Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1407668
IL-ĦADD 05 TA' SETTEMBRU 2021 • illum aħbarijiet 'Jaħtfu l-ispazju pubbliku bil-barka tal- awtoritajiet ... ir-residenti l-aħħar u n-negozju YENDRICK CIOFFI "Fil-belt hemm ħafna illegalitajiet u serq ta' spazju li ħadd għadu ma kellu l-ħila u l-kuraġġ jieħu passi dwarhom. Daqqa pjattaforma fl-għoli fi Strada Stretta, tinda fuq ristorant li jagħti fuq Pjazza San Ġorġ, storbju esaġerat bil- lejl. Ħadd ma jieħu passi." Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM kelliem għall-Valletta Residents Revival, grupp li beda fuq Facebook u li fl-aħħar jiem, wara l-kontroversja fuq pjattaforma kbira tal-ħadid li tpoġġiet quddiem il-lukanda Rosselli fi Triq Merkanti, ġie fformalizzat biex jibda jsemma l-leħen tar-residenti kollha Beltin, bil-għan li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu aktar ibbilanċjati. Il-kelliem ta' dan il-grupp insista mal-ILLUM li l-għan ta' dawn ir-residenti mhuwiex li jikkritikaw biss imma anke li joħorġu b'ideat pożittivi għall- Belt Valletta li minnhom jista' jgawdi kulħadd u mhux ir- residenti biss. Ma' dan il-grupp ta' residenti, li llum jiġbor fih aktar minn 500 persuna, tkellimna dwar l-aħħar kontroversja li qamet wara li ġiet installata pjattaforma tal-ħadid, għall-imwejjed u s-siġġijiet, f 'parti pedonali fi Triq Merkanti, bejn Triq San Kristoforu u Triq l-Arċisqof. Ħadd mir-residenti ma kien jaf dwar dan, bil-Kunsill Lokali jgħid fi stqarrija li ma kienx infurmat u allura ma setax joġġezzjona u għalhekk talab biex il-permess ikun irrevokat. 'Dak li jsir barra ma jfissirx li jista' jsir f 'Malta' L-ILLUM tfakkar lill-kelliem ta' dan il-grupp li fi kwalunkwe belt oħra Ewropea, l-imwejjed u s-siġġijiet fil-pjazez jew inkella f 'nofs xi triq popolari huma kważi kważi n-norma. Għaliex fil-Belt Kapitali Maltija ma għandux ikun ukoll l-istess? Beda jisħaq li l-ewwel u qabel kollox, il-Valletta Residents Revival mhuwiex kontra l-imwejjed u s-siġġijiet u li bl- ebda mod ma jrid li t-toroq tal-Belt jerġgħu jispiċċaw baħħ. Madanakollu saħaq li dak li jsir barra minn Malta ma jfissirx li jista' jsir hawn ukoll. "Hawn Malta kullimkien żgħir u ma hawnx l-ispazji miuħa li għandhom barra minn Malta. Barra minn Malta n-nies aktar iddixiplinati u anke l-awtoritajiet huma iżjed stretti. Hawn ħafna jħossu li jistgħu jagħmlu li jridu. Għaliex ristorant għandu jieħu 50 metru fi triq u jħalli passaġġ dejjaq għal min irid jimxi? Jekk ma għandekx biżżejjed post ġewwa, investi x'imkien ieħor," insista l-kelliem. 'L-ispazju pubbliku qed jinħataf bil-barka tal-awtoritajiet' L-ILLUM staqsiet ukoll lil dawn ir-residenti x'inhu l-akbar tħassib tagħhom u l-akbar inkonvenjenti li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom u li għalhekk se jkunu qed jaħdmu bil-għan li jiġu indirizzati. Il-kelliem beda jisħaq li t-traffiku li jidħol fil-Belt kuljum huwa esaġerat meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-limitazzjonijiet tagħhom. Semma wkoll l-istorbju eċċessiv, li fi kiemu jibqa' sa tard bil-lejl, in- nuqqas ta' ndafa, l-immaniġġjar tal-iskart partikolarment tal- istabbilimenti kummerċjali u anke l-fatt li "tant ristoranti qed jaħtfu spazju pubbliku, bil-barka tal-awtoritajiet." "Hemm in-nuqqas ta' aċċessibbilità għal nies anzjani li jbatu biex joħorġu kif ukoll il-fatt li f 'ħafna deċiżjonijiet li jolqtu lill-Belt b'mod dirett, ir-residenti qatt mhu qed jiġu kkonsultati anzi, dejjem jiġu l-aħħar u n-negozju l-ewwel," insista. 'Triq Merkanti kienet ħadet ir- ruħ ... issa morna estrem ieħor' Iżda l-ILLUM tistaqsihom jekk jaħsbux li ż-żoni pedonali huma bil-wisq isbaħ minn toroq mimlija karozzi. Mhux aħjar mejda, siġġu u triq ħajja bin-nies, milli nimlew il-Belt bil-karozzi? Il-kelliem minnufih wieġeb li għandu jkun hemm bilanċ. Fi kliemu, f 'dinja perfetta, il- Belt lanqas biss għandu jkollha karozzi pparkjati fit-toroq. "It-toroq tal-Belt huma sbieħ immens. Kull meta jitneħħew il- karozzi minħabba xi purċissjoni, tinduna kemm il-Belt hija ferm isbaħ mingħajrhom! Iżda għandu jkun hemm bilanċ," saħaq. Insista li meta dan l-aħħar parti minn Triq Merkanti saret żona pedonali, ħadet ir-ruħ, imma saħaq li issa "morna l-estrem l-ieħor." "Minn erba' mwejjed, lukanda f 'dik il-parti tat-triq ħadet nofs it-triq bi pjattaforma tal-metall u se toħnoq it-triq kollha. Dan il-pajjiż donnu jibża mill-ispazji miuħa!," kompla. 'Il-vera ħajja ta' belt jagħtuha r-residenti ...' Il-Belt mhijiex biss ċentru amministrattiv tal-pajjiż imma hija wkoll ċentru kummerċjali u turistiku. Ristoranti, ħwienet, bars u għexieren ta' Boutique Hotels li qed jinfetħu tista' tgħid f 'kull triq u żona tal-kapitali. Tkellimna wkoll dwar dan u r-riperkussjonijiet li l-iżvilupp qed ikollu fuq il-popolazzjoni Beltija. "Din tinkwetana ħafna," beda jwieġeb il-kelliem. "Ċerti li l-kummerċjalizzazjoni tal- Belt hija fattur ewlieni li wassal għaż-żieda eżorbitanti fil-prezz tal-proprjetà u dan ifisser li kull min jixtieq jiġi joqgħod hawn, qed isibha ferm iżjed diffiċli biex isib jixtri xi ħaġa li jiflaħ iħallas għaliha." Insista li kulħadd jieħu gost li jara l-Belt Valletta tieħu l-ħajja bl-attivitajiet u d-divertiment imma saħaq ukoll li l-vera ħajja ta' kull belt jagħtuha r-residenti tagħha u mhux in-negozju. Kompla jinsisti li tant kemm naqqset il-popolazzjoni tal-Belt, għax ħafna Beltin ma għandhomx l-għażla li jkomplu jgħixu f 'belt twelidhom, li l-kultura u t-tradizzjonijiet Beltin ukoll qed jieħdu daqqa ta' ħarta. 'Il-Belt għandha tmur lura għand dawk li vera jħobbuha' Tkellima ħafna dwar il-bilanċ, imma l-ILLUM tistaqsi lir- residenti x'hemm bżonn isir konkretament biex jinħoloq aktar bilanċ bejn il-komunità kummerċjali u l-komunitajiet residenzjali tal-Belt Valletta. Il-kelliem tal-Valletta Residents Revival insista li l-ewwel u qabel kollox għandu jkun hemm pjan ħolistiku li jiżgura li filwaqt li l-Belt tibqa' kummerċjalment attraenti, dan ma jsirx kontra l-interess tar- residenti. "It-toroq tal-Belt għandhom ikunu post fejn in-nies tista' tissoċjalizza u timxi kif trid u mhux irid ikollhom iduru u jgħaddu minn bejn l-imwejjed. Hemm bżonn li jkun hemm iżjed saħħa f 'idejn il-Kunsill Lokali," kompla l-kelliem. Appella li hemm bżonn ukoll iżjed konsultazzjoni mar-residenti dwar affarijiet li jolqtuhom direttament. Madanakollu insista li l-bżonnijiet tal-Belt ma jiqfux mal-konsultazzjoni u l-ispazju. "Hemm bżonn ta' pjan solidu tal-immaniġġjar tal-iskart u t-tindif, hemm bżonn kbir li titjieb l-aċċessibiltà, mhux biss għar-residenti iżda wkoll għal kull min jaħdem jew irid iżur il-Belt," kompla. "Hemm bżonn li l-komunità kummerċjali ssir iżjed sensittiva għall-fatt li l-Belt mhijiex Paceville jew Buġibba." Temm jisħaq li fl-aħħar mill- aħħar il-Belt għandha tmur lura għand dawk li verament iħobbuha bil-fatti, huma min huma, residenti u mhumiex.