Illum previous editions

ILLUM 29 January 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1491151

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 23

16 opinjoni IL-ĦADD 29 TA' JANNAR 2023 • illum Insaħħu s-sigurtà biex inkissru l-mentalita' 'tax-xejn mhu xejn' J eħtieġ li ssir analiżi li twassal għal riforma sħiħa, kemm fil-Korp tal-Pulizija kif ukoll fil-Qorti, liema riforma għand- ha ssir b'mod li jiġi mistħarreġ sewwa x'riżorsi hemm bżonn biex dawn jiffunzjonaw fl-aħjar mod u iżjed effiċjenti. Isir stħarriġ intern li jindika kemm jeħtieġu jiġu ingaġġati iżjed persuni u kemm jeħtieġu fondi adegwati sabiex ix-xogħol isir bl-akbar professjon- alità, bl-aqwa mod u fl-iżjed ħin raġonevoli għall-ġustizzja. Dan kollu, wara kollox, biex in-nies iħossu verament li dawk li jħarsu l-liġijiet u l-ordni f 'pajjiżna qed jiffunzjonaw u qegħdin hemm biex iħarsuhom, jipproteġuhom u biex meta jeħtieġu ġustizzja din issir mingħajr ma ħadd iħares lejn l-uċuh. Dan qed nipproponih għaliex bħalissa hawn sentiment ġenerali fost in-nies li din mhix issir, li l-ġustizzja mhix qed issir u min dmiru huwa li jipproteġi u li jħares liż-żgħir ġieli jdawwar wiċċu, jew għaliex m'għandux poteri sabiex jaġixxi jew inkella għaliex idejh marbutin. U dan ġieli bil-liġijiet stess, għax ikunu antikwati u fi ħtieġa li jiġu aġġornati jew inkella għax hemm bżonn diskussjoni parlamentari profonda biex jinbidlu u jinkludu realtajiet ġodda li s-soċjetà tagħna qed tgħaddi minnhom. Issa ilna nisimgħu bi stejjer koroh ta' qtil, assassinji, femiċidji u ġlied fit-toroq, saħansitra bejn klikek ta' persuni barranin. Hawn residenti ta' lokalitajiet madwar pajjiżna li lanqas joħorġu 'l barra mid-dar filgħaxijiet jew matul il-lejl. Qed ikollna wisq stejjer irrappurtati ta' droga, fastidji sesswali u persuni li ma jarawx art bl-alkoħol li jispiċċaw fi ġlied, iwettqu s-serq jew abbużi oħra. Persuni ta' nazzjonalità barranija li waqt li jinsabu f 'pajjiżna, jieħdu l-liġi b'idejhom jew bla interess li josservaw il-liġijiet tagħna. Każi ta' traffikar tal-bnedmin fejn tfal jinbigħu, fejn barranin jinġiebu fostna biex jispiċċaw abbużati mentalment u finanzjarjament għax jingħatawx il-paga li ħaqqhom jew saħansitra biex jispiċċaw skjavi għas-sess. Niħu l-gazzetti jew nidħlu fil-portals tal-aħbarijiet u kuljum nisimgħu b'xi ħaġa. Qrati li kuljum isibu ma wiċċhom persuni li jwettqu abbużi u kriminalità. Awli li fihom ta' kuljum jinstemgħu każi koroh li qed jinġemgħu. Ma' dawn irridu nżidu wkoll ħabs li m'għandux biżżejjed spazju għal aktar u li mhux verament qed iservi ta' faċilità korrettiva. U quddiem dan kollu n-nies, iċ- ċittadin onest li jmur għax-xogħol biex jieħu l-paga qed iħossu żgħir. Iva, għalhekk hawn bżonn tar-riforma sħiħa li semmejt f 'dan l-artiklu biex il-forzi tal- ordni tagħna jkollhom il-poteri li jeħtieġu sabiex jiġġieldu l-kriminalità li qed tiżdied, forom ta' kriminalità ġodda li qed ifeġġu fostna u biex negħlbu din l-attitudni tal-bullies, li qed tinfirex. Dan għax ħadd mhu 'l fuq mil-liġi u ħadd m'għandu jħossu li jista' jagħmel li jrid mingħajr ma jieħu dak li jkun ħaqqu ta' għemilu. Is-sigurtà f 'pajjiżna hija xi ħaġa li kulħadd irid. Taqra posts fil-mezzi soċjali fejn jingħad li spiċċa ż-żmien li wieħed jista' jimxi fit-triq għall-affari tiegħu, fejn nisa u tfajliet jibżgħu jgħaddu minn ċertu akkwati fil-lokalitajiet tagħhom biex jaslu d-dar. Dan m'għandux ikun! Wasalna wkoll fi stadju fejn il-Prim Ministru stess stqarr li ma jħossux komdu jħalli lil bintu timxi weħidha fil-Belt Valletta. Għandhom ikunu dawk li qegħdin imexxu, li għandhom il-poter li jġibu l-bidla bħalma hu l-Prim Ministru nnifsu li jaraw li dak li dejjem kellna f 'termini ta' sigurta' nippreservawh, insaħħuħ u nżiduh. Għandu jkun l-eżekuttiv ta' pajjiżna li jevalwa x'inhu sejjer ħażin u jindirizza nuqqasijiet li jista' jkun hemm. Għaliex ħadd m'għandu jibża' joħroġ minn daru, ħadd m'għandu jiddejjaq jgħaddi minn ċertu pjazez u toroq, ħadd m'għandu jinkwieta meta jrid imur x'imkien biex jiddeverti jew jirrilassa. Dawn m'għandhomx jirrassenjaw ruħhom quddiem in-nuqqas tas-sigurtà f 'pajjiżna, m'għandhomx iwaħħlu fil- ġudikatura iżda għandhom iġorru r-responsabbiltà tal-fiduċja li ngħatatilhom mill-poplu li jeleġġihom fil-Parlament biex imexxu, biex iġibu lil pajjiżna 'l quddiem. Rajna ħafna ritratti fil-midja ta' għases mitluqin u oħrajn magħluqin fl-iżjed ħinijiet bżonnjużi. Dan m'għandux ikun! Iva, għalhekk qed insejjaħ għal riforma sħiħa biex inti li qiegħed mal-familja tiegħek fil-kumdità ta' darek ma tiddejjaqx aktar li s-sigurtà fit-toroq tagħna u f 'pajjiżna qed titnaqqar, iżda tkun fiduċjuż li hawn forzi tal- ordni li qed iħarsuk, li jagħmlu r-rondi biex ikun hawn kontroll u viġilanza, li jaraw li l-liġijiet jiġu osservati, li jaraw li ħadd ma jħossu 'l fuq mil-liġi. Sabiex temmen u tħoss li l-ġustizzja qiegħda ssir, u li din il-ġustizzja ssir b'riga li tkun ugwali għal kulħadd. In-nies dan li jridu u li jistħoqqilhom. Azzjoni u mhux paroli. Ħarsien tal-valuri li jagħmluna Maltin u mhux kultura tal-mewt. Forzi tal- ordni b'fondi u riżorsi adegwati u mhux b'idejhom marbutin. Din hija l-Malta li rrid jien u ħafna għadhom jemmnu fiha, fejn kulħadd iħossu sigur f 'pajjiż modern u Ewropew, fejn kulħadd ugwali u ħadd mhu aqwa minn ħaddieħor. Justin Anastasi huwa Direttur ta' We Consult You u Opinjonist Politiku Justin Anastasi Każi ta' traffikar tal-bnedmin fejn tfal jinbigħu, fejn barranin jinġiebu fostna biex jispiċċaw abbużati mentalment u finanzjarjament għax jingħatawx il-paga li ħaqqhom jew saħansitra biex jispiċċaw skjavi għas-sess

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 January 2023