Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1519041
10 aħbarijiet IL-ĦADD 14 TA' APRIL 2024 • illum opinjoni Peter Agius hu Kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'isem il-PN Peter Agius F tit ilu ltqajt ma' missier li staqsieni, "Intom vera tridu tibagħtu lil uliedna jiġġieldu l-gwerra?" Mistoqsija li ħasditni. Mhux għax jien jew il-PN għandna x'naħbu fuq il- pożizzjoni tagħna fejn tidħol is-sigurtà u l-ħarsien ta' pajjiżna imma għax irrealizzajt kemm il-kampanja Laburista biex tbeżża' l-poplu Malti u Għawdxi qed tinfiltra fi mħuħ in-nies. Ejja nibdew mill-bidu. Fi Frar 2022, ir-Russja invadiet l-Ukrajna. Malta, ġustament, tkellmet kontra din l-invażjoni. Aħna newtrali. Imma n-newtralità tagħna hija waħda li temmen, kif tgħid il-Kostituzzjoni, fil-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali. Ma stajniex, għalhekk, ma nitkellmux kontra din l-invażjoni. Ninvestu fis-sigurtà ta' pajjiżna Tajjeb li tikkundanna fejn għandek tikkundanna. Imma hemm limitu ta' x'tista' tagħmel bil-kliem biss. Kien għalhekk li l-UE vvutat għal sanzjonijiet. Biex il-profitti li r-Russja kienet tagħmel mill-kummerċ ma jispiċċawx iħallsu għall-invażjoni tiegħu. Mingħajr dawn is-sanzjonijiet, l-UE mhux biss kienet tkun indirettament qed tiffinanzja gwerra imma tkun qed tgħin lill-aggressur kontra min ġie aggredit. Kien għalhekk ukoll li l-UE ħolqot fond, il-Faċilità Ewropea għall- Paċi, biex jgħinu lill-Ukranja tixtri sistemi għad-difiża leġittima tagħha. Hawn importanti li niftakru f 'żewġ affarijiet. L-ewwel, dan sar possibbli għax l-UE llum għandha politika barranija u ta' difiża komuni. Politika li saret possibbli għax daħlet bit-Trattat ta' Liżbona bil-qbil tal-Parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE. Inkluż il-Parlament tagħna fejn id- deputati kollha – Nazzjonalisti u Laburisti – kienu vvutaw favur fl-2008. Issa dan kien żvilupp pożittiv u s-sigurtà ta' Malta ssaħħet b'riħet ta' kordinament akbar ma' pajjiżi oħra. Imma importanti li niftakru li min illum jikkritika l-politika komuni ta' sigurtà Ewropea kien ivvota għal politika komuni ta' sigurtà Ewropea! Pruvajt nispjega dan lill-MEP Alex Agius Saliba u l-kandidat Laburista Daniel Attard fuq Xtra bosta drabi iżda moħħhom kien biss biex iħawdu l-imħuħ u jbeżżgħu lin-nies. It-tieni, fi Brussell, il-Gvern Malti dejjem u mingħajr eċċezzjoni kien favur, kemm il-pakkett ta' sanzjonijiet, u kemm il-pakkett t'għajnuna finanzjarja għad-difiża tal-Ukrajna li kien hemm proposti fil-Kunsill Ewropew. U kemm ilha dil-kriżi, fil-Kunsill Ewropew dejjem Robert Abela kien hemm jirrappreżenta lil Malta. Infakkar lil Robert Abela li hu vvota favur f 'Marzu 2021, f 'Ġunju 2023, f 'Diċembru 2023 u fi Frar 2024. Għamel sewwa vvota kif ivvota fil-Kunsill Robert Abela. Imma mbagħad ma jiġix Malta u jipprova jagħti l-impressjoni li l-Partit tiegħu huwa l-partit tal-paċi u l-PN tal-gwerra. Bil-wiċċ vili, fi Brussell jieħu b'idejn Von der Leyen iżda f 'Malta jiġi jgħid il-kontra. Jeżisti pajjiż żgħir li jippreferi gwerra minflok paċi? Dażgur li le. U pajjiżna mhux b'inqas. Imma ma jfissirx li ma nħejjux ruħna għal kull theddida li jista' jkun hemm għas-sigurtà tagħna. Ma ninsewx, illum, it-theddid għas-sigurtà, mhux ġej biss minn gwerer b'armati jiġġieldu bejniethom. Jista' jkollok cyberwarfare fejn l-infrastruttura ta' pajjiżek tiġi attakkata bl-internet. Jista' jkollok atti ta' piraterija fl-ibħra internazzjonali. Jista' jkollok attakk terroristiku li jwassal għall-qtil ta' ċivili. Kif semmejt qabel, pajjiżna newtrali. Fost l-oħrajn, dan ifisser li ma nidħlux f 'alleanzi militari. Imma ma jfissirx li ma naħdmux ma' pajjiżi oħra biex intejbu s-sigurtà tagħna stess. Hemm ħafna affarijiet li nistgħu nagħmlu – minn taħriġ ta' militari tagħna għal investimenti ta' sistemi ta' sigurtà għal qsim t'informazzjoni – f 'kordinament ma' pajjiżi oħra tal-UE mingħajr ma nxellfu n-newtralità tagħna. Ħadd f 'sensih mhu jargumenta biex in- newtralità ta' Malta tkun a skapitu tas-sigurtà tagħna u ta' wliedna. Li ma qalx Robert Abela u sħabu hi li Malta kisbet miljuni minn fondi Ewropej biex tinvesti fil-Patrol Boat P71. Biex jaqtgħu ż-żigarella mar nofs il-kabinett. Allura dan l-investiment sar biex nidħlu fi gwerra? Il-Gvern Laburista mhux koerenti. Se nkompli nikxef il-qerq tal-Gvern Hawnhekk fejn toħroġ id-differenza bejn il-Partiti. Il-Partit Laburista ma jiħux il-kwistjoni tas-sigurtà bis-serjetà. Biżżejjed niftakru li dan Partit li 'qas is-sigurtà tal-Mexxej tiegħu fuq palk fil-Birgu ma kien kapaci jiggarantixxi. Is-sabiħa hi li din t-telqa u stat t'abbandun għandhom il-wiċċ isejħulha "pożizzjoni favur il-paċi" u min jaħseb li n-newtralità mhi l-ebda skuża biex ma tkunx ippreparat "favur il-gwerra". Immaġina, qisek qed tgħid lil min jarma fire extinguisher li hu favur in-nar! Il-PN huwa membru tal-Partit Popolari Ewropew (PPE). Il-PPE huwa l-akbar partit fil-Parlament Ewropew u mistenni jżomm dil-pożizzjoni wara l-elezzjonijiet ta' Ġunju. Din il- pożizzjoni ġġib magħha responsabbiltà, dik li taffaċċa n-nuqqasijiet li hemm u li tindirizzahom. L-invażjoni tal-Ukrajna wriet in-nuqqasijiet tal-pajjiżi tal-UE fejn tidħol difiża. U allura, il-PPE ħareġ bi proposti biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata b'aktar investiment u kordinament fuq livell Ewropew. Il-PPE dejjem ħa ħsieb jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-pajjiżi tal-partiti membri tiegħu. Kien għalhekk, li fil-bidu tal-proposta tiegħu jagħmilha ċara li kwalunkwe miżura tieħu kont ta' dawk il-pajjiżi – fosthom Malta – li huma newtrali. Fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, diġà kien hemm numru ta' opt-outs, l-għażla li tibqa' barra, għal pajjiżi newtrali. Din mhux se tinbidel u hi xi ħaġa li l-PN u l-PPE jaqblu fuqha. Malta, grazzi għal dikjarazzjoni li l-PN kien ħa ħsieb idaħħal fit-Trattat ta' sħubija fl-UE, tibqa' bin-newtralità tagħha ggarantita. Fl-Ewropa rridu nies kompetenti li jafu kif taħdem u mhux nies li jgħidu mod Malta quddiem il-folla Laburista, imbagħad jidħku bil-Maltin u jagħmlu bil-maqlub fi Brussell. Bil-vot tiegħek fit-8 ta' Ġunju se nkompli naħdem b'risq pajjiżna b'enerġija ġdida u nagħmel skrutinju bis-saħħa fuq il-Gvern li jrid kontinwament jisma' lin-nies – kif kien qal l-Eks Ministru Laburista Zammit Lewis – ta' Ġaħan. Ibeżżgħu f'Malta u jidħku bin-nies fi Brussell