Illum previous editions

ILLUM 29 October 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1510559

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 15

16 intervista IL-ĦADD 29 TA' OTTUBRU 2023 • illum Għalfejn għażilt li tagħżel il- kandidatura għall-Ewropa? Tul il-karriera politika tiegħi dejjem ħdimt kemm flaħt biex inservi bl-aħjar mod li nista' lill- poplu li nirrappreżenta. Inqis il-kandidatura tiegħi għall- Parlament Ewropew bħala pass naturali fil-mixja politika tiegħi biex inservi. Fuq firxa ta' 25 sena ksibt esperjenza politika vasta f 'diversi karigi u livelli politiċi differenti – minn membru ta' kumitat lokali għal Membru Parlamentari u kelliem ewlieni ta' diversi oqsma politiċi; minn Membru Parlamentari għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista; minn Whip tal-Grupp Parlamentari għal Deputy Speaker tal-Parlament; minn President ta' Solidarjetà Ħaddiema PN għall-Viċi President tal-Ħaddiema tal-Partit Popolari Ewropew. Issa nixtieq insarraf din l-esperjenza politika flimkien mal- enerġija u l-entużjażmu li għandi fil-Parlament Ewropew. Dan qed nagħmlu flimkien mal-appoġġ tal-familja u l-inkoraġġiment ta' ħafna nies li ilhom snin iħajruni biex nagħmel dan il-pass. Min jixtieq isir jaf aktar dwar dak li nemmen fih, nistiednu jsegwi l-programm televiżiv tiegħi "Fl-Ewropa Flimkien" fejn ta' kull ġimgħa nitkellem fuq temi differenti li jmissu l-ħajja ta' kuljum. X'tista' toffri jekk tiġi elett? L-esperjenza politika twila tiegħi għallmitni li f 'kull deċiżjoni li tittieħed hemm impatt fuq in-nies u għaldaqstant mhux biżżejjed li tkejjel bi statistiċi u filosofiji astratti. In-nies tiimhom meta tkun kontinwament magħhom. Kien għalhekk li fil-karriera tiegħi dejjem bqajt leali lejn dik li għandha tkun l-ewwel missjoni tal-politiku – li jibqa' qrib iċ-ċittadin, li jisma' x'inhuma l-affarijiet li jagħmlulu differenza f 'ħajtu. Ta' spiss wisq inħoss li teżisti qabża bejn l-aktar temi li jkunu qed jaffettwaw lin-nies minn dawk li jispiċċaw fuq l-aġenda tal-politiċi, kullimkien madwar id-dinja. U nixtieq biex bħalma nagħmel f 'pajjiżna, dan nagħmlu wkoll fuq livell Ewropew. X'inhuma t-temi għal qalbek fil- Parlament Ewropew? B'mod ġenerali, meta wieħed iħares lejn il-mixja politika tiegħi, temi ta' natura soċjali, li jmissu liċ- ċittadin komuni, lill-aktar batut, huma l-aktar għal qalbi. Il-qasam tax-xogħol u tal-isport huma wkoll setturi li kkontribwejt ħafna fihom fl-aħħar 20 sena u rrid li issa nkompli nagħmel dan fuq livell Ewropew. Iżda jien irrid li mmur fil- Parlament Ewropew biex nirrappreżenta wkoll il-perspettiva Maltija fl-Ewropa. Il-kultura tagħna, il-lingwa tagħna, il-valuri tagħna favur il-ħajja, is-sens ta' libertà, l-ispirtu ta' solidarjetà, u l-istil ta' ħajja tagħna Ewropea iżda wkoll Mediterranja, irrid nipproteġihom bħala Malti Ewropew li kburi b'pajjiżu u fl-istess ħin jemmen fil- proġett Ewropew. Għaldaqstant fejn jeħtieġ u b'mod ċar, m'iniex se nżomm lura milli nitkellem fuq l-impatt tal-politika Ewropea, bħal pereżempju l-imigrazzjoni jew il- kwalità tal-ħajja tagħna l-Maltin. U meta nsegwi kif jaħdem il-Parlament Eworpew, nara li dan huwa element importanti fil-ħidma leġiżlattiva tiegħu. Quddiem żewġ istituzzjonijiet bħalma huma l-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li forsi xi kultant jinqatgħu it mill-polz tal-poplu, il-fatt li l-Parlament huwa demokratikament elett, jippermettilu jkun f 'pożizzjoni li jżomm lill-istituzzjonijiet l-oħra in check u jħares l-interess tal-poplu f 'kull deċiżjoni meħuda fi Brussell u Strasburgu. Fuq livell politiku x'tista' toffri differenti mir-rappreżentanti l-oħrajn Maltin? Jien naħdem f 'tim u b'lealtà lejn dak it-tim. Dejjem hekk għamilt u hekk se nibqa' nagħmel. Allura aktar milli x'se noffri differenti nista' ngħidlek x'se nżid mat-tajjeb li hemm. Hawnhekk irrid nsellem il-ħidma tal-MEPs kollha u b'mod partikolari lil Roberta Metsola li flimkien ma' David Casa ħadmu qatigħ għal diversi snin. Jien nemmen li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta tim b'saħħtu, kull kandidat bil-karatteristiċi uniċi tiegħu. Jien nemmen li fil- Parlament Ewropew, fejn għandek għadd ta' gruppi politiċi differenti, diffiċli tgħaddi liġi jekk ma ssibx kompromess ma' deputati minn partiti differenti. Hawnhekk, l-esperjenzi tiegħi bħala Viċi Kap, Whip, u Deputy Speaker, li lkoll huma rwoli fejn kontinwament trid issib bilanċ, lili pprovdewli l-ħiliet ta' persważjoni u negozjar neċessarji għal dat-tip ta' ambjent politiku. L-esperjenza li ksibt fit-tmexxija parlamentari, fid- diplomazija parlamentari u fl- oqsma soċjali, tax-xogħol u tal- isport fost l-oħrajn, se jarrikkixxu l-esperjenza ewroparlamentari tat- tim tagħna. Ħafna Maltin qed jitilfu l-interess fl-Ewropa u jaraw il-Parlament Ewropew bħala gravy train? Mhux dejjem hu l-każ. Iżda iva, irridu noqogħdu attenti għas- sinjali. L-appoġġ tal-Maltin lejn sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea għadu b'saħħtu ferm. Stħarriġ tal- Ewrobarometru li sar aktar kmieni din is-sena juri li aktar minn tliet kwarti tal-Maltin jaraw sħubija bħala xi ħaġa pożittiva, u din hija ċifra impressjonanti meta tqis kif kien maqsum il-pajjiż meta ġejna biex nidħlu. Madankollu, stħarriġ ieħor riċenti juri li aktar Maltin qed jesprimu ċerti dubji dwar jekk l-istess Unjoni hix miexja fid- direzzjoni t-tajba. Filwaqt li naturalment jista' jkun hemm ċerti deċiżjonijiet li ttieħdu fuq livell Ewropew li wasslu għal dan, nemmen li sa ċertu punt, l-iskużi tal-Gvern Malti wasslu għal dan. Meta jinawgura xi proġett finanzjat mill-UE, dlonk tara l-Prim Ministru jiffanfra bl-investiment, iżda meta jkollu xi deċiżjoni diffiċli, malajr jgħidlek li dan ġara minħabba l-Unjoni Ewropea. Dan mhux sew. Nemmen li għandna nispjegaw l-affarijiet kif inhuma. Ċertament ma jgħinx il-fatt li kien hemm politiċi ewlenin Laburisti li wara snin itanbru kontra l-Unjoni Ewropea, mal-ewwel opportunità li ġiethom ħatfuha! Temi fil-Parlament Ewropew bħall-migrazzjoni u l-qbil fuq temi ta' taxxa, kif ser tħares lejhom? Jien nemmen li kull ħajja umana għandha valur u kulħadd għandu dritt jgħix, u għalhekk dejjem kont kontra l-abort. Imma ejja nkunu ċari. L-Unjoni Ewropea setgħet, u tista' tagħmel ħafna aktar f 'dan il-qasam. Din hija sfida kbira għal kull nazzjon imma hija fuq kollox problema Ewropea u allura s-soluzzjoni għandha tkun waħda Ewropea. Hemm bżonn li l-pajjiżi tal- Mediterran ikomplu jaħdmu flimkien biex jaslu għal ehimiet, inkluż ta' koperazzjoni mal-istati tal-Afrika ta' Fuq biex jindirizzaw il-problema fis-sors tal-oriġini tagħha. Ma' dan, jibqa' kruċjali li ninsistu fuq solidarjetà mill- bqija tal-Ewropa biex il-piż li ġġib magħha l-imigrazzjoni irregolari jkun maqsum bejn kulħadd. Dwar it-taxxa se nibqa' niġġieled biex kull riforma fiskali tirrispetta s-sitwazzjoni partikolari ta' pajjiżi bħal Malta, li huma żgħar, li huma gżejjer, u li allura għandhom sfidi ferm akbar minn ta' kompetituri akbar fuq l-Ewropa kontinentali. Jien ma nemminx fil-politika ta' One Size fits all. Taħseb li l-PN ser itejjeb ir- riżultat tiegħu fl-elezzjonijiet Ewropej? Iva, konvint. U jien qed naħdem kemm niflaħ għal dak l-għan. Lil hinn mid-dimensjoni Ewropea u l-isfidi li indirizzajt aktar kmieni, nemmen li l-poplu qed jiem li jrid jibgħat messaġġ li mhux kuntent b'dak li qed jagħmel dan il-Gvern. Qed inkompli naħdem, flimkien mal-Kap tal-PN Dr Bernard Grech fuq diversi temi li jolqtu lin-nies. Fl-aħħar jiem stess, kellna sentenza tal-Qorti tal-Appell li kkonfermat ir-rebħa ta' kawża li fetaħ Adrian Delia meta jien kont Viċi Kap miegħu kontra l-Vitals/Steward u l-Gvern Laburista li b'kuntratt frawdalenti taw l-isptarijiet pubbliċi tagħna lill-barranin. Irbaħna flimkien u fuq kollox rebħet Malta. Allura huwa naturali li l-poplu se jħares madwaru u juża l-vot tiegħu anke f 'dan is-sens. Quddiem il- poplu hemm għażla bejn Partit Laburista li fl-aħħar snin fisser kriżi tas-saltna tad-dritt, kriżi tal- għoli tal-ħajja, kriżi ta' traffiku, ta' popolazzjoni u ta' skart, u Partit Nazzjonalista bi proposti pożittivi favur mudell ekonomiku ġdid li se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. "Irrid li mmur l-Ewropa biex nirrappreżenta l-perspettiva Maltija" – David Agius David Agius: Dwar it-taxxa se nibqa' niġġieled biex kull riforma fiskali tirrispetta s-sitwazzjoni partikolari ta' pajjiżi bħal Malta David Agius huwa Membru Parlamentari Nazzjonalista iżda għajnejh qegħdin fuq siġġu fil- Parlament Ewropew. Elaine Camilleri staqsietu għaliex għażel li jidħol għal din it-tiġrija.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 October 2023