Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1517915
15 Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kotba IL-ĦADD 24 TA' MARZU 2024 • illum Patrick Sammut jitkellem ma' Carmel G. Cauchi – edukatur, reliġjuż u kittieb – dwar l-awtobijografija tiegħu Fil-Keffa tal-Miżien (BDL Publishing, 2023). "L-ilsien Malti qed ibati" Patrick Sammut: Għaliex il-kitba tal-awtobijografija? Carmel G. Cauchi: Il-ħsieb tal-kitba tal-awtobijografija qatt ma kien għadda minn moħħi, għax jien ma ngħoddx ruħi bħala xi persuna prominenti fix-xenarju Malti li għandi xi storja importanti dwari nnifsi x'nirrakkonta. Il-ħsieb beda jleħħ f 'moħħi wara li fl-2011 ippubblikajt Mill-Ġnejna ta' Tfuliti. Dan kont bdejt niktbu f 'puntati għar-rivista Xehda Għasel li kienet toħroġ għat-tfal mis- Soċjetà MUSEUM. Il-ħsieb tiegħi kien li nuri lit-tfal tal-lum kif kienet it-tfulija tagħna fis-snin ħamsin u l-bidu tas- sittin. Imma bdew jinteressaw ruħom fihom aktar il-kbar milli t-tfal. Kienu jgħiduli kemm jieħdu gost jaqrawhom u kemm nostalġija kienu qegħdin inisslu fihom. U meta għalaqt is-sensiela bl- impjieg tiegħi bħala għalliem fl-1962, u dammejthom fi ktieb, bdew iħeġġuni biex inkompli r-rakkonti bħala t-tieni parti tal-awtobijografija minn dakinhar 'l hawn. U l-insistenza tagħhom wasslitni biex nikkuntentahom. PS: Kif tvarja din it-tieni awtobijografija tiegħek mill-ewwel waħda, Mill-Ġnejna ta' Tfuliti? X'hemm inqas u x'hemm iktar? CGC: F'Mill-Ġnejna ta' Tfuliti r-rakkonti huma x'aktarx maħlula minn xulxin, mingħajr kronoloġija, miktubin bla ppjanar, hekk kif ġew f 'moħħi. Fil-Keffa tal-Miżien il-kitba hi aktar ordinata, u l-fatti huma rrakkuntati b'mod kronoloġiku, f 'ħafna mill-każi anki bid-dati. PS: Kif jingħaqdu flimkien fik il- Mużewmin, l-għalliem u l-kittieb? U kif jidhru dawn it-tliet elementi fil- kitba tiegħek inġenerali? CGC: Dawn huma tliet aspetti tal- personalità tiegħi. Tliet naħat tal-istess trianglu. Tliet toroq paralleli li mxejthom flimkien bla ma waħda fixklet lill-oħra. Imma naħseb li l-kittieb ġie influwenzat mit-tnejn l-oħra. Bħala għalliem tal- primarja drajt nikteb b'mod sempliċi li jinftiehem mill-ewwel, u bħala Mużewmin niddarras nuża kliem vulgari u niddeskrivi xeni spinti f 'kitbieti. PS: Kemm hu importanti l-istudju tal-letteratura fost l-istudenti tal- Primarja u tas-Sekondarja? U kemm hi importanti li l-istudenti tagħna jitgħallmu jaqraw u jiktbu bi lsien art twelidna, iktar u iktar fi żmien meta n-numru ta' barranin qed jiżdied drastikament? CGC: Nemmen li kemm fil-primarja, kif ukoll fis-sekondarja, it-tfal għandhom jitwasslu biex isiru midħla tal-letteratura, dejjem għal dik adattata għall-età tagħhom. Fi tfuliti kien ikollna biss letteratura bl-Ingliż, bħal dik ta' Enid Blyton bil-Findouters, is- Secret Seven, il-Famous Five u l-bqija, imma llum għandna bosta kotba bil- Malti ppubblikati kull sena, bi stili u suġġetti differenti. Għalhekk l-istudenti tagħna jsibu ħafna x'jaqraw bil-Malti. Fil-klassijiet għoljin tas-sekondarja hu xieraq u f 'postu wkoll li l-istudenti jibdew isiru midħla tax-xogħlijiet letterarji ta' kittieba li ġew qabilna. Huwa għajb għalina li, skont statistika reċenti, persentaġġ qawwi ta' tfal u żgħażagħ Maltin jistqarru li l-ilsien ewlieni tagħhom huwa l-Ingliż. Huwa importanti ħafna li l-istudenti Maltin ikunu jafu jaqraw u jiktbu sew bil-Malti għax jekk le jkunu qegħdin iħaffru l-qabar għal ilsien art twelidna. PS: F'dan il-ktieb tispikka wkoll l-umiltà fil-karattru tiegħek. Kemm għenet din matul ħajtek bħala edukatur, reliġjuż u anki kittieb? CGC: Jien dejjem emmint li jekk hemm fija xi kwalitajiet tajba, dawn huma doni t'Alla. Hekk jgħallem San Pawl, "X'għandek int li ma qlajtux? U jekk qlajtu għaliex tiftaħar bih bħallikieku ma qlajtux?" (1Kor 4,7) Dejjem żammejt saqajja mal-art u qatt ma neffaħt rasi. Bħala edukatur, reliġjuż u kittieb dejjem kont konxju tan-nuqqasijiet tiegħi u dejjem kont lest li nitgħallem. Dejjem ilqajt is-suġġerimenti ġenwini u apprezzajt il-kritika kostruttiva. B'hekk, fit-tliet każi, għamilt progress sostanzjali mindu bdejt sal-lum. PS: Paġna interessanti u ħajja hija dik li tiddedika lil San Ġorġ Preca bl- umanità kollha tiegħu. X'marka ħalla fuqek bniedem bħal dan? CGC: Jien trabbejt minn ċkuniti fis- Soċjetà tal-Museum imwaqqfa minn San Ġorġ Preca, u t-tagħlim tiegħu, flimkien mal-persuni li ltqajt magħhom f 'din is-Soċjetà, sawru fija l-karattru tiegħi. Ħafna minn dak li naf u dak li jien nattribwih lilu. Żgur li l-personalità tiegħi kienet tkun ta' xejra oħra li kieku ma kontx membru fis-Soċjetà mwaqqfa minnu. PS: Inti tikteb dwar ix-xogħol tal-għalliem bħala professjoni u vokazzjoni. Hemm differenza bejn li tkun għalliem u li tkun edukatur? Taħseb li l-għalliema b'vokazzjoni llum żdiedu jew naqsu? Għaliex? CGC: Nemmen li edukatur huwa xi ħaġa iktar minn għalliem. Edukatur ma jgħaddix lill-istudenti tiegħu tagħrif biss imma wkoll valuri. Nemmen fil-prinċipju: "Transmission of knowledge does not necessarily lead to transformation of habits." Jekk l-għalliema b'vokazzjoni llum naqsux jew żdidux ma nistax ngħid għax issa ili 19-il sena li rtirajt minn din il- professjoni u allura tlift il-kuntatt. Imma nifhem li llum saret iktar diffiċli għall- għalliema minħabba l-għadd kbir ta' tfal barranin li qed ikollhom fil-klassijiet tagħhom. Ma nista' ngħid xejn dwar it- trasmissjoni tal-valuri, imma nemmen li l-ilsien Malti qed ibati. Għal dawn l-aħħar snin kont, u għadni, qed inħejji żewġ klassijiet ta' tfal ta' seba' snin għall- Ewwel Tqarbina. U jiddispjaċini ngħid li nsibha diffiċli li nikkomunika magħhom bil-Malti. Jippreferu jikkomunikaw bl-Ingliż għax dan hu l-iktar ilsien li jisimgħu. Ma rridx innaqqas il- mertu tal-għalliema għax nifhem is- sitwazzjoni fi klassijiet imħallta b'tant nazzjonalitajiet differenti. Imma ninsisti mat-tfal li l-Museum jitkellmu bil-Malti u nitlob lill-ġenituri biex id-dar jagħmlu l-istess. U nħossni sodisfatt li dan l-isforz tiegħi qed iħalli l-frott, għalkemm mhux daqskemm nixtieq. L-awtur bagħatli kopja tal-ktieb biex nirreċensah b'mod onest.