Illum previous editions

ILLUM 29 October 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1510559

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 15

06 aħbarijiet IL-ĦADD 29 TA' OTTUBRU 2023 • illum intervista Kif żviluppa l-ilsien Malti? Qabel kien magħruf bħala l-ilsien tal-ħaddiem. Maż-żmien, kif spiċċa bħala lingwa nazzjonali? L-ilsien Malti għandu storja twila ħafna. Ilu mitkellem għal ħafna snin, grazzi għall-bosta ħakmiet li kkolonizzaw lil pajjiżna. L-aktar ħakmiet li influwenzaw il-Malti huma l-Għarab, in-Normanni, il-Kavallieri ta' San Ġwann, u l-Ingliżi. Mingħandhom ħadna l-influwenza Semitika, Rumanza u Ingliża. L-aktar kliem bażiku tal-lingwa ħadnieh mill-Għarbi, iżda kliem aktar sofistikat ħadnieh mit-Taljan u mill- Ingliż. Jekk nieħdu pereżempju l-qasam tal-ikel u x-xorb, se naraw li kliem bħal ilma u ħobż ġej mill-Għarbi – għax huwa bażiku – kliem bħal minestra u froġa ġej mit-Taljan, waqt li kliem bħal smoothie u wrap ġej mill-Ingliż. Il-lingwa Maltija hija bħal cocktail li xorbot minn għejun differenti u għalhekk nistgħu ngħidu li l-Malti hu lsien imħallat li kellu bżonn ħafna snin biex jiżviluppa. Kif nistgħu nimmaġinaw, il-Malti għadu jinbidel kuljum, bi kliem li sfortunatament jinqata' jew ma jibqax daqshekk popolari, iżda wkoll jiftaħ idu għal kliem ġdid, l-aktar mill-Ingliż, ġaladarba jħoss il-bżonn li għandu jagħmel dan. Dan il- fenomenu huwa vitali biex il-Malti jibqa' ħaj, aġġornat u ma jistaġnax, iżda basta jagħmel dan b'kawtela u b'moderazzjoni. F'kuntrast mal-Ingliż, il-Malti ma jafx id-data ta' meta twieled. Nafu żgur li kien ġa twieled fl-1364 għax insibu dokumentazzjoni li kien hemm xi patrijiet fl-Italja li xtaqu jiġu Malta iżda ma setgħux għax ma kinux jafu jitkellmu l-Malti. Dan jimplika li l-Malti kien diġà jeżisti għax la ma kinux kapaċi jitkellmu l-Malti sinjal li l-Malti kien diġà jeżisti! Għalkemm hawn Malta, il-Malti għal ħafna snin kien fid-dell tat-Taljan u l-Ingliż, il-Maltin komuni dejjem kienu jitħaddtu bil-Malti, iżda fil-Qrati, fil- knejjes, fil-palazzi, u f 'istituzzjonijiet formali, il-lingwi dominanti kienu t-Taljan u l-Ingliż. Il-Malti kien meqjus bħala l-lingwa tal-kċina, jiġifieri l-lingwa li mhix ta' valur u ma tgawdix mir-rispett li jistħoqqilha. Tant kemm hawn Malta l-Malti ma kienx stmat, li fil-Kwistjoni tal-Lingwa, iż-żewġ lingwi li kienu se jitqiesu bħala ż-żewġ lingwi uffiċjali tal-pajjiż kienu se jkunu t-Taljan u l-Ingliż, iżda grazzi għal niesna li ġġieldu għalina, il-Malti fl-1934 spiċċa l-lingwa uffiċjali ta' Malta flimkien mal-Ingliż. Imbagħad fl-1964, il-Malti kompla jistagħna billi ħa l-istatus ta' lsien nazzjonali. Illum ukoll il-Malti huwa ilsien uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Araw daqsxejn kemm il-lingwa tagħna żviluppat matul is-snin! Żvilupp ieħor evidenti kien li l-Malti nqata' kompletament mil-lingwa Għarbija, Għalkemm tnissel mill- Għarbi, illum niktbu l-Malti b'alfabett Latin (jiġifieri dak li aħna mdorrijin biħ L-Ilsien Malti Intervista ma' Keith Azzopardi Intervista ma' Thomas Pace Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti Insibu diversi djaletti fil-gżejjer Maltin. Pace, qal li djalett huwa varjetà tal-lingwa marbuta ma' reġjun jew lokalità partikolari. Qalb il-gżejjer Maltin insibu bosta djaletti bħal fosthom in-Naduri, il-Most, iż- Żurrieqi, is-Sannati u l-Qormi. Pace sostna li d-djalett ma jirreferix biss għad-differenza fil-pronunzja u tlissin ta' ċertu kliem, ngħidu aħna il-kelma 'raġel', bin-Naduri tingħad ruġul u biż-Żejtuni tingħad ruġel. Iżda, djalett fih differenzi fil-grammattika u l-vokabularju wkoll. Id- differenzi fost id-djaletti mhumiex biss fil- vokali imma anke fil-konsonanti. Hawnhkk Pace jirreferi għad-djalett tax-Xewkija, fejn il- konsonanta 'q' ħafna jlissnuha 'k', bħal kuddies (quddies) u trik (triq). Hemm djaletti l-oħra li jlissnu l-akka u l-għajn li storikament kienet ir-rgħajn, bħal daħri (dahri) u deħeb (deheb). Pace jgħid li l-plurali ta' ċertu kliem ivarja bejn gżira u oħra, eżempju il-plural ta' karozzi u torta huwa karozzi u torti imma fid-djaletti Għawdxin il-plural huwa kroroz u torot. Il- ġens ta' nomi wkoll huwa differenti; għall- Għawdxin biro huwa maskili (biro iswed) mentri għall-Maltin huwa femminili (biro sewda). In-naħa ta' fuq ta' Malta; il-Mellieħa, il-Manikata u Għawdex; il-komparattiv ta' aktar/iżjed baxx huwa ibxex/ibaxx (eż, l-għatba ibxex mill-oħra) Pace spjega li minn punt lessikali nsibu kliem differenti li jirreferu għall-istess oġġett. Bħal pereżempju, l-antiporta tissejjaħ boxxla f 'ċertu rħula. It-tajra, ġugarell li intajru fis-sema, hemm min isejħilha manuċċ u lokalitajiet oħra jgħidulha amma jew ħamiema. Pace ġie mistoqsi aktar dwar l-istorja tal- ilsien Malti li minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż iħaddan storja rikka u x'inhu l-futur tal-Malti. Kif żviluppa l-ilsien Malti? Qabel kien magħruf bħala l-ilsien tal-ħaddiem. Maż- żmien, kif spiċċa bħala lingwa nazzjonali? omas Pace: L-ilsien Malti għandu storja twila mitkellem biss fuq livell popolari bħala l-ilsien tan-nies maħkuma. Fuq livell uffiċjali miktub, l-ilsien tal-ħakkiema ma kienx il- Malti imma t-Taljan, u aktar tard l-Ingliż, mal-ħakma tal-Ingliżi. Il-Malti standard li nafu llum xi darba kien forma djalettali mitkellma. Li jkollok lingwa standard tgħin fl-użu u t-tixrid tagħha fil-pubbliku għaliex il-kelliema tagħha jkollhom moħħhom mistrieħ li f 'livell formali u uffiċjali jħaddmu forma waħda ta' kitba. Sal-1921, il-Malti kien għad m'għandux alfabett standard u ma setax jinkiteb b'mod konsistenti. Fl-1924 ġew stabbiliti r-regoli tal-kitba tiegħu mill-Għaqda tal-Kittieba tal- Malti, illum magħrufa bħala l-Akkademja tal-Malti. Kellhom jgħaddu 10 snin, fl-1934, biex il- Malti jsir ilsien uffiċjali ta' Malta mal-Ingliż (l-ilsien tal-imperu) u mat-Taljan (l-ilsien tal- qrati). Fil-Kostituzzjoni ta' sentejn wara, l-ilsna uffiċjali li bdew jiġu rikonoxxuti uffiċjalment kienu l-Ingliż u l-Malti. Ladarba l-Malti tfassallu alfabett standard u ġie kodifikat bir- regoli tal-ortografija u l-grammatika, seta' jibda jitħaddem fil-ħajja pubblika u jintuża aktar fil-pubblikazzjonijiet u l-letteratura. Is- sena d-dieħla niċċelebraw il-mitt sena minn dan l-avveniment. Mal-kisba tal-indipendenza, fil-21 ta' Settembru 1964, il-Malti beda jkun magħruf bħala l-ilsien nazzjonali ta' Malta għaliex huwa l-aktar ilsien li ilu mħaddem mill- Maltin f 'Malta u li jiddistingwina minn popli oħra. Illum il-Malti hu wkoll ilsien uffiċjali ta' Malta mal-Ingliż u l-Lingwa tas-Sinjali Maltija, u wieħed mill-24 lingwa uffiċjali tal- Unjoni Ewropea. X'inhi r-relazzjoni bejn il-Malti u l-Ingliż f'Malta? U x'inhuma r-relazzjonijiet bejn il-Malti u lingwi oħra? Bħala Kunsill aħna naħdmu ħafna biex il- Malti, qabelxejn, jintuża mal-Ingliż. Dawn iż-żewġ lingwi mhumiex f 'kompetizzjoni imma għandna nużawhom flimkien. Il-Malti hu l-ilsien li jaqdina f 'artna stess u l-Ingliż jgħaqqadna mal-bqija tad-dinja li aħna parti minnha. La għandna żewġ ilsna uffiċjali li aħna kburin bihom, għandna naraw li nużawhom konsistentement fil-materjal pubbliku li noħorġu u nagħmlu, bħat-tabelli u l-fuljetti. Irridu ngħinu lill-impjegati barranin f 'pajjiżna biex jitgħallmu l-Malti. L-impjegaturi tagħhom għandhom ikunu aktar sensittivi biex jgħaddulhom il-Malti bażiku ħalli jkunu jistgħu jikkomunikaw aħjar mal-klijenti tagħhom. Taħseb li l-lingwa Maltija għad tintilef? Il- Malti huwa mhedded? Il-futur ta' lsienna qiegħed f 'idejn il- ġenituri u n-nanniet. Importanti ħafna li jkellmu lil uliedhom u lin-neputijiet tagħhom bil-Malti wkoll ħalli l-Malti jkun għalihom ukoll lingwa naturali daqskemm hu għalina. It-tfal imdawrin ħafna bl-Ingliż - mill-internet sal-iskola - u għalhekk huwa kruċjali li l-Malti jitħaddem fid-djar tagħna f 'sitwazzjonijiet differenti. X'inhu jseħħ min-naħa tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti biex tiġi ppreservata l-lingwa? Nagħtu sehemna wkoll biex niżviluppaw it-terminoloġija bil-Malti ta' oqsma differenti. Ħdimna fuq it-termini tal-ġeografija u għadna kemm nedejna d-dizzjunarju speċjalizzat tal-ekonomija mad-Dipartiment tal-Malti u l-Prof. Lino Briguglio mid-Dipartiment tal- Ekonomija fl-Università ta' Malta. Qed nikkollaboraw ukoll mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università biex norganizzaw il- Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti (MQF 5) u korsijiet professjonali interni qosra ħalli aktar impjegati tas-servizz pubbliku u s-servizz privat iħossuhom kunfidenti jużaw il-Malti fil-post tax-xogħol tagħhom. Nemmnu ħafna li rridu nkomplu nżidu l-kuxjenza u t-taħriġ. Saret intervista ma; Thomas Pace u Keith Azzopardi fejn qasmu magħna spunti interessanti ta' informazzjoni u anke taw xi għarfien fuq l-istorja lingwistika tal-ilsien nazzjonali Malti.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 October 2023