Illum previous editions

ILLUM 24 July 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1474368

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 23

05 illum • IL-ĦADD 24 TA' LULJU 2022 aħbarijiet 'Għall-pensjonanti mhux biżżejjed tgħid li qed tissusidja l-enerġija ... hemm bżonn aktar għajnuna diretta' YENDRICK CIOFFI "Qabel ma faqqgħet il- pandemija u qabel ma bdiet il- Gwerra, diġà kien hawn anzjani f 'Malta f 'riskju ta' faqar, aħseb u ara issa li ż-żieda fil-prezzijiet tal-aktar affarijiet essenzjali qed tolqot lil kulħadd. Hemm bżonn għajnuna diretta." Hekk saħaq il-President tal-Għaqda Nazzjonali għall-Pensjonanti, Charles Micallef, f 'kummenti mal-gazzetta ILLUM. Mistoqsi mill-ILLUM dwar kif iż-żieda fl-għoli tal-ħajja qed taffettwa lill-pensjonanti, Micallef insista li huwa fatt li ż-żieda fil- prezzijiet issa hija evidenti u qed tolqot lil kulħadd. Għalhekk saħaq li l-pensjonanti qed jintlaqtu wkoll u forsi aktar minn oħrajn kemm għax id-dħul tagħhom ikun inqas u anke minħabba aktar spejjeż li dawn ikollhom, b'mod partikolari biex jixtru l-mediċini. Li jinkwieta lil Micallef huwa li it li xejn hemm tama li se jkun hemm għajnuna diretta. Insista li f 'laqgħa li kellhom, it wara l-elezzjoni, mal-Ministru għall- Finanzi Clyde Caruana, fost oħrajn, dan qalilhom li l-Gvern diġà qed jagħmel dak kollu li jista' fosthom billi jissusidja l-prezzijiet tal-enerġija. Qabel il- Baġit, ma jidhirx li se jkun hemm xi għajnuna ulterjuri biex tilqa' għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja. 'Hemm bżonn aktar għajnuna diretta u mhux sempliċiment nistennew il-COLA' Fil-fatt, meta kien qed jitkellem fil-Parlament, aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ministru Caruana saħaq illi li kieku ma kienx hemm is-sussidji tal-Gvern, il-COLA kienet tilħaq is-€17 fil-ġimgħa. Saħaq li Malta qed timxi f 'direzzjoni differenti minn pajjiżi oħra u l-Gvern qed jerfa' l-piż billi jissusidja l-prezzijiet taċ-ċereali, il-ħalib, il-uwil u l-enerġija. Iżda Micallef saħaq li għall- pensjonanti dan mhuwiex biżżejjed u hemm bżonn għajnuna aktar diretta milli sempliċiment żieda skont il-COLA meta jasal il- Baġit li jmiss. 'Għolew l-affarijiet essenzjali ... koppja fuq pensjoni minima mhux se tgħaddi' Insista li skont statistika, li l-informazzjoni dwarha nġabret qabel faqqgħet il-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna u qabel beda jinħass sew il-piż tal-inflazzjoni, diġà kien hemm anzjani f 'riskju ta' faqar, aħseb u ara issa. "Jekk tħares biss lejn dawk fuq il-pensjoni minima wkoll tinduna li dawn mhumiex ilaħħqu. Għidli kif se tgħaddi koppja bi €800 fix- xahar," kompla Micallef. Fakkar li għolew l-affarijiet li huma l-aktar essenzjali u mhux affarijiet li forsi persuna tista' tgħaddi mingħarjhom. "Il-ħobż u l-ħalib kulħadd jixtrih," saħaq Micallef. "Ħobża minn 85 ċenteżmu, illum tixtriha €1.25." Caritas: 'Pensjonanti qed jonfqu €70 fix-xahar aktar f 'ikel' Hawn għamel referenza għall- aħħar studju tal-Caritas u li wkoll wera kemm huwa qawwi l-piż fuq l-anzjani. Anke dan l-istudju sar qabel faqqgħet il-Gwerra fl-Ukrajna u wera kif il-familji f 'Malta qed jonfqu €100 aktar fix-xahar fuq l-ikel. Wera kif mill-aħħar studji li sar f 'Lulju 2020, sa Frar 2022, il-prezzijiet tal-aktar ikel bażiku żdied b'20%. Dan l-istudju jgħid ċar u tond li l-koppji anzjani marru l-aktar minn taħt. Fl-2020, baskett bażiku bl-ikel, kien jiswa lil koppja pensjonanti €280 fix-xahar, jew €3,370 fis-sena. Fl-2022, l-istess koppja qed tonfoq €350 fix-xahar, jew €4,200 fis-sena. 'Il-pensjonanti jonfqu wkoll ħafna fil-mediċina' Il-President tal-Għaqda Nazzjonali għall-Pensjonanti fakkar kif apparti fl-ikel, ħafna anzjani jonfqu wkoll ħafna fil- mediċini li l-prezzijiet tagħhom ukoll qed jiżdiedu, kif irrapportat din l-istess gazzetta. Dan, fi kliem Micallef huwa żvantaġġ ieħor għall-pensjonanti. "Dawn huma fatti. Mur kul, mur ixtri jew tkellem man-nies u ara b'għajnejk," insista Micallef. Apparti l-prezzijiet essenzjali tal-prodotti li wieħed jixtri ta' kuljum jew ta' spiss għad-dar, Micallef fakkar li għolew ukoll anke l-prezzijiet fir-ristoranti (li dwarhom din il-gazzetta kitbet diversi drabi), jew prodotti oħra li wieħed jixtri meta joħroġ jiddeverti. "Morna Għawdex. Xtrajt ġelat sempliċi, li qabel kont nixtrih €1.25. Issa sar €3. Wieħed għalija u wieħed għall-mara, malajr infaqt €6. Anke tixtri flixkun birra żgħir, jew luminata. Qabel kien jiswa €1.50 jew €1.75. Issa €2. Vera mhux ħafna imma kollox ma' kollox tagħmel id-differenza," insista. Qal li jekk qabel pensjonanti kienu jmorru jieklu erba' darbiet fix-xahar f 'ristorant, illum se jmorru darba u jekk qabel kienu jgħinuhom anke t-tfal, illum qed jgħinuhom inqas għax anke l-familji ta' uliedhom qed iħossu l-piż u għandhom l-ispejjeż tagħhom. 'Isimgħu aktar lin-nies ... bla għajnuna diretta l-pensjonanti mhux se jkampaw' Temm mill-ġdid bl-appell tiegħu biex il-Gvern jindirizza dan il-piż li qed iħossu l-pensjonanti. Filwaqt li rrikonoxxa li kien hemm żidiet fil-pensjonijiet fl-aħħar snin u fl-aħħar xhur, saħaq li l-inflazzjoni biddlet is- sitwazzjoni. "Il-pensjonanti mhux se jkampaw mingħajr għajnuna diretta. Ma tistax tgħix b'ċertu pensjonijiet. Li tgħid li qed tissusidja l-prezz tal-enerġija mhux biżżejjed. Isimgħu aktar lin-nies." Il-President tal-Għaqda Nazzjonali għall-Pensjonanti, Charles Micallef, jisħaq li hemm anzjani li l-piż tal- għoli tal-ħajja qed iħossuh jagħfas fuqhom aktar minn oħrajn u jisħaq li mhuwiex biżżejjed li l-Ministru jgħid li l-Gvern qed jgħin billi jissusidja l-prezzijiet tal-enerġija

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 July 2022