Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/984656
illum | Il-Ħadd 20 ta' Mejju 2018 K ienet taf li żbaljat. U kienet taf ukoll li kienet qiegħda tpatti qares għalih. Becky kien għad għandha ħamsa u għoxrin sena. Kienet ilha diġà ħames snin hawn ġew magħluqa. U kienet taf li kien fadlilha żmien mhux ħażin x'tiskonta. Hawn ġew. Fil-ħabs. Dawret ħarsitha madwar iċ-ċella tagħha. Iċ-ċella li kellha bilfors tibdel mal- appartament imdamdam li kienet taqsam ma' dak il-maħmuġ l-ieħor, li kemm kienet ilha hawn, mank biss kien indenja ruħu jiġi jagħtiha titwila, jiġi jiċċekkja kinitx għadha ħajja. Imma dak ma kienx jimpurtah minnha. Kulma ried kien li jħaddimha, idaħħal il-flus fil-but u jaqlibhielha ma' kull waħda li kien jara. Aktar hi... aktar hi kienet imliet rasha bih! Kienet ħallietu jużaha u jarmiha! U issa... issa ara x'kien ġralha! Mhux għax kienet tgħix ħajja sura ta' nies, għax xebgħet tielgħa u nieżla l-qorti, xebgħu jippruvaw jgħallmuha x'kienet it-triq it-tajba, xebgħet tmur programmi ta' rijabilitazzjoni... kollha għalxejn. Becky ma setgħetx trabbi l-għaqal. Imbagħad kien webbilha b'biċċa xogħol maħmuġa fejn suppost kellhom jaqilgħuha tajjeb, kien ser jibda jagħti kasha iżjed... u ajma... kemm kienet belha! Ħadet nifs twil mis-sigarett li kellha bejn subgħajha, sakemm ħasset in-nifs ibatti u nefħet id-duħħan 'il barra minn bejn il-grada tal-ħadid, tagħlaq għajnejha hekk kif ħasset is-sensi kważi juġgħuha. Issa kienet qiegħda tmissha l-kuxjenza. Issa kien tard wisq. Semgħet il-passi resqin lejn iċ-ċelel. Kemm xtaqet terġa' lura hemm barra! Kemm xtaqet tħossha libera! Kemm xtaqet... imma issa ma setgħetx treġġa' l-arloġġ lura. Imma kieku kienet taf b'xi mod... Kieku setgħet issib imqar soluzzjoni waħda... Imma x'setgħet taqbad tagħmel? "Becky D'Anastasio... inti tinsab ħatja u ġejt ikkundannata għal għoxrin sena ħabs effettivi..." leħen il-maġistrat kien għadu qed jidwi f 'widnejha. U dak il-mument baqa' stampat f 'moħħha għal dawn l-aħħar snin. L-għaraq li ħasset mal-pali ta' jdejha, l-awla tal-qorti donnha bdiet iddur, il-ħoss tal-għagħa tan-nies preżenti, il-pulizija li qabdu jiskortawha 'l barra, il-manetti, il-kurituri tal-qorti bojod, bojod, nies kullimkien. Imma qalb dan kollu, l-iżjed ħaġa li kienet nifditilha qalbha kienu par għajnejn imdemma' fil-kantuniera tal-awla. U hekk, kif propju f 'dak il-ħin, għajnejha kienu ltaqgħu ma' tagħha, kienet ħasset weġgħa kbira f 'qalbha. Ommha. L-għażiża ommha! Min jaf x'kienet ħasset meta kienet rat lill-unika wild li kellha, tagħti b'idejha kemm tiflaħ, tibki u twerżaq, hekk kif telqu biha 'l barra, lejn il-ħabs? Imbagħad kienu qalulha li ommha kienet mardet marda terminali bl-inkwiet tagħha u nbarmet. "Becky," qalilha. Għolliet rasha 'l fuq lejh, minn fejn kienet qiegħda bilqiegħda fuq is-sodda iebsa ġebla taċ-ċella. Minn bejn il-ħadid rat wiċċu jnemnem fil-ftit dawl artifiċjali li kien hemm. Id-deffien. Id-deffien tal-ħabs. "X'għandna?" qaltlu b'leħen kemxejn maħnuq. "Mietet oħra. Ġejt neħodha," weġibha b'leħen ġentili. "Iva, smajtha l-qanpiena," qaltlu. Għax kull darba li kien imut xi ħadd, kienet tindaqq qanpiena żgħira, ħalli Ġanni d-deffien jieħu l-ġisem bla ħajja fil-kamra żgħira li kien hemm fil- kantina, fejn kien hemm it-twiebet, ipoġġi l-ġisem ġo tebut minnhom u jitlaq 'il barra bih għad-difna. "Dik għal barra almenu!" qaltlu, kważi theżżeż snienha. Kienet kważi qiegħda tgħir għaliha. Għajnejn id-deffien baqgħu jħarsu lejha iżjed milli suppost, jifli sbuħitha u jxarrab xufftejh b'ilsienu, jħossu jixxennaq għaliha. Becky kienet tfajla grazzjuża, anzi biex inkunu għidna kollox, kienet tfajla vera sabiħa. U dnub li tfajla bħalha kellha taħli sbuħitha fejn ma jaraha ħadd, kien qed jaħseb Ġanni. "Jekk trid..." beda jgħidilha. Iżda mbagħad waqaf. Donnu beża' jkompli. "Għidli!" talbitu, tarmi s-sigarett mal-art u tgħaffġu bil-papoċċ li kienet liebsa. "Għandi pjan għalik," qalilha, idawwar ħarstu madwar il-kuritur, jaċċerta li ma kien hemm ħadd, jersaq eqreb lejn il-ħadid u jfesfsilha dak li kellu f 'moħħu. Wara diskursata kemxejn twila bejniethom, Becky resqet lura, isserraħ daharha mal-ġebel taċ-ċella u titbissem, hekk kif semgħet iż-żarbun tad-deffien jitbiegħed lejn sezzjoni oħra. "Hekk nagħmlu!" bdiet tgedwed bejnha u bejn ruħha, tħoss id-demm tiela' għal rasha bil-pjaċir. Kienu fasslu pjan! Kienu fasslu pjan biex hi, Becky, taħrab minn ġo dan il-post! Ħasset griżmejha xotti bil- pjaċir! "Isma' smajt li Dolores, dik tat-tarf daqt tħallina..." kien qalilha. "Issa wara li jiġi l-gwardjan isakkar kull filgħaxija, nibda niġi u niftaħlek jien. Meta nintebaħ li tkun mietet, inħalli filgħaxija u ndoqq il-qanpiena tal-mewt, inti tismagħha, ħalli nofs siegħa, oħroġ u mur iġri lejn il-kantina fejn hemm it-twiebet. Idħol ġol-eqreb wieħed lejn il-bieb, dak li nkunu ser nużaw u idħol fih mal-mejta. Jien neħodkom bil-vann iċ-ċimiterju u nidfinkom. Malli jitilqu l-pulizija minn miegħi, nerġa' niġi, niftaħlek il- qabar u tkun libera, orrajt?!" kien qagħad jgħidilha b'tant paċenzja. Kienet taf li Ġanni d-deffien kien jiffansjaha. U kien lest iħarrabha. U żamm kellmtu. Kull filgħaxija, eżatt malli l-gwardjan kien ikun sakkrilhom iċ-ċella, kien jiġi hu bla ħoss, li kellu ċ-ċwievet taċ-ċelel kollha u jiftħilha bilmod ħalli ħadd ma jismagħhom, ħalli tkun ippreparata. U dak il-lejl tant mistenni wasal malajr! Lanqas kienet kważi semgħetha. Qanpiena. Qanpiena ddoqq bilmod. Kienet qiegħda fuq is-sodda nofsha rieqda. U ħarġet inkiss inkiss miċ-ċella, staħbiet 'l hawn u 'l hemm ħalli ħadd ma jaraha, għaddiet xi kwarta taħt mejda sakemm rat il- gwardjan jisparixxi f 'kuritur ieħor u telqet tiġri lejn il-kantina. Fetħet l-ewwel tebut, indunat li kellu ġisem ġo fih u daħlet ħdejh. Wara ftit, semgħet il-passi, il-paroli, imsiemer deħlin fit-tebut u ħassitu jiċċaqlaq bihom. Kienet vera skomda hemm ġew ma' ġisem mejjet! Iżda bdiet taħseb li kull minuta kienet pass eqreb lejn il- libertà tagħha. Indunat li daħlu f 'vann, ħasset l-iskossi u hekk kif waslu ċ-ċimiterju, irrikonoxxiet li kienu niżżluha f 'qabar. Semgħet l-aħħar kaptella tingħalaq fuqhom! L-għaraq beda' jxoqq għaliha! Bdiet tħoss in-nifs skomdu u ma' baqgħetx tisma' sewwa, ir-riħa ta' moffa... Imma issa tistenna ftit... U jiġi... U stenniet. Stenniet ftit aktar. Bdiet tiddejjaq. Kemm kien ser idum? "Ġanni..." bdiet tippanikja, bilkemm tista' tiċċaqlaq. Imbagħad daħlet idha fil-but kif setgħet u xegħlet sulfarina kif setgħet ħalli tara min kienet il-mejta li kien hemm midfuna magħha. Ħarbitilha karba! Ħassitha trid twerżaq! Iżda ħadd ma kien ser jismagħha! Il-kadavru li kien hemm midfun magħha, kien tal- imsejken Ġanni d-deffien! Mela hu kien miet u mhux Dolores! Issa x'setgħet tagħmel? 20 Opinjoni Id-deffien tal-ħabs Sharon Calleja