Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1528581
intervista illum • IL-ĦADD 27 TA' OTTUBRU 2024 07 'Malta tinsab f 'salib it-toroq u ż-żewġ mexxejja jridu jersqu fuq il-mejda' BIS-SUQ TAX-XOGĦOL JIDDEPENDI FUQ ĦADDIEMA BARRANIN, PARTIKOLARMENT F'SET TURI BĦALL-KOSTRUZZ JONI U L-OSPITALITÀ, KIF QED JIPPJANA L-PARTIT NAZZ JONALISTA LI JINDIRIZZA L-POPOLAZZ JONI ŻE JDA? Il-Partit Nazzjonalista jagħraf il- kontribut kruċjali tal-ħaddiema barranin fis-setturi bħall-kostruzzjoni u l-ospitalità, iżda nifhmu wkoll l-isfidi li ġġib magħha din id-dipendenza, inkluż it-tħassib dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni u l-pressjoni fuq l-infrastruttura. M'aħniex se nneħħu l-ħaddiema barranin iżda rridu noħolqu ekonomija bilanċjata u sostenibbli li tibbenefika, kemm lill-ħaddiema Maltin, kif ukoll lil dawk barranin filwaqt li tindirizza t-tħassib dwar iż-żieda fil- popolazzjoni. L-għan tagħna hu li nnaqqsu d-dipendenza fuq impjiegi ta' pagi baxxi billi nsaħħu industriji ta' valur għoli li joħolqu aktar opportunitajiet għaċ- ċittadini Maltin. Dan jinkludi investiment fit-teknoloġija u l-innovazzjoni, kif ukoll fl-edukazzjoni u t-tisħiħ tal-ħiliet, sabiex il-ħaddiema Maltin ikunu jistgħu jokkupaw rwoli f 'setturi emerġenti bħall- awtomazzjoni intelliġenti, green energy, u industriji bbażati fuq l-għarfien. Biex nindirizzaw l-isfidi tat-tkabbir fil-popolazzjoni, qed nipproponu studju nazzjonali komprensiv tal-kapaċità tal- pajjiż biex niżguraw li l-infrastruttura, l-ambjent, u s-servizzi tagħna jkunu jistgħu jappoġġjaw b'mod sostenibbli l-popolazzjoni, kemm residenti kif ukoll ħaddiema barranin. Dan jinkludi t-titjib tal-ippjanar f 'oqsma tad-djar, tat-trasport, u tas-servizzi pubbliċi, li bħalissa jinsabu taħt pressjoni minħabba l-mudell ekonomiku attwali. Aħna nemmnu fl-integrazzjoni tal-ħaddiema barranin b'mod li jaqbel mal-viżjoni fit- tul tagħna għal ekonomija ta' kwalità għolja ċentrata fuq iċ-ċittadini. Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jżomm il-benefiċċji tal-ħaddiema barranin filwaqt li nibnu ekonomija reżiljenti li tnaqqas id-dipendenza u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għar-residenti kollha ta' Malta. RAJNA BOSTA RAPPORTI TA' ĦADDIEMA BARRANIN LI QED JIĠU SFRUT TATI F'TERMINI TA' KUNDIZZ JONIJIET ĦŻIENA TAX- XOGĦOL, DEWMIEN FIL-PAGA, U ARRANĠAMENTI TA' GĦE JXIEN INFERJURI. IL-PN KIF QED JIPPJANA LI JINDIRIZZA DAWN L-ABBUŻI? Il-Partit Nazzjonalista jieħu bis- serjetà ħafna l-isfruttament tal- ħaddiema barranin. Biex jindirizza dawn l-abbużi, il-PN se jinforza regolamenti u sorveljanza aktar stretta biex jassigura li l-ħaddiema kollha, kemm Maltin, kif ukoll barranin, jiġu trattati b'dinjità u rispett. Dan jinkludi l-iżgurar ta' pagamenti f 'waqthom, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri, u arranġamenti ta' għejxien uman. Barra minn hekk, se nżidu r-riżorsi u l-kapaċità tal-uffiċjali tal-infurzar biex inaqqsu l-isfruttament. Billi nrawmu suq tax-xogħol ġust, nimmiraw li nipproteġu d-drittijiet tal- ħaddiema barranin filwaqt li ntejbu l-kwalità tal-ħajja ġenerali għar-residenti kollha. RAJNA TELF TA' TALENT, B'ĦAFNA PROFESSJONISTI ŻGĦAŻAGĦ U TA' TALENT MALTIN JITILQU GĦAL OPPORTUNITAJIET AĦJAR BARRA MINN MALTA. X'TIPPROPONI BIEX IT-TALENT MALTI JINŻAMM HAWN? Din hi r-raġuni eżatta għaliex il-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar Mudell Ekonomiku Soċjali ġdid. Iż-żgħażagħ tagħna, l-eżodu tal-imħuħ tagħna mhux qed iseħħ biss għax iż-żgħażagħ professjonali ma jkunux qed isibu impjiegi bi ħlas tajjeb f 'Malta. Ir-raġuni konvinċenti għaliex iż- żgħażagħ tagħna qed jinfirdu minn Malta hija derivata minn realtajiet oħra li ħarbtu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. L-ambjent, in-nuqqas ta' governanza, in-nuqqas ta' kundizzjonijiet ġusti, il-kwalità tal-arja, in-nuqqas ta' investiment fl-infrastruttura tagħna u ħafna aktar. Iż-żgħażagħ tagħna saru jirrealizzaw li mhux biżżejjed li taqla' salarju tajjeb u mbagħad ikollhom jgħixu fi stat daqshekk fqir fejn ir-regħba hija l-uniku ordni tal-ġurnata. Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jaħdem biex dan kollu jitreġġa' lura. Mhux tajjeb biżżejjed li jinħolqu skemi ta' rilokazzjoni għal dawn iż-żgħażagħ. Mhux tajjeb biżżejjed li jinħolqu impjiegi b'valur miżjud. Il-Partit Nazzjonalista jifhem bis-sħiħ li meta jkun fil-Gvern irid jaħdem ħafna biex joffri l-ambjent it-tajjeb fejn iż-żgħażagħ iħossu li jistgħu jgħixu ħajja normali f 'darhom. BIL-BAĠIT 2025 FIL-KANTUNIERA, TISTA' TAQSAM XI PROPOSTI SPEĊIFIĊI LI L-PARTIT NAZZ JONALI SE JRESSAQ? Il-Partit Nazzjonalista ilu joffri portafoll varjat ta' ideat, proposti biex il-Gvern iħaddanhom. Sfortunatament, ix-xenarju politiku f 'Malta huwa wieħed ta' konfrontazzjoni meta l-pajjiż għandu bżonn serjament pajsaġġ politiku mmexxi mill-kompetizzjoni. Malta tinsab f 'salib it-toroq u ż-żewġ mexxejja jridu jersqu fuq il- mejda, imexxu diskussjoni u jibnu biss fuq kunsens nazzjonali peress li Malta għandha diversi sfidi li jeħtieġu direzzjoni maqbula meta tiġi biex tindirizza sfidi nazzjonali bħad-daqs tal-popolazzjoni, it-traffiku, l-iżvilupp żejjed, l-edukazzjoni, is-saħħa u ħafna aktar. Neħtieġu l-kunsens għax fin-nuqqas tiegħu se nibqgħu ankrati f 'politika partiġġjana li tkompli toħnoq is-sens komun u l-ħsieb kreattiv tant meħtieġ. WARA LI NTALAB BIEX TINTEMM L-INVESTIGAZZ JONI DWAR IŻ-ŻGĦAŻAGĦ LI KIXFU D-DIFET T TA' CYBERSECURITY FI PJAT TAFORMA TAL-ISTUDENTI, IL-PN IPPOŻIZZ JONA LILU NNIFSU BĦALA DIFENSUR TAL-HACKERS ETIĊI. X'GARANZIJI TISTA' TOFFRI LI TAĦT AMMINISTRAZZ JONI TAL-PN, WHISTLEBLOWERS U HACKERS ETIĊI MA JAFFAĊĊJAWX INVESTIGAZZ JONIJIET SIMILI? Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat 100% li jagħmel il-bidliet leġiżlattivi u ta' politika meħtieġa biex jassiguraw li r-realtajiet diġitali tal-lum u dawk tal-futur ikunu inkorporati fil-qafas leġiżlattiv tagħna. Kun ċert li mill-oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista kien involut b'mod attiv jaħdem u jipprovdi lill-Gvern b'linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar x'għandu jsir biex a) dawn l-istudenti żgħażagħ tagħna jkunu ċċelebrati u mhux akkużati u b) biex niżguraw li 'l quddiem xejn bħal dan qatt ma jerġa' jiġri. IL-PROĠET T TA' VILLA ROSA SE JIT TRASFORMA ŻONA IMPORTANTI IŻDA SE JĦALLSU L-PREZZ L-AMBJENT U L-BENESSRI TAL-KOMUNITÀ. IL-PN KIF IĦARES LE JN L-IRWOL TAR- RESPONSABBILTÀ KORPORAT TIVA FI PROĠET TI BĦAL DAWN? L-IŻVILUPPATURI GĦANDHOM JINŻAMMU RESPONSABBLI GĦALL-IMPAT T AMBJENTALI U SOĊJALI? Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess għall-ambjent, għall-ġid u l-kwalità tal- ħajja taċ-ċittadini kollha. Fi proġetti kbar bħal dawn, wieħed għandu mhux biss jagħmel valutazzjoni tal-impatt f 'dak li għandu x'jaqsam mal-ambjent, irid ukoll ikejjel l-impatt li proġetti bħal dawn se jkollhom fuq il-forza tax-xogħol u għalhekk id-daqs tal-popolazzjoni. Dwar il-kwalità tat-turisti, qed nippruvaw naħdmu biex niżguraw li investimenti bħal dawn ikunu kummerċjalment sostenibbli u jkollhom l-infrastruttura meħtieġa biex jattiraw tali turist. Huwa inutli li tkun f 'akkomodazzjoni ta' 5 stilel bi nħawi pubbliċi li huma substandard. Il-fatt li l-Gvern Laburista, f 'dan il- każ, ippropona bidliet fil-Pjan Lokali taż-żona b'sempliċi deċiżjoni mill- Kabinett u mingħajr ma jikkonsulta, la l-Oppożizzjoni u lanqas il-kunsilli lokali, ir-residenti u l-istakeholders, huwa xhieda ta' governanza ħażina. Il- Gvern irid jikkonsulta u jkun trasparenti dwar il-bidliet li qed jipproponi u kull deċiżjoni dwar dan is-sit trid tittieħed b'konsultazzjoni sħiħa mal- istakeholders. Ninsistu wkoll li huwa inaċċettabbli li tiġi emendata biss parti minn Pjan Lokali. Il-Pjan Lokali kollu jrid jiġi rivedut b'mod ħolistiku wara li jsiru l-istudji meħtieġa. U l-PN itenni wkoll li għandu jkun hemm reviżjoni sħiħa tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex, aktar milli framment, biex dawn jindirizzaw ir-realtajiet tal- lum u jindirizzaw anomaliji li ilhom snin injorati. Il-PN talab formalment laqgħa urġenti tal-Kumitat Parlamentari tal- Ambjent biex jiddiskuti dawn it-tibdiliet u talab biex il-Ministru tal-Ippjanar jidher quddiem il-Kumitat biex jagħti spjegazzjoni dettaljata. Madankollu l-Oppożizzjoni ġiet infurmata li rulings antiki mill-Ispeaker qed ifixklu lill- Kumitat milli jagħmel din id-diskussjoni. Membri Parlamentari tal-Gvern fil- Kumitat irrifjutaw ukoll li jgħidu jekk jaqblux li ssir din il-laqgħa urġenti. Minflok ma jkun trasparenti dwar din il-materja, il-Ministru tal-Ippjanar qed ikompli jinħeba wara l-Awtorità tal- Ippjanar biex jevita li jagħti spjegazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, però, din mhix dwar Villa Rosa biss. Dan huwa dwar ATTITUDNI u IMPENN. Dan huwa r-riżultat ta' approċċ bla struttura li huwa mmexxi biss minn mentalità li tidher tgħix fil-kaos. Il-PN se jkompli jinsisti li kull tibdil propost fil-Pjanijiet Lokali għandu jipproteġi ġenwinament l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. "Iż-żgħażagħ tagħna saru jirrealizzaw li mhux biżżejjed li taqla' salarju tajjeb u mbagħad ikollhom jgħixu fi stat daqshekk fqir fejn ir-regħba hija l-uniku ordni tal- ġurnata"