Illum previous editions

illum 20 May 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/984656

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

illum | Il-Ħadd 20 ta' Mejju 2018 M eta aktar minn disa' snin ilu bdejt nikteb minn dawn il-kolonni, l-ewwel artiklu tiegħi fil-11 ta' Jannar 2009 kien dwar Gaża. Ħames snin wara erġajt ktibt dwar il-konflitt Iżraeljan-Palestinjan fit-12 ta' Jannar 2014 taħt it-titlu "Wara ħames snin". Kont ktibt mill- ġdid dwar il-qagħda mwiergħa f 'Gaża u l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina fis-27 ta' Lulju 2014 u fit-3 ta' Awwissu 2014 fl-eqqel tal-aħħar gwerra f 'Gaża meta l-armata formidabbli Iżraeljana nediet l-Operazzjoni "Irdum Sod". Jekk wieħed jaqra dawn l-artikli, isib li ma tantx hemm x'iżżid ma' dak li diġà ntqal. Il-qagħda tal-Palestinjani mwiergħa kienet u aktar mwiergħa saret illum. L-artiklu tiegħi tat-12 ta' Jannar 2014 ikkonkludejtu hekk: "Ilu li wasal iż-żmien li l-Palestinjani ma jibqgħux ibatu aktar filwaqt li Iżrael ma jkollux aktar dwar xiex jinkwieta dwar is-sopravivenza tiegħu. Jekk nikteb artiklu ieħor ta' anniversarju ħames snin oħra, nittama li jkolli storja aktar feliċi x'nirrakkonta." Sfortunatament, għaddew kważi ħames snin imma l-affarijiet li għandi x'nirrakkonta xorta mhux sbieħ. Il-ġimgħa l-oħra, fl- istess ħin li kienet qed tinfetaħ l-Ambaxxata Amerikana f 'Ġerusalemm b'pompa manja, eluf ta' Palestinjani kienu qed jipprotestaw ħdejn il-fruntiera ta' Gaża ma' Iżrael. Ir-reazzjoni tal-armata Iżraeljana kienet mdemmija għall-aħħar. Barra illi tefgħu l-gass tad-dmugħ illi mid-dehra ma tantx kien effettiv, is-suldati Iżraeljani sparaw l-armi tagħhom bir- riżultat illi nqatlu 62 Palestinjan, fosthom tfal u ndarbu 2,700 ruħ. Kien il-jum li fih inqatel l-akbar numru ta' Palestinjani mill-offensiva militari Iżraeljana tal-2014 'il hawn. Huwa evidenti illi din ir- reazzjoni Iżraeljana kienet sproporzjonata għall-aħħar. Il-Palestinjani li kienu qed jipprotestaw qajla setgħu jheddu s-sigurtà ta' Iżrael. Is-suspett hu illi Iżrael m'għamel prattikament xejn biex jevita t-telf ta' ħajja umana. F'diskors imqanqal lis- seduta speċjali tal-Kunsill tad- Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda f 'Ġinevra, Zeid Ra'ad al-Hussein, l-aktar uffiċjal għoli tal-Ġnus Magħquda fil- qasam tad-drittijiet tal-bniedem stqarr illi "qajla jidher illi kien hemm xi sforz sabiex jitnaqsu l-imwiet u l-korrimenti nhar it-Tnejn." Ftit ġimgħat ilu, deher filmat fuq il-midja soċjali li wera suldat Iżraeljan li kien għadu kemm spara u qatel Palestinjan. Qisu qatel ċerva jew ors (li hu ħażin ukoll; aħseb u ara ħajja umana). Huwa ċar li minkejja li l-ġustizzja militari Iżraeljana xi kultant tieħu xi passi kontra xi suldat li jkun żgarra u ġieli anke xi suldat jispiċċa l-ħabs wara qorti marzjali, f 'Iżrael tirrenja kultura ta' impunità u ftit li xejn ikollhom għalfejn iħabblu moħħhom is-suldati ta' Iżrael għall-azzjonijiet tagħhom, anke jekk normalment dawn jistgħu jitqiesu bħala reati tal-gwerra. Mill-2014 'il hawn tista' tgħid li l-kwistjoni Palestinjana ma' baqgħetx aktar fiċ-ċentru tal-attenzjoni internazzjonali. Il-miġja tal-Istat Iżlamiku u l-gwerra ċivili Sirjana kif ukoll bosta kwistjonijiet internazzjonali oħra attiraw l-attenzjoni kollha fuqhom u ngħatat il-ġenb il-kwistjoni Palestinjana. Imma minkejja bosta wegħdiet illi saru qabel intemmew il-kunflitti preċedenti, l-assedju ta' Gaża għadu fis-seħħ u 1.9 miljun Palestinjan għadhom jgħixu f 'kundizzjonijiet mill-agħar. L-istess Zeid Ra'ad al-Hussein talab illi l-okkupazzjoni tal- Palestina tieqaf u qal illi l-kważi 2 miljun Palestinjan illi qed jgħix f 'Gaża qed jiġi mċaħħad mid-drittijiet fundamentali tiegħu mill-awtoritajiet Iżraeljani. "Essenzjalment qegħdin magħluqin f 'ambjent tossiku mill-awtoritajiet Iżraeljani, miċħudin mid- dinjità, deumanizzati mill- awtoritajiet Iżraeljani sal-punt illi jidher illi l-uffiċjali l-anqas jikkunsidraw illi dawn l-irġiel u n-nisa għandhom dritt, anzi kull raġuni illi jipprotestaw." Il-protesti ta' nhar it-Tnejn li għadda kienu l-aħħar minn protesti ta' kull ġimgħa magħrufin bħala "Il-Mixja l-Kbira tar-Ritorn." L-iskop ta' din il-mixja hu sabiex il-Palestinjani jerġgħu jieħdu l-artijiet illi tkeċċew minnhom jew illi kellhom jitilqu 70 sena ilu meta twaqqaf l-Istat ta' Iżrael. Dawn il-protesti huma fil-maġġoranza tagħhom paċifiċi u l-aktar illi forsi seta' kien hemm vjolenti kien xi tfigħ ta' ġebel jew xi ħruq ta' tyres. L-idea ta' din "il-mixja" kienet illi l-Palestinjani jipprotestaw b'mod mhux vjolenti wara illi l-isforzi kollha preċedenti tagħhom sabiex jieħdu dak li ħaqqhom fallew. Kemm il- kampanja terroristika tas-snin 70 u dik militari min-naħa tal-Ħamas bejn l-2007 u l-2014 ma tejbu bl-ebda mod il-qagħda tal-Palestinjani. Illum għandna sitwazzjoni fejn il-ftehim ta' Oslo ma ġiex imwettaq bl-Iżraeljani jwaħħlu fil-Palestinjani u viċi-versa. Fil-verità probabbilment iż-żewġ naħat għandhom xi parti tat-tort imma jidher ċar illi l-falliment li ninsabu fih hu l-aktar minħabba l-intransinġenza Iżraeljana speċjalment kemm ilu jmexxi Netanyahu. Imma l-fatt jibqa' illi kif qal ferm tajjeb Zeid Ra'ad al- Hussein, il-kundizzjonijiet ta' għixien tal-Palestinjani hija inaċċettabli għall-aħħar. Fix-Xatt tal-Punent tax- Xmara Ġordan, il-Palestinjani jridu jaffaċjaw l-espansjoni kontinwa tal-irħula illegali Iżraeljani u s-serq ta' art u riżorsi Palestinjani kif ukoll kontrolli repressivi għall-aħħar u restrizzjonijiet kbar sabiex jirnexxielhom jidħlu għal xi raġuni f 'Iżrael. Iżrael illum għandu 550,000 persuna jgħixu fix-Xatt tal-Punent u jidher ċar illi l-intenzjoni hi illi ssir kolonizzazzjoni bil-mod il-mod tat-territorju illi suppost ikun il-pern tal-istat Palestinjan. Ħdejn il-qagħda f 'Gaża, dik tax-Xatt tal-Punent hi ward u żahar. Għaliex f 'Gaża, 1.9 miljun Palestinjan jgħixu f 'territorju ta' 335 kilometru kwadru bi ftit li xejn possibilitajiet illi joħorġu minnu. Minn kemm ilu l-Ħamas imexxi Gaża wara illi rebaħ gwerra ċivili qasira mal-Fataħ, l-istrixxa ta' Gaża kienet ġeneralment iżolata mill-kumplament tad-dinja. Id-dħul ta' Erez fit-Tramuntana hu miftuħ biss għal ftit negozjanti u nies bi ħtiġijiet speċjali bħalma huma dawk mediċi. L-alternattiva l-oħra hi d-dħul ta' Rafaħ fin-Nofsinnhar illi jagħti għall-Eġittu. Imma l-Eġittu ma għandux relazzjoni tajba mal-Ħamas li oriġinarjament kienet fergħa tal-Fratellanza Musulmana li għal xi żmien kienet fil-poter fl-Eġittu. Id-dħul ta' Rafaħ kien miftuħ 129 jum mill-2015, medja ta' ħames ġimgħat u nofs fis-sena. Madankollu, wara l-inċidenti ta' nhar it-Tnejn, il- President Al-Sisi ħabbar illi dan id-dħul ser ikun miftuħ matul il-perjodu tar-Ramadan. Intant il-qagħda f 'Gaża dejjem sejra għall-agħar. Il-provvista tad-dawl tingħata xi tliet sigħat kuljum biss għax l-Awtorità Palestinjana ma tħallasx il- kontijiet tad-dawl tal-kumpaniji tal-enerġija Palestinjani. L-istess Awtorità lanqas tħallas is-salarji tal-impjegati taċ-ċivil u l-Ħamas jidher illi m'għandux il-kapaċitajiet meħtieġa sabiex imexxi l-amministrazzjoni. Imma probabbilment l-aktar illi qiegħed jipparalizza l-ekonomija ta' Gaża hu l-kontroll strett tal-Iżraeljani ta' x'jidħol u x'joħroġ minn din l-istrixxa. Ir-riżultat hu illi bosta fabbriki illi qabel kienu jibagħtu l-prodotti tagħhom Iżrael jinsabu wieqfa u l-qagħad laħaq l-44%. L-infrastruttura ġiet affettwata sew bil-bumbardamenti Iżraeljani u d-drenaġġ jispiċċa jniġġes l-ilma jew jiżbroffa fil- baħar. Mhux ta' b'xejn illi n-nies ta' Gaża jinsabu ddisprati u barra illi qed jikber in-numru ta' nies li joqtlu ruħhom b'idejhom, huma bosta dawk illi jħossu li m'għandhom xejn x'jitilfu u jmorru jipprotestaw ħdejn il-fruntiera minkejja l-isparar tal-Iżraeljani. Bosta osservaturi jħossu illi dak li qed jiġri hu rebħa fir- relazzjonijiet pubbliċi għall- Palestinjani, speċjalment wara illi l-qagħda tagħha kienet prattikament intesiet. Jidher ukoll illi bil-mod il-mod qed isir ċaqliq sostanzjali fl-opinjoni pubblika, anke fl-istess Amerika bl-appoġġ għall-Iżrael dejjem jonqos. Dan iċ-ċaqliq hu ta' min jagħti kas tiegħu speċjalment fi ħdan iż-żgħażagħ Lhud- Amerikani. Fl-Ewropa, sfortunatament jidher illi qed jikber l-antisemitiżmu li mhu xejn pożittiv imma bla dubju dak li qed jiġri f 'Iżrael qiegħed ikebbes in-nar. Bil-mossa tal-Amerika illi ċċaqlaq l-Ambaxxata tagħha għal Ġerusalemm, l-Amerika ma għadhiex tgawdi l-fiduċja tal-Palestinjani illi tista' tgħin sabiex jintlaħaq ftehim aħħari. Mill-banda l-oħra anke r-Russja u l-pajjiżi Għarab qed isaħħu r-rabtiet tagħhom ma' Iżrael, fil-każ ta' dawn tal- aħħar minħabba t-theddida Iranjana. Għaldaqstant, huwa aktar u aktar importanti li l-Ewropa tilgħab rwol robust sabiex tipprova tressaq il- partijiet lejn ftehim. Dan jista' jsir anke kif kont ktibt kważi għaxar snin ilu b'reviżjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni ma' Iżrael. Jekk l-Iżrael ser jibqa' jħoss illi ħadd ma jista' għalih, it-traġedja ta' nhar it-Tnejn li għadda ser tkompli tirrepeti ruħha u tikber aktar. ellisjoseph@gmail.com 18 JOE ELLIS Opinjoni Traġedja bla tmiem Jekk l-Iżrael ser jibqa' jħoss illi ħadd ma jista' għalih, it-traġedja ta' nhar it-Tnejn li għadda ser tkompli tirrepeti ruħha u tikber aktar

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 May 2018