Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1475003
19 editorjal illum • IL-ĦADD 31 TA' LULJU 2022 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Editur: Albert Gauci Cunningham Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt B ħalissa - kif normalment jiġri fis-sajf ix-xenarju politiku jkun wieħed pjuttost kwiet u kajman. Dan ma jfissirx li ma jqumux kwistjonijiet u kontroversji li jqajmu xi ftit ta' diskussjoni u jċa- qilquna - anke jekk ftit - mil-loppju tas-sħana, sajf u ċelebrazzjonijiet li din is-sena reġgħu qed jilħqu l-qofol tagħhom f 'kull forma: Festi fl-irħula u l-bliet, kunċerti, arti u attivitajiet ma jispiċċaw qatt. Dan l-aħħar qamet (mill-ġdid) il- kwistjoni tal-President tar-Repubblika u l-firma biex tidħol fis-seħħ il-Liġi kif emendata tal-IVF. Din hija t-tieni darba kemm ilu President George Vella li kien hemm aspettattiva jew għajta minn sezzjoni tal-poplu biex ma jiffirmax liġi - għajta li parti minnha kienet ġejja minn nies li huma infurmati biżżejjed dwar kif taħdem is-sistema politika Maltija. Infakkru: Minkejja li l-President huwa l-Kap tal-Istat u allura jokkupa l-ogħla kariga fir-Repubbika Maltija, pajjiżna huwa demokrazija parlamentari u mhux repubblikana - u allura waħda fejn il-President ma għandu ebda poteri leġiżlattivi u ma għandu ebda poteri jbiddel jew jirrifjuta kwalunke liġi li tgħaddi mill-Parlament, kemm jekk tgħaddi b'maġġoranza sempliċi u wisq inqas jekk tgħaddi bi kważi kunsens, bħal dik li titratta l-IVF. L-appelli lill-President biex ma jiffirmax liġi hija sejħa għal ksur sfaċċat tas-saltna tad-dritt u sfida diretta lejn id-demokrazija. Kieku President - dan jew kwalunkwe ieħor wara dan - jirrifjuta li jiffirma liġi għax ma taqbilx mal-kuxjenza u jibqa' fil-kariga, jkun a) Qed joħloq kriżi kostituzzjonali bla preċedent u b) Ikun qed jinjora d-deċiżjoni tal-ogħla organu demokratiku tal-pajjiż, li huwa l-Parlament. Ma tistax għalhekk tkun deċiżjoni aktar kontra s-saltna tad-dritt, minn hekk! Il-President - jekk ma jaqbilx ma' liġi, għandu għażla waħda - li jirreżenja. Jew inkella, issa, jista' jsiefer u jħalli lill- Aġent President jiffirma. Filwaqt li l-mossa ta' Vella kienet magħmula biex tirrispetta l-kuxjenza tiegħu u fl-istess ħin jara illi l-liġi li għaddiet mill-Parlament issir liġi, biex b'hekk tkun rispettata d-demokrazija - hija realtà wkoll li ħolqot preċedent. Jiġifieri jekk President, li suppost u skont il-Kostituzzjoni jiffirma liġi "mingħajr dewmien" ma jagħmilx dan għax ma jaqbilx, il-pajjiż irid jistenna li jsiefer biex din il-liġi tiġi ffirmata? U kien hemm l-argument ukoll dwar il-President Emeritus George Abela li ma kienx qabel - jew hekk kien jidher - mal-abbozz ta' unjoni ċivili għal persuni tal-istess sess. In-narrattiva tgħid li għalhekk il-Gvern ta' Muscat kellu jistenna sakemm jinbidel il-President. Kif inhi l-liġi u l-Kostituzzjoni sal-lum, mhuwiex post il-President li jagħti opinjonijiet politiċi u wisq inqas li jwaqqaf jew ikun kaġun ta' ttradjar f 'leġiżlazzjoni demokratika. Min irid jopponi u jagħti l-opinjoni ma jmissu qatt jaċċetta din il-kariga, li hija pjuttost ċerimonjali u simbolika. Minn naħa l-oħra għandna għażla: Li nbiddlu l-mod kif jaħdem u jopera President tar-Repubblika billi jingħata poteri li sal-lum ma għandux. Irridu niddeċiedu x'nixtiequ u nistennew minn din il-kariga mhux ħafna traqqigħ tal-pannu: President ċerimonjali - kif inhu llum, jew President b'aktar poteri? U jekk ikollu aktar poteri, x'poteri jista' jkollu? Li jibgħat liġi lura? Li jwaqqafha kompletament? U jekk President ikollu il-jedd li jwaqqaf leġiżlazzjoni, allura għandu jkun il-poplu li jagħżlu minflok il-Parlament? U jekk ikollu biss il-poter jibgħatha lura, kemm-il darba jista' jagħmel dan? U jekk ikollu aktar poteri, f 'liema oqsma se jkun iddelegat dawn il-poteri ġodda? Kif inhi bħalissa s-sitwazzjoni u hekk kif titlob il-kariga, jkun inutli li noqgħodu nippretendu li l-President jagħmel dak li ma jistax. U minn naħa l-oħra jkun ta' xejn li l-President joqgħod jistenna appuntament barra l-pajjiż biex liġi tiġi ffirmata. Il-president tar-Repubblika, kif inhi r-realtà sal-lum skont il-Kostituzzjoni, irid jiffirma kull liġi li tiġi quddiemu President ċerimonjali jew President bil-poteri?