Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1493022
14 poeżija IL-ĦADD 19 TA' FRAR 2023 • illum PAUL P. BORG Fejjaqtni Int huwa l-isem ta' pubblikazzjoni ġdida li qiegħed naħdem fuqha għall-pubbliku qarrej Malti bħala ħajr lil Rużar Briffa li kien fejjaqni meta kont żgħir. Kelli xi għaxar snin naħseb, imma missieri kien jeħodni għand l-ispeċjalista tal-mard tal-ġilda. Ta' tfal li kont, kont laqqatt infezzjoni f 'rasi minn xi mkien li xterdet ma ġismi kollu. Kienet marda daqsxejn kerha, infettiva ħafna bis-sogru li jittieħdu bil-marda l-bqija tal-familja. Bis-saħħa t'hekk spiċċajt quddiem l-ispeċjalista tal-mard tal-ġilda Rużar Briffa. Il-Poeta Rużar Briffa miet nhar it-22 ta' Frar 1963, sewwa sew 60 sena ilu, fl- appartament tiegħu Triq id-Dejqa, il-Belt. Rużar sebbaħ il-letteratura tagħna b'lirika poetika mill-isbaħ. Rużar kien twieled nhar is-16 ta' Jannar, 1906, iben Duminku u Ġovanna Debono. Kien romol mill-ewwel mara tiegħu, Constance u reġa' żżewweġ lil Louisette. Wara l-iskola sekondarja intbagħat jgħallem l-iskola ta' Ħal Tarxien u l-awtoritajiet tal-edukazzjoni xtaqu jibagħtuh ikompli jistudja biex jikkwalifika bħala surmast tal-iskejjel. Madankollu, l-għan li kellu Rużar kien ieħor: Il-kura tal- marid, li jbiddel l-ikrah tal-mard fil-ġmiel tal-fejqan u tas-saħħa. Meta laħaq tabib qatagħha illi jispeċjalizza biex ifejjaq lil dawk li jkunu milqutin b'mard tal-ġilda, l-aktar il-morda bil-lebbra. Kien żmien meta qajla kien hawn kura għal din il-kundizzjoni. Kien jimtela niket kbir jara morda mhux biss bil-lebra imma b'xi mard ieħor tal-ġilda li kien ikun ħafna drabi inkurabbli u infettiv. Mar ikompli l-istudji jispeċjalizza fid-Dermatoloġija l-Ingilterra u fi sptarijiet speċjalizzati fl-Indja fejn din il-marda kienet imxerrda sewwa. Rużar kien jidħol f 'qoxortu jara dik it-tbatija u aktar jistinka biex jiġġildilha. Il-versi li kiteb l-Indja jirriflettu dan l-uġigħ mentali li kien iħoss. ... u jiena smajt id-daħka, id-daħka ħadranija ta' mitt lebbruż u wieħed fil-waħx ta' filgħaxija; u demmi kesaħ fija, għall-ewwel darba mitt: għal żmien indfint ħaj mejjet, għal żmien mill-għana skitt. - 'Fl-Indja', Lulju 1938 Daqskemm il-poeżija għenitu biex juri dak id-dwejjaq bla tarf li kien iħoss u n-niket illi kien jagħlqu waħdu waħdu, hekk ukoll kienet il-poeżija li għenitu jesprimi waqtiet ta' hena li jerġgħu bis- saħħa tagħha jressquh lejn il-ħajja normali. Kollox kien immexxi fih minn dak kollu li kien ikun qiegħed jara madwaru kemm fl- isptarijiet kif ukoll fil-klinika privata tiegħu. Meta ġie lura hawn Malta Rużar ħadem kemm felaħ biex inaqqas it-tbatija ta' dawn il-morda. Kien minħabba l-kilba tiegħu biex jibdel kull ikrah fi ġmiel, u fit-tiixa kontinwa tiegħu għas-sabiħ, illi b'xorti tajba għall-llsien Malti kiteb dak li ħass u dak li hu stess iddeskriva bħala 'snapshot' tal-waqt li fih kien ikun qiegħed iħoss tant diqa. It-tabib fih għamlu poeta uniku. Il-versi huma xhieda tal-ħidma tiegħu li jfittex il-kura, is-saħħa, il-ġmiel, u l-ħajja bħala sforz qawwi biex jiġġieled lill-ikrah u lill- mard, u fuq kollox jeħodha kontra l-mewt, ukoll jekk dawn is-sentimenti intensi ma qatgħu qatt biex fih: kull ħolma tas-sbuħija kienet iġġiblu swied il-qalb, u kull xewqa tal-imħabba kienet biss illużjoni matul il- ħajja. Oliver Friggieri li ħareġ edizzjoni kritika tal-poeżiji tiegħu fl-1983, jqis ironiku l-fatt illi minkejja li Briffa bħala poeta qatt ma ppubblika ktieb ħlief wieħed, 'Poeżiji', li ppubblika fl-1960 bis-saħħa tal-insistenza u l-ħidma tat-tiena mara li kellu, Louisette u ta' ħabibu Patri Valentin Barbara, xorta waħda kien magħruf u meqjus bħala poeta importanti minn ħafna studjużi tal-Malti. Meta dari l-istudju tal-Letteratura Maltija kien aktar imxerred fl-iskejjel tagħna, il- lirika eċċezjonali tiegħu kienet fuq fomm l-istudenti kollha Maltin. Lil ommu jfittixha mhux biss biex isib il- kenn u l-wens fi ħdanha, imma wkoll biex ma tkunx taf bil-problemi kbar illi l-ħajja tefegħtlu ma' wiċċu. Jixtieq jgħidilha, imma jħobbha wisq biex itarrfilha d-dwejjaq tiegħu. Dawn iż-żewġ siltiet juru l-imħabba tal-omm li jfittex fiż-żewġ burdati meta fil- qalba ta' qalbu, kif isejjaħ il-poeżija hu stess, ifittex il-kuntatt mill-ġdid m'ommu. xbajt minn din id-dinja, dinja fejn l-għarwiena ħadd ma jlibbishom, ebda mard jitfejjaq. Aħjar hekk, omm, aħjar taf biss li qalbi terġa' tithenna xħin inħares lejk, u ħaġa waħda biss issaħħaħ talbi: ħarsa ta' mħabba minn ħlewwet għajnejk. - Silta minn 'Lil Ommi – Omm int le taf Benninni ħa norqod, Benninni bil-ħlewwa; Kull diqa nessini, nessini kull dnewwa... Benninni bil-lajma Ta' leħnek jirtogħod Benninni, benninni, Hekk, hekka, bil-mod. - Silta minn 'Lil Ommi' Titwila bir-reqqa lejn il-lirika ta' Rużar Briffa turi wkoll waqtiet ta' niket intens, li jġiegħeluh jikkontempla s-suwiċidju, jew ifittex serħan illużorju lurafil-kenn ta'ġuf ommu. Insellem lil dan il-Poeta kbir fil- Lettteartura Maltija billi nerġa nwassal lill- qarrejja l-ġmiel tal-poeżija 'Il-Għanja tal- Imnikket'. O Madonna tad-Duluri, Mhux il-ward Jien fittixt ħa nsebbaħ darek U nfewwaħlek lil altarek, Imma x-xewk minn qalb ix-xagħri U l-għollieq, marrad, musfari, O Madonna tad-Duluri, Dana biss! O Madonna tad-Duluri, L-oħrajn ġew U bid-d'heb għammru lil darek, U bil-ħaġar sawru altarek – Jiena biss kont il-barrani Mingħajr ward u d'heb il-għani, Jiena biss! O Madonna tad-Duluri, Ma stmerrejtx Int l-imnikket ġewwa darek, 'Ma tbissimt minn fuq altarek, Kollok ħlewwa, kollok ħniena, Serraħt int lill-qalb għajjiena, Inti biss! Illum inħossni aktar minn ixxurtjat illi fi ċkuniti, kont iltqajt mal-Poeta Rużar Briffa li dewwieni sewwa, u ħalla fija dak l-hena kbir li nħoss u nħobb inġedded sikwit kull meta naqra poeżija tiegħu! Għal dan il- għan, l-aktar bħala ħajr personali lil dan id-Dermatologu Poeta talli dewwieni kif ukoll tal-lirika li ħallielna qabel ma miet 60 sena ilu, qiegħed nipprepara għall- pubblikazzjoni xogħol ġdid li semmejt Fejjaqtni Int, li nittama jkun pubblikazzjoni għall-bejgħ aktar tard. 'Fejjaqtni int' – lil Rużar Briffa Tislima lill-Poeta RUŻAR BRIFFA f'għeluq is-60 sena minn mewtu