarjament, sabiex jintlaħaq ftehim, kemm Di Maio kif ukoll Salvini ftehmu illi ħadd minnhom ma joqgħod Prim Ministru. Kien hemm spekulazzjoni illi Di Maio kien ser jinħatar ministru tal-affarijiet barranin mentri Salvini jilħaq ministru tal-intern fejn ikun jista' jwettaq il-wegħda tiegħu illi jiddeporta 600,000 immigrant illegali. Imma waqt li qed nikteb dan l-artiklu lbieraħ ħarġet l-aħbar illi Di Maio reġa' bdielu u qed jinsisti illi jkun hu l-Prim Ministru peress illi l-partit tiegħu akkwista d-doppju tal- voti tal-Lega. Madankollu, it-taħdidiet bejn iż-żewġ partiti għadhom għaddejjin sabiex għada t-Tnejn jinfurmaw lill- President Mattarella bl-aħħar żviluppi. Ilbieraħ iż-żewġ partiti ltaqgħu fil-Pirellone ta' Milan fejn qegħdin jabbozzaw tal-anqas 19-il punt għall- ħidma tal-gvern il-ġdid illi qegħdin ilaqqmuh tal-bidla. Imbagħad ovvjament iridu jintgħażlu l-individwi illi ser jintgħażlu bħala ministri. Anke f 'dan ir-rigward, ir- rwol ta' Mattarella ser ikun fundamentali: Mattarella jqis il-presidenza bħala garanti tal-għażla Ewropeista u Atlantiċista tal-Italja u mistenni illi joġġezzjona għall-ħatra ta' individwi li huma ewroxettiċi u kontra n-Nato fil-ministeri sensittivi tad-difiża u affarijiet barranin. Mill-banda l-oħra, Di Maio ilu x-xhur jipprova jipproġetta immaġini aktar rispettabli tal-Moviment 5Stelle u jagħti garanziji illi r-rapport mal-Ewropa mhux ser jiġi kompromess. Imma s-simpatiji pro-Putin ta' Salvini huma magħrufa sew u dawn qed jagħtu lok għal tħassib serju minn ħafna. L-Italja qiegħda f 'xifer bidla radikali. Fuq kollox, kif għidna drabi oħra, il-gvern il-ġdid żgur ser ifisser bidla ġenerazzjonali tant mixtieqa wara li għal żmien twil l-Italja kienet immexxija minn ġenerazzjoni pjuttost anzjana bi ftit eċċezzjonijiet 'l hemm u 'l hawn. Anke jekk iċ- 5Stelle u l-Lega jirnexxilhom jiffurmaw gvern, in-numri li ser ikollhom fil-Parlament, speċjalment fis-Senat, huma tali illi ser ikollhom jipproċedu b'kawtela kbira għax possibilment jispiċċaw bla maġġoranza parlamentari f 'ċerti votazzjonijiet. Il-wasla tal-populisti fil-poter Taljan mhux neċessarjament hi xi ħaġa katastrofika. Min ser imexxi mhux ser idum ma jirrealizza kemm spiss huma limitati l-għażliet illi wieħed jgħandu meta jkun fil-poter. Madankollu, jekk il-gvern il-ġdid jirnexxielu jnaqqas il-piż fiskali fuq in-negozji u s-setturi produttivi tal-pajjiż kif ilhom jitolbu bosta ekonomisti u organizzazzjonijiet internazzjonali, ikun għamel pass kbir 'il quddiem fir- riabilatazjoni ta' waħda mill- ekonomiji l-aktar importanti Ewropej. Ekonomija illi għadha ma ħarġitx għalkollox mir-riċessjoni li laqtietha f 'dawn l-aħħar snin. Spiss jiġri illi aktar ma jsiru wegħdiet ta' bidla, anqas issir bidla. Imma m'hemm xejn ħażin fil-bidla sakemm tkun għal aħjar u magħmula bis-sens. Il-gvern il-ġdid Taljan ser iġib miegħu ħafna tamiet ġodda illi għal ġid tal-pajjiż jeħtieġ illi ma jiġux delużi. ellisjoseph@gmail.com 18 JOE ELLIS Opinjoni Żona Salvini Luigi Di Maio Mexxej tal- Movimento 5Stelle Matteo Salvini Mexxej tal-Lega Nord

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 13 May 2018