Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/987218
11 Il-Ħadd 27 ta' Mejju 2018 | illum Aħbarijiet kontribut ta' Christa qabel l-inċident fatali L-esperjenza fl-iskola u l-problemi finanzjarji In-nuqqas t'appoġġ familjari jaffettwa wkoll l-andament tat- tfal fl-iskejjel u anke r-riżultati li jiksbu. Dan ma qalitux biss Christa, iżda huwa frott studju li sar qabel. Meta t-tfal ma jsibu lil ħadd fuq min iduru, x'aktarx li dan se jaffetwa l-esperjenza tagħhom fl-iskola u anke r-riżultati akkademiċi. Uħud minn dawk li tkellmu ma' Christa, b'mod partikolari dawk li kienu jgħixu ma' ġenitur wieħed u li kien ibati minn problema ta' saħħa mentali, spjegaw kif l-esperjenza tagħhom fl-iskola ma kinitx xi waħda pożittiva, aktar u aktar minħabba l-bullying. Fil-każi kollha li ltaqgħet magħhom Christa, il-familji esperjenzaw ukoll xi forma ta' problema finanzjarja. Diversi studji, anke minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WHO u l-MHFA sabu li hemm rabta bejn il-problemi finanzjarji u l-familja fejn wieħed mill-ġenituri jbati minn saħħa mentali. L-għajnuna li jsibu l-ulied Minkejja li diversi studji wrew kif ulied ġenituri bi problemi ta' saħħa mentali għandhom jingħataw l-għajnuna kollha neċċessarja biex ikampaw mas- sitwazzjoni li jinsabu fiha, il-parteċipanti tagħha ftit li xejn irċevew għajnuna professjonali. Spjegat kif aktar u aktar meta l-ulied kienu jgħixu maż-żewġ ġenituri, inqas sabu għajnuna professjonali. "Qatt ma sar assessjar ta' dawn it-tfal, la minn ħaddiem soċjali u lanqas minn professjonist ieħor," saħqet Christa. "Il-professjonisti kienu involuti biss meta kienu l-klijenti stess li talbu l-għajnuna." Hija qalet dan waqt li kkwotat akkademiċi li kitbu dwar l-importanza li l-familja kollha tkun involuta fl-ippjanar biex il-familja tkampa ma' kundizzjonali ta' saħħa mentali li jkun għaddej minnha ġenitur. Tinnota wkoll kif minkejja li jeżistu servizzi, anke fl-iskejjel stess, il-parteċipanti qatt ma fittxewhom u x'aktarx li din hija t-tendenza fost it-tfal kollha f 'sitwazzjonijiet simili. Il-konklużjonijiet ta' Christa • L-aċċettazzjoni tal- kundizzjoni mill-ġenitur twassal biex wieħed ifittex l-għajnuna, jikkontrolla l-problema u joffri ambjent aktar stabbli għat-tfal • Aħwa li jaċċettaw u jifhmu l-kundizzjoni tal-ġenitur jiżviluppaw relazzjoni aktar b'saħħitha mal-omm jew il-missier • Ġenitur bi problema ta' saħħa mentali xorta jkun hemm għall-ulied • F'dawk il-familji b'ġenitur wieħed u li jbati minn kundizzjoni ta' saħħa mentali, it-tfal kellhom ikunu aktar b'saħħithom biex joffru l-appoġġ huma fil-familja • It-tfal b'ġenituri li jbatu minn saħħa mentali jimmaturaw qabel • Tfal b'ġenitur wieħed bi problemi ta' saħħa mentali x'aktarx li se jsibuha aktar diffiċli biex ikampaw fl-iskola • Dawn il-familji kollha x'aktarx se jesperjenzaw problema finanzjarja • It-tfal li ma jifhmux il- kundizzjoni tal-ġenitur tagħhom se jbatu aktar emozzjonalment • Ħafna mit-tfal ma jingħatawx għajnuna professjonali biex ikampaw mas-sitwazzjoni It-testment ta' Christa Bħalma jiġri f 'kull teżi oħra, l-istudenti jintalbu jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal studji oħra li jistgħu jsiru fil-futur. Minħabba l-limitu tal-kliem, Christa ma setgħetx tinkludi kollox fit-teżi. Issemmi fost oħrajn li xtaqet titkellem ukoll ma' ħaddiema soċjali dwar is-servizzi offruti lil dawn il-familji, speċjalment it-tfal. Għalhekk tirrakkomanda li jsir studju dwar dan. Fid-dawl tal-istudju tagħha, Christa tipproponi li: • Tibda tingħata għajnuna lill-familja kollha biex l-interessi tat-tfal ikunu mħarsa. Christa tisħaq li anke meta ż-żewġ ġenituri huma preżenti, it- tfal għandhom ikunu assessjati, biex jekk ikun hemm bżonn jingħataw is-servizzi li għandhom bżonn, anke jekk għajnuna psikoloġika. • Żewġ jew mart il- persuna li tkun tbati minn kundizzjoni ta' saħħa mentali għandu jingħata jew tingħata l-għajnuna kollha, anke biex dawn jifhmu aħjar il-kundizzjoni tas-sieħeb jew is-sieħba tagħhom u jkunu jistgħu jkampaw aħjar u jgħinuhom fejn ikun hemm bżonn. • Jekk it-tfal jiddaħħlu f 'djar residenzjali, il- ġenitur, speċjalment jekk jgħix waħdu, għandu jingħata l-għajnuna kollha neċċessarja. Christa ssemmi l-għajnuna li ħaddiema soċjali jistgħu joffru lil dawn il-ġenituri biex jitgħallmu ħiliet ġodda biex jieħdu ħsieb id- dar u anke kif iqassmu l-flus. "Dan iżid iċ-ċans li ġenitur jikkontrolla l-kundizzjoni u anke jżid il-possibilità li jżur jew iżżur lit-tfal u 'l quddiem jerġgħu jingħaqdu flimkien. • F'każi aktar ikkumplikati, Christa Formosa tipproponi li jkun assenjat aktar minn ħaddiem soċjali wieħed għax perspettivi differenti jistgħu jwasslu għal soluzzjoni aħjar. • Stipendju aħjar għat- tfal b'ġenituri li jbatu minn problema ta' saħħa mentali u anke 'saving plan' għat-tfal fid-djar residenzjali • Aktar tagħlim fl-iskejjel dwar il-problemi ta' saħħa mentali li jkunu jinkludu wkoll attivitajiet li jqajmu kuxjenza, l-istess kif isir dwar id-droga u l-vizzju tal- alkoħol. • Tfal ta' ġenituri bi problemi ta' saħħa mentali għandhom jingħataw għajnuna ta' counselling fl-iskejjel u li dan is-servizz ma jkunx ibbażat fuq għażla tal-istudent. • Il-parkeġġ riservat għall-persuni b'diżabilità għandu jkun estiż ukoll għal dawk il-persuni li jbatu minn kundizzjoni ta' saħħa mentali. "Anke jekk kapaċi jimxu, biex isibu parkeġġ vojt jista' jkun frustranti ħafna għal dawn l-individwi," tisħaq Christa. Christa tikkonkludi billi tisħaq li fuq kollox, l-aktar ħaġa importanti hija li s-saħħa mentali ma tibqax xi ħaġa tal- mistħija, iżda li jkun hawn dibattitu aktar fil-miftuħ anke dwar il-fatt li kundizzjoni ma taffettwax biss individwi, iżda familji.