Illum previous editions

ILLUM 29 October 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1510559

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 15

aħbarijiet 07 IL-ĦADD 29 TA' OTTUBRU 2023 • illum bħall-a, b, ċ, u l-bqija) u mhux bl-alfabett Għarbi. Hemm il-lingwa standard u dik djalettali – tispjegali kif fuq gżira tant żgħira nsibu daqstant verżjonijiet tal-lingwa? X'tgħidli fuq id-djaletti? Kemm jeżistu djaletti bejn wieħed u ieħor f 'Malta u Għawdex? Kieth Attard: Bħal f 'ħafna pajjiżi oħra, il-Malti għandu dik il-lingwa li tissejjaħ l-istandard u l-varjanti tagħha li jissejħu djalett. Il-Malti standard huwa l-varjetà li tipikament tintuża fil-pubbliku, fl- amministrazzjoni, fl-edukazzjoni, fil- mezzi tax-xandir, u l-bqija, u li għandha dizzjunarju, grammatika, letteratura, u ortografija stabbilita. Min-naħa l-oħra, f 'kuntesti informali mbagħad insibu d-djalett, li huwa varjant tal-lingwa standard u jintuża l-aktar bejn membri tal-familja, mal-ħbieb jew membri tal- istess raħal/komunità. Mikiel Anton Vassalli, meqjus bħala Missier l-Ilsien Malti, qasam id-djaletti f 'ħamsa: id- djalett tal-bliet, id-djalett tan-naħa ta' fuq, id-djalett tan-naħa t'isfel, id- djalett taċ-ċentru ta' Malta, u d-djalett ta' Għawdex. Tajjeb li wieħed jinnota li fil-kuntest lokali m'għandniex biss aċċenti, jiġifieri varjetajiet lingwistiċi li jvarjaw fuq livell fonetiku u fonoloġiku biss – jiġifieri fuq il-ħsejjes tal-kelma – iżda għandna djaletti, jiġifieri varjetajiet lingwistiċi li jvarjaw fuq il-livelli kollha tal-analiżi lingwistika. Ngħidu aħna fuq livell morfoloġiku – jiġifieri l-istudju tal-forom u kif jinbnew il-kliem – pereżempju f 'Għawdex tisma' l-plural kroroz u fl-istandard tisma' karozzi, fuq livell sintattiku – jiġifieri l-mod ta' kif tinbena s-sentenza – pereżempju l-binja tal-progressiv fin-negattiv ma qedx jiekol fl-Imġarri u mhux qed jiekol fl-Istandard, u fuq livell lessikali – jiġifieri tal-kliem – pereżempju f 'Għawdex tisma' lil min jgħid għakruxu, u fl-Istandard tgħid bebbuxu. Pace: Minkejja ċ-ċokon ta' gżiritna nsibu ħafna postijiet bid-djaletti uniċi tagħhom u li jiddistingwuhom minn oħrajn. Fost l-oħrajn, f 'Malta nsibu r-Rabti, iż-Żebbuġi, il-Mosti, il-Mellieħi, iż-Żejtuni, id-djaletti tal-Kottonera, u ħafna oħrajn. Kurżità interessanti oħra hi li Għawdex iqisu d-djaletti tagħhom bħala varjetà waħda li jsejħulha "l-Għawdxi" u kull varjetà f 'Għawdex stess hija differenti minn oħra. Għalhekk, pereżempju, in- Naduri hu differenti mis-Sannati, mix- Xewki, minn ta' Għajnsielem, u l-bqija. Issa ejja nsemmu ftit differenzi lessikali bejn l-Għawdxi u l-istandard u naraw jekk qattx smajna bihom: ċombini bl- Għawdxi u labar tal-inxir fl-Istandard; nemusiera bl-Għawdxi u xibka tan- nemus fl-Istandard; pinura jew pinula bl-Għawdxi u pirmla, pinnola jew pirmla fl-Istandard; xenxul bl-Għawdxi u għanqud fl-Istandard. Dan ma jfissirx li m'hawnx irħula f 'Malti bid-djalett li ma jużawhomx ukoll, imma t-tendenza hi li jintużaw ħafna aktar f 'Għawdex. Għalkemm id-djalett nirreferu għalih bħala l-varjetà inqas standard – u ġieli hawn min jirreferi għaliha bħala l-imgħawweġ: "ħa nitkellem bl- imgħawweġ" – m'għandniex inħarsu b'disprezz lejn min jitkellmu. Anzi d-djalett huwa parti mill-identità Maltija u għandna nippreservawh. Għandna nippromovu inizjattivi mill-Kunsilli Lokali li jippromovu kitbiet bid-djalett u kull min għandu wieħed għandu jħabrek biex jgħaddih lil uliedu ħalli jkompli jintiret minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. X'inhi r-relazzjoni bejn il-Malti u l-Ingliż f 'Malta? U x'inhi r-relazzjoni bejn il- Malti u lingwi oħra? Kif għedt qabel, il-Malti u l-Ingliż huma ż-żewġ lingwi uffiċjali ta' Malta. Għandna x-xorti qawwija li Malta huwa pajjiż bilingwi, jiġifieri jaf iħaddem sew il-Malti u l-Ingliż. Pajjiżi kbar oħra li mhumiex bilingwi jixxennqu biex bħalna jkunu jafu sew ukoll l-Ingliż u jispiċċaw jitgħallmuh bħala lingwa barranija jew jiġu Malta biex jitgħallmu u jipprattikaw l-Ingliż. Għalhekk, la għandna dan il- lussu, ma rridux indaħħlu rasna fir- ramel u nagħżlu l-Malti biss għax se nkunu żvantaġġati, f 'dinja fejn nafu kemm l-Ingliż huwa universali. Min- naħa l-oħra, jekk għandna żewġ teżori, m'għandniex inwarrbu t-teżor l-ieħor u nagħżlu li niffukaw biss fuq l-Ingliż u nwarrbu l-Malti. Nikkwota kliem Dun Karm Psaila mill-poeżija "Għaliex? Jedd il-Lsien Malti" meta jgħid li m'għandniex inwarrbu lsienna biex niffukaw fuq lingwi oħra: "Ħobb jekk jiswewlek l-ilsna barranin / iżda le tbarri lil min hu ta' ġewwa." Li wieħed ikun jaf lingwi barranin huwa ta' fejda għalih għaliex jista' jkollu aktar opportunitajiet akbar ta' xogħol u jkun jista' jikkomunika aħjar meta jsiefer. Il-Malti u l-lingwi barranin jistgħu jintrabtu flimkien u jagħtuk il- ħobża ta' kuljum, ngħidu aħna jekk inti traduttur, interpretu, għalliem jew gwida. Taħseb li l-lingwa Maltija għad tintilef? Il-Malti huwa mhedded? Matul is-snin tisma' ħafna għajdut li l-Malti għad jintilef iżda jien din ma nemminhiex. Ma ntilifx meta matul iż- żmien l-istatus tal-Malti kien ħafna inqas inferjuri mil-lum, ngħid jien, se jintilef illum?! Huwa fundamentali li nibqgħu nħaddmuh sew u ngħadduh lil ta' warajna bl-aħjar mod possibbli biex b'hekk jibqa' jgawdi mir-rispett li jistħoqqlu. Bħala għalliem tal-Malti u ċittadin Malti nħoss għafsa ta' qalb nara l-idjoma Maltija titbiċċer minn ħutna stress, saħansitra minn xandara u ġurnalisti Maltin li għandhom rwol importanti ħafna f 'xogħolhom. Agħar minn hekk hija wkoll stallett meta tisma' lit-tfal Maltin jitkellmu kontinwament bl-Ingliż u jittellgħu barranin f 'arthom stess. Dan, iva, hu theddid għal-lingwa tagħna imma dment li l-maġġoranza tibqa' tħaddem il- Malti fit-taħdit, il-Malti jibqa' ħaj. Hawn min jgħid ukoll li l-ammont ta' barranin li qed jiġu jgħixu f 'pajjiżna wkoll jista' jkun theddida għall-Malti. Biex negħlbu dawn l-ostakli, importanti li nibnu ambjent fejn iħossuhom komdi biżżejjed biex jitkellmu l-Malti. Ngħinuhom iva, imma mhux nakkomodawhom f 'kollox. La qed jgħixu Malta, xi forma ta' Malti bażiku jridu jkunu jafu. Wara kollox, jekk jien immur ngħix l-Italja jew Franza, dawn lili ma jakkomodawnix u allura jridu jagħmlu ħilithom biex jitgħallmu l-Malti huma wkoll. Importanti wkoll li l-Malti jkun aktar viżibbli u jkollu aktar riżorsi online għal min irid jużaw. Ċekkjatur tal-Malti jiswa mitqlu deheb; dizzjunarju aġġornat ukoll … għalhekk tajjeb ngħidu li l-Gvern għandu jgħin kemm jista' jkun lill-Kunsill mingħajr ma jipprova jxekkillu l-ħidma tiegħu; ħaġa li bħalissa sfortunatament hija realtà qawwija minħabba l-kwistjoni li l-Kunsill għandu mal-Ministru fuq il-kwistjoni taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti. X'inhu jseħħ min-naħa tal-Kunsill tal- Malti biex tiġi ppreservata l-lingwa? Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jagħmel ħafna xogħol fis-skiet biex jippreserva l-lingwa tagħna. Jorganizza sensiela ta' korsijiet lil diversi entitajiet u individwi biex jaġġornahom jew jgħallimhom affarijiet ġodda. Wieħed mill-akbar korsijiet annwali li jorganizzaw huwa l-Kors tal-Qari tal-Provi fil-Malti, li hu miftuħ għal kulħadd b'mod speċjali għal min irid ikun qarrej tal-provi kkwalifikat fil-Malti. Il-Kunsill tal-Malti, bi sħab mad-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, jorganizza sensiela oħra ta' korsijiet volontarji għall-għalliema u l-LSEs tal-primarja u s-sekondarja, għall- KGAs, għall-ġenituri u n-nanniet, u għall-pubbliku. Jorganizza wkoll korsijiet għall-barranin, u għall-impjegati tas- Servizz Pubbliku. Jieħu ħsieb ukoll biex minn żmien għal żmien jagħmel korsijiet ta' aġġornamenti. Il-Kunsill jemmen ħafna li l-Malti jeħtieġ ikun aktar viżibbli madwarna u impenja ruħu li jibqa' jaħdem biex dan l-għan nazzjonali jintlaħaq. Fil-fatt fl-aħħar xhur rajna, u qed inkomplu naraw, żviluppi interessanti fejn tidħol is-senjaletika pubblika, speċjalment fit- toroq. Rajna tabelli bilingwi fil-Parlament Malti, fl-Isptar Mater Dei, fiċ-Ċentru tal- Onkoloġija Sir Anthony Mamo, u f 'ħafna mkejjen oħra. Il-Kunsill tal-Malti joffri s-servizz tiegħu bla ħlas lill-kunsilli lokali u lil kull entità li tkun se tibdel it-tabelli pubbliċi jew tagħmel oħrajn ġodda. Bħala entità governattiva, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti jagħti pariri u jikkonsultawh diversi entitajiet tal- Gvern fuq affarijiet relatati mal-lingwa u l-użu tagħha fil-kitba. Fost dawn ta' min insemmu l-kunsilli lokali, awtoritajiet bħall-Awtorità tat-Trasport, Infrastructure Malta, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal- Konsumatur, Parks Malta, kif ukoll aġenziji bħall-MITA u diversi ministeri. Fl-2021, Il-Kunsill Nazzjonali tal- Ilsien Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università kkollaboraw flimkien u għamlu stħarriġ bi sħab mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fuq l-użu tal- Malti u l-Ingliż f 'sitwazzjonijiet soċjali differenti. L-istħarriġ sar fuq kampjun ta' ftit aktar minn elf ruħ ta' bejn 18 u 80 sena biċ-ċittadinanza Maltija. Dan l-istħarriġ xeħet dawl fuq is-sitwazzjoni lingwistika f 'pajjiżna.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 29 October 2023