Illum previous editions

ILLUM 13 November 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1484061

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 23

15 kotba illum • IL-ĦADD 13 TA' NOVEMBRU 2022 L-innoċenza mitlufa Ġganti (Horizons, 2022) ta' David Aloisio jqajjem f'Mark Vella r-riflessjoni dwar il-qari ta' tfulitna u ta' wliedna, filwaqt li jarah indikazzjoni tajba għal toroq editorjali mġedda f'dan il-ġeneru Kien pjaċir kbir il-qari ta' Ġganti, l-aħħar xogħol ta' David Aloisio maħruġ it ilu mill-Horizons. Huwa t-tip ta' ktieb li wkoll jiffrankali l-peripeziji tas-soltu tal-introduzzjoni għar-reċensjoni, minkejja li b'xi mod jafu jiskulaw aktar 'il quddiem fil-kitba. Dan mhux biss għax ittimbrat bil- kwalità li mdorrijin spiss għaliha mill-pinna produttiva ta' Aloisio fid-diversi ħidmiet editorjali tiegħu, imma anki għaliex huwa ktieb x'aktarx immirat għat-tfal li jekk moqri minn adult, xorta waħda jħalli effett importanti. Il-qari tiegħi bħala kritiku, fil-fatt, kien diffiċli għall-ewwel, minħabba li s-sengħa tgħidlek tfittex lil hinn u tqabbel, taqra bejn il-vrus biex tara hemmx xi ħaġa lil hinn minn dak propost mill-ktieb. Hemm ħafna lil hinn, dak żgur, imma l-qari adult ta' ktieb għat-tfal donnu sfida għaliex is-suspension of disbelief, iċ-ċediment deliberat u maqbul tar-realtà kull darba li naqraw il- finzjoni, għall-kotba tat-tfal jaf ikun qabża doppja jew tripla. Taf li ktieb li mhuwiex proprjament għalik, u għalhekk tipprova tidħol f 'moħħ tifla jew tifel (l-aktar biċċa xogħol diffiċli), imma wkoll terġa' tbill subgħajk fl-għadajjar ta' tfulitek u jfiġġu waqtiet fejn tittanta taqra daqslikieku għadek int it-tifel jew it-tifla. Huwa ktieb, kif qal anki r-reċensur Robert Pisani fuq e Bobsphere, li jidher, anki għax mhux mistqarr, li jaf ikun immirat għat-tfal ta' madwar l-għaxar snin. Jitfa' punt ta' mistoqsija wara l-età, u naħseb li mhux biss għax il-ktieb għandu produzzjoni lussuża, bil- qoxra iebsa u d-dehra ta' ġewwa tal-kotba tal-'kbar', iżda anki l-lussu tar-rakkomandazzjoni ta' Trevor Żahra. Imma int u taqra, donnok tintebaħ li l-awtur kiteb dan ix-xogħol, jekk mhux b'udjenza partikolari f 'moħħu, b'idea pjuttost preċiża tal-emozzjonijiet li jrid iqanqal, u hemmhekk tibda forsi tiċċara l-mistoqsija dwar f 'idejn min imissu jkun il-ktieb. Storja sempliċi u pjuttost lineari, mogħtija l-appoġġ mill-mappa tal-gżira mitika suġġett tal-ġrajja, dar-rakkont jimxi skont topos modern u rikorrenti daqskemm hu qadim, ta' vjaġġ lejn dinja parallela li jibda jseħħ wara inċident fejn il- protagonist jintilef u/jew isib ruħu xi mkien ieħor. Żita ssib ruħha f 'lok u żmien li jista' jixxebbah mal- preistoriku wara li, bħal uliedna llum, tkun qabditha l-kurżità tmur tara balena li ntlemħet qrib ix-xatt skont kif imxandar mill-midja soċjali. Pretest sempliċissimu, antik daqs il-kitba, li mill-ewwel jieħu l-qarrej lejn ġrajja mbiegħda li madankollu tibda ttekktek tnabar ħabbara ta' xebh mal-preżent. L-istrateġija narrattiva ta' Aloisio tidher mgħallma anki fil-bini tan-nisġa, kif naraw mit-titli tat- taqsimiet li jissuġġerixxu l-għarfien ta' xi Campbell u l-istadji ewlenin tal-vjaġġ tal-eroj u tal-fażijiet tipiċi tal-ġrajja. Hija trasparenza tal- awtur li għandha għan pedagoġiku sottointiż, fis-sens li huwa xieraq li ġrajja fittizja għat-tfal ikollha wkoll ċertu sinjali li anki inkonxjament jgħinu biex juru t-triq, u fl-istess ħin iqiegħdu sisien sammi għal storja li, iva, minkejja kull qari adult, għandha xorta waħda saffi aktar profondi li jafu jolqtu lill-qarrejja fil-mira. U forsi għalhekk id-dubji dwar din l-età, jew inkella l-konferma, anki għall-ġenitur jew l-edukatur li jipproponi dan il-ktieb. Hija ġrajja li bil-mod il-mod jibdew ifeġġu minnha bosta paralleliżmi mal- qagħda ambjentali ta' pajjiżna, li minn Eden ta' spirtu komunitarju malajr jinbidel f 'infern ta' torrijiet għassiesa, biex nipprafrażaw lil Freud, ta' ċiviltà mifnija skuntentizza. Imma huwa wkoll ktieb li narah jitbikkem għat-telfa inevitabbli tal-innoċenza, fejn l-għeluq ħelu-morr mhux biss imur lil hinn minn banalità sikwit skontata għal dan it-tip ta' kotba, iżda jirrifletti onestament l-isfidi konkreti ta' kull rit ta' passaġġ. Donnu għalhekk li huwa ġrajja li hija preludju għal ġrajjiet oħra, sfidi ġodda dejjem aktar kumplessi, daqs it-traġitt mhux dejjem lixx u komdu mit-tfulija għaż-żgħożija. Huwa ktieb li jinqara faċilment u jista' jżomm lill-qarrej, iżda għandu wkoll il-potenzjal jintuża għal skopijiet edukattivi u pedagoġiċi kreattivi li jqanqlu lill-istudent għad-diskussjoni u għal ħsibijiet lil hinn minn wiċċ l-affarijiet. Trid ukoll titniżżel l-aħħar nota dwar il-lingwa. It-tielet lussu ta' dan il-ktieb huwa t-tħaddim tal-ilsien Malti min-naħa ta' Aloisio. Għal darb'oħra, din in-nozzjoni neħodha wkoll minn Pisani, reċensur li l-Malti moqri u mitkellem mhuwiex neċessarjament l-ewwel ilsien tiegħu. Filwaqt li jikkummenta, anki fi-dawl tal-udjenza probabbli tiegħu, li dal-ktieb huwa prova li l-Malti mhuwiex ilsien 'aħrax', din l-istqarrija nista' nikkwalifikaha billi ngħid li Aloisio juri l-potenzjalità tar-reġistri kollha tal-Malti. L-isfida għall-awtur kienet x'aktarx li jikteb test aċċessibbli mingħajr ma jissagrifika l-elegenza tal-ilsien li kapaċi joffri okkażjonijiet ta' sbuħija anki permezz tas-suġġett tal-kitba, li għandu elementi tal- istorja mbiegħda u tan-natura li jipprestaw ruħhom għal medda ta' vokabolarju rikk. Aloisio juri kapaċità li ma jinitilfx fl-arkajku u fejn jaf jinqala' każ bħal dan, il- kuntestwalizzazzjoni hija xierqa, u għala le, għax ħadd qatt ma ġratlu xi diżgrazzja għax ma fehemx kelma Maltija u kellu jsaqsi dwarha jew ifittixha f 'dizzjunarju! Ġganti jreġġagħna lura, bħala adulti, għall-ġrajjiet tal-avventuri li qrajna ta' tfal u li kienu aktar kotrana, anki bil-Malti. Jaf daż- żmien, forsi naqsu, anki għax it- tfal mod ieħor milli konna, anki kif tara minn kotba għal etajiet aktar avvanzati li jsiru minnufih aktar riflessivi u sikwit mudlama. Minkejja t-tħabbir ta' fażijiet diffiċli fl-avventura tal-ħajja, dar-rumanz huwa wkoll editorjalment sinjal għal produzzjoni mġedda ta' ġrajjiet koinvolġenti u miktubin b'maturità deliberata għall-ġenerazzjonijiet fuq l-għatba taż-żgħożija bikrija.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 13 November 2022