Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1464182
15 kultura illum • IL-ĦADD 10 TA' APRIL 2022 Jirritornaw il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u jiżżanżnu tliet vari ġodda YENDRICK CIOFFI Wara nuqqas ta' sentejn, se jirritornaw il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Għal tliet lokalitajiet, il-purċissjonijiet tal- Ġimgħa l-Kbira se jirritornaw aqwa minn qatt qabel hekk kif qed iżanżnu vari ġodda maħduma t-tlieta li huma mill-familji Camilleri Cauchi. Ir-Redentur ta' Raħal Ġdid Il-Pawlisti illum se jinawguraw l-istatwa l-ġdida ta' Ġesù Redentur li se tagħlaq is-sett ta' vari ġodda għall-Bażilika ta' Kristu Re. Dwar din il-vara, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-artist Adonai Camilleri Cauchi li flimkien ma' missieru Michael ħadmu fuq din il-vara. Camilleri Cauchi fakkar kif kien missieru Michael li beda jaħdem fuq is-sett tal-vari li wieħed isib illum fil-Bażilika ta' Kristu Re. L-ewwel vara li ħadem Michael Camilleri Cauchi kienet il-vara l-Kbira fl-1999. Minn hemm, il- Pawlisti komplew ibiddlu s-sett tal-vari li nħadmu kollha minn id il-familja Camilleri Cauchi, kemm minn Michael u Adonai u anke minn Alfred u Aaron. L-aħħar vara li żżanżnet f 'Raħal Ġdid kienet dik ta' Kristu fl-Ort, maħduma minn Michael u Adonai. L-anġlu f 'din il-vara jidher imtajjar 'il fuq. Camilleri Cauchi spjega kif fl- 2018 ġew avviċinati biex jaħdmu statwa ġdida ta' Ġesù Redentur. Minkejja dan, kompla jispjega l-artist, il-vara l-antika, maħduma fuq ix-xbieha devota tar-Redentur tal-Isla, se tinżamm xorta waħda fil- knisja u se tinħareġ fil-pellegrinaġġ tar-Redentur. Il-vara l-ġdid, li tikkumplimenta l-bqija tas-sett, tinħareġ fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. L-abbozz ġie varat fl-2018. Fl- 2020 u fl-2021, il-purċissjonijiet ma ħarġux minħabba l-pandemija u għalhekk l-artisti kellhom aktar żmien biex jaħdmu fuqha. Ġara wkoll, kompla jispjega Camilleri Cauchi li waqt li qed tinħadem din il-vara kellhom żewġ inċidenti. Darba minnhom weġġa' hu u darba minnhom ommu u għalhekk il- proċess waqa' it lura. "Dawn huma affarijiet li ħafna nies ma jkunux jafuhom imma li jtellfuk ħafna żmien," spjega l-artist. "Jiena ma nkunx irrid ngħaġġel b'xogħli. Dak li nagħmel, nagħmlu b'passjoni." Ma' Adonai tkellimna dwar il-vara l-ġdida u l-karatteristiċi tagħha, bl-artist jispjega kif anke jekk żammew l-istil tagħhom, riedu li l-vara tqanqal sens ta' devozzjoni biex in-nies mhux sempliċiment jaraw imma jikkontemplaw u jitolbu quddiem din ix-xbieha. Camilleri Cauchi spjega kif wieħed se jkun jista' jinnota li anke jekk Ġesù qiegħed mal-art għax waqa' baqa' xorta waħda jħaddan is-salib u jidher qed jipprova jqum għax Kristu fl-ebda ħin ma qata' qalbu u ried li jasal sal-quċċata. "Jiena dak li rrid. Jiġifieri li min iħares lejn din l-istatwa u jkun għaddej minn żmien diffiċli, jkollu l-kuraġġ iqum u jibqa' għaddej sal- aħħar," insista l-artist. Il-Veronika ta' Ħal Għaxaq Vara li kienet ilha mistennija u li qed tiżżanżan din is-sena, hija dik tal-Veronika għall-knisja parrokjali ta' Ħal Għaxaq. L-Għaxqin qed ibiddlu s-sett kollu tal-vari u dik tal- Veronika se tkun il-ħames waħda ġdida. Dan se jkun sett uniku f 'Malta u Għawdex hekk kif il-vari kollha se jkunu minquxa fl-injam. Dwar din il-vara, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' Aaron Camilleri Cauchi li qed jaħdem fuq dan is-sett flimkien ma' missieru Alfred. L-artist spjega kif l-istatwa kienet prattikament lesta fl-2020, imma meta feġġet il-pandemija ntlaħaq qbil li din tkun inawgurata meta l-attivitajiet ikunu jistgħu jsiru. Għalhekk din il-vara għamlet sentejn fl-imħażen ta' Camilleri Cauchi tistenna l-mument li wasal nhar il-Ħamis li għadda. Camilleri Cauchi saħaq li karatteristika unika ta' din il- vara hija li l-Veronika qed tkun irrappreżentata ma' Kristu li huwa mgħobbi bis-salib. "Qbadna l-azzjoni. Kristu jidher miexi u l-Veronika għadha kemm mesħet wiċċ Ġesù," spjega l-artist. Karaterristika oħra se jkun il-wiċċ ta' Kristu fuq il-velu li mhuwiex impitter bil-kulur imma huwa tebgħa tad-demm, bl-immaġini nħadmet fuq il-wiċċ li jidher fuq ir- relikwa tal-Liżar ta' Kristu. Is-Sinedriju ta' Ħal Qormi Vara oħra ġdida, li ħarġet minn idejn Camilleri Cauchi u missieru hija dik li tirrappreżenta lill-Ġesù quddiem is-Sinedriju. Anke din il-vara, maħduma fil-kartapesta, spjega Aaron, hija mimlija azzjoni u sinfikat. Fil-fatt, il-vara taqbad il- mument eżatt meta Kristu jistqarr li huwa Bin Alla u l-Qassis il-Kbir, Kajfa iċarrat ilbiesu għax għalih din kienet dawgħa kbira. Kristu, ikompli jispjega Camilleri Cauchi, jidher sottomess għall- kundanna mogħtija mill-poplu tiegħu. Mill-banda l-oħra, Anna li jirrappreżenta l-bqija tas- Sinedriju qed jipponta lejn il-poplu li kkundanna lill-Kristu u anke jindika l-pass li jmiss, jiġifieri li jieħdu l-Ġesù quddiem Pilatu. Camilleri Cauchi fakkar li fil-każ ta' Kajfa, ried iqabbel din ix-xbieha ma' Kajfa li jidher fi statwa oħra fl- istess parroċċa, jiġifieri dik tal-Ecce Homo, liema statwa nħadmet minn missieru 40 sena ilu. Anke Kristu ried ixebbħu mal-bqija tax-xbieha li tidher fil-vari l-oħra. Ġesù quddiem is-Sinedriju - Parroċċa San Ġorġ Ħal Qormi Il-Veronika timsaħ wiċċ Kristu - Parroċċa Ħal Għaxaq Dettall mill-vara tar-Redentur li se tiżżanżan illum f 'Raħal Ġdid