Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1407668
08 analiżi IL-ĦADD 05 TA' SETTEMBRU 2021 • illum 'Kuntenti imma fadal xi jsir' – L-ILLUM titkellem għada jirritornaw l-attivitajiet b'udjenza bilwieqfa Minn għada jerġgħu jirritornaw l-attivitajiet għal udjenza bilwieqfa anke jekk xorta waħda b'limitazzjonijiet. X'jaħsbu d-DJs u l-organizzaturi tal-attivitajiet ta' divertiment? Kuntenti? Biżżejjed? Il-pubbliku qed jibbukja jew għadu qed jibża'? X'inhu l-pass li jmiss? X'jixtiequ jaraw? YENDRICK CIOFFI Id-DJs u l-organizzaturi ta' attivitajiet ta' divertiment huma kuntenti li minn għada, it it, se jirritornaw l-attivitajiet b'udjenza bilwieqfa, anke jekk insistew li fejn pajjiżi oħra Malta għadha lura u fadal xi jsir. Minn għada se jkunu jistgħu jerġgħu jirritornaw dawn l-attivitajiet, anke jekk għalissa xorta waħda se jkunu limitati bil- protokolli u li għalihom jistgħu jattendu biss persuni li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Anke jekk bilwieqfa, l-udjenza trid tkun imqassma fi clusters ta' mhux aktar minn 100 persuna. Anke jekk fl-aħħar ġimgħat setgħu jiġu organizzati xi attivitajiet limitati għall- persuni mlaqqma, diversi artisti u operaturi ma kienu kuntenti xejn, b'mod partikolari għax l-udjenza ma setgħetx tibqa' bilwieqfa. Fi kliemhom dan kien qed joħloq ħafna sfidi u anke spejjeż żejda għall-operaturi u l-organizzaturi tant li ma kienx qed jaqblilhom li jorganizzaw. Sa it tal-ġimgħat ilu, il-Ministru għas- Saħħa Chris Fearne kien insista li attivitajiet b'udjenza bilwieqfa ma kinux possibbli għax diffiċli tinżamm id-distanza soċjali u anke biex isir il-contact tracing f 'każ li jfeġġ xi każ pożittiv. Madanakollu, hekk kif il-programm tat-tilqim kompla miexi u aktar minn 90% tal-popolazzjoni hija issa mlaqqma, dawn l-attivitajiet jistgħu jirritornaw. Fid-dawl ta' dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' DJs u anke operaturi li l-aħħar xhur kienu iebsa ħafna għalihom għax kważi kienu wieqfa għal kollox mix- xogħol tagħhom. Filwaqt li huma kuntenti li se jibdew, fakkru li ħdejn pajjiżi oħra, Malta għadha lura u appellaw ukoll lill- awtoritajiet biex jippubblikaw pjan aktar ċar dwar kif beħsiebhom ikomplu jnaqqsu l-limitazzjonijiet għal dan is-settur. 'Kuntent immens imma nixtieq nara aktar pjan fit-tul' Fl-aħħar xhur il-gazzetta ILLUM tkellmet diversi drabi mad-DJ internazzjonali Joven Grech, magħruf aħjar bħala Tenishia u għalhekk kien bix-xieraq li terġa' titkellem miegħu issa li ftit ftit se jkunu qed jirritornaw l-attivitajiet b'udjenza bilwieqfa. "Ħadt pjaċir immens," insista Grech. Fi kliemu, club mingħajr żfin għandu xi ħaġa fundamentali li hija nieqsa. Insista li issa d-DJ jista' jerġa' jagħmel xogħlu. "DJ irid joħloq l-atmosfera, iġib lil kulħadd fid- dancefloor u joħloq l-entużjamu," kompla jisħaq. Fi kliemu, anke jekk l-udjenza tkun bilqiegħda, DJ jista' joħloq l-atmosfera iżda insista li din ma għandha x'taqsam xejn ma' meta udjenza qed tiġi flimkien biex tiżfen. Mill-banda l-oħra, Grech saħaq li jixtieq jara aktar pjan fit-tul. Fil-fatt, huwa kien wieħed mill-imħuħ wara l-kampanja Restart li kienet qed titlob pjan għal ftuħ gradwali għas-settur tad-divertiment. Fil-fatt, sa issa ntqal biss li l-udjenza se tkun tista' toqgħod fi clusters sa massimu ta' 100 persuna. "Sa issa ma nafux dan l-ammont kif u meta se jkun qed jiżdied," kompla jisħaq. Fakkar li l-argument tal-kampanja Restart u anke tan-nies fis-setturi tal- arti u d-divertiment dejjem kien li l-artisti jridu jippjanaw minn ġimgħat jekk mhux xhur qabel u għalhekk tenna li huwa importanti li jkollhom indikazzjoni ta' kif dawn l-avvenimenti se jkunu jistgħu jiżdiedu ftit ftit. Fil-fatt, anke jekk diġà beda jorganizza xi attivitajiet għall-jiem li ġejjin, insista li l-attivitajiet ewlenin tiegħu qed jippjanahom għal Ottubru u għalhekk, għal artisti bħalu, importanti li jkollhom f 'idhom dan il-pjan. L-ILLUM staqsiet ukoll lil Grech jekk attivitajiet bi clusters ta' 100 ruħ, humiex biżżejjed biex l-organizzaturi jagħmlu qligħ u mhux telf. "Jekk l-udjenza bilwieqfa iva. Bilqiegħda le," spjega d-DJ waqt li saħaq li meta kienu qed jorganizzaw attivitajiet għal udjenza bilqiegħda kien hemm ħafna aktar spejjeż bħalma huma l-kiri tal-imwejjed u s-siġġijiet, il-wejters u anke spejjeż oħra marbuta mal- protokolli. Insista wkoll li issa wasal iż-żmien li tkun riveduta l-miżura li tobbliga lir-ristoranti, il-barijiet u l-clubs biex jagħlqu l-bibien tagħhom fis- sagħtejn ta' filgħodu. Fi kliemu, anke jekk in-nies qed joħorġu qabel, meta jingħalqu l-istabbilimenti, ħafna, partikolarment żgħażagħ, mhux qed imorru d-dar u qed jinġabru fit-toroq, kif jixhdu ritratti meħuda f 'Paceville u ppubblikati fuq il-midja soċjali. Mistoqsi dwar id-domanda mill- udjenza, Grech saħaq li r-rispons qed ikun kbir. "Il-biża' ilha li telqet. In-nies bil- għatx għal dawn l-attivitajiet u hemm domanda kbira," saħaq Grech. Fil-fatt saħaq li mill-attivitajiet li qed jiġu organizzati u rreklamati, huwa ċar li f 'Settembru kulħadd qed jipprova jdaħħal sajf sħiħ. "Nittamaw biss li t-temp jippermetti," temm jisħaq. Joven Grech