Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1528841
intervista illum • IL-ĦADD 3 TA' NOVEMBRU 2024 07 'Il-Partit Nazzjonalista determinat li jsolvi l-problemi li ħoloq il-Gvern' MARIANNA CALLEJA Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech hu mistenni jindirizza l-Kamra għada waranofsinhar, bid-diskors tiegħu rigward il-baġit għas-sena li ġejja. Iżda fl- aħħar ġimgħa rajna kritika qawwija diġà mill-Partit Nazzjonalista, speċjalment dik marbuta mat-tema stess tal-baġit, "Kwalità mhux kwantità." Dan il-ġurnal tkellem mal-Kelliem tal- Oppożizzjoni għall-Ekonomija, Jerome Caruana Cilia, li mal-ILLUM spjega aħjar il-pożizzjoni tal-PN imma wkoll l-ewwel ħsibijiet tiegħu wara li tkellem man-nies. Il-Partit Nazzjonalista ħareġ mal-ewwel bi kritika fuq il-baġit. X'seta' kien aħjar? Minkejja li fil-ġimgħat ta' qabel il-baġit, il-Gvern għolla kemm felaħ l-aspettattivi tal-familji, il-ħaddiema u tas-sidien tan-negozji, dan l-eżerċizzju reġa' kien diżappunt kbir. Stennejna soluzzjonijiet fuq l-għoli tal-ħajja, it-traffiku, l-istennija esaġerata fl-isptarijiet kawża tal-over population mingħajr ippjanar, in-nuqqas ta' spazji miuħa, u l-problemi infrastrutturali li qed iwasslu għal qtugħ ta' dawl u sfidi oħra. Quddiem dan kollu, ebda tweġiba. Dejjem inkun ġust u iva nirrikonoxxi li dan il-baġit fih inizjattivi tajbin, speċjalment meta wħud minnhom, kemm il-Partit Nazzjonalista, u kemm l-imsieħba soċjali, ilna xhur u snin nitkellmu dwarhom, però għal darb'oħra baġit li naqas milli jindirizza l-akbar problemi tal-pajjiż. Din kienet ir-reazzjoni mhux biss tal-Oppożizzjoni iżda ta' numru ta' stakeholders ewlenin, li kienu skjetti fl- istqarrijiet tagħhom u ddikjaraw il-baġit bħala wieħed bla direzzjoni, bla viżjoni fit- tul. PARTI MILL-KRITIKA KIENET FUQ L-ISLOGAN STESS, 'KWALITÀ MHUX KWANTITÀ'. X'TIKKUMMENTA DWAR DAN? L-islogan biss diġà jagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista. Għamilna snin ngħidu lill- Gvern Laburista li miexi fid-direzzjoni l-ħażina. Kulħadd jaf li qed jibbażaw it-tkabbir ekonomiku fuq il-kwantità biss mingħajr kwalità. Il-Gvern addotta politika ekonomika mhux sostenibbli. Aħna, il-korpi kostitwiti, l-esperti, iċ- ċittadini, u saħansitra esponenti Laburisti, ma waqafniex nitkellmu u ninsistu li qed ikissru l-kwalità tal-ħajja tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Kemm-il darba esponenti tal-Gvern, inkluż ċerti Ministri, li injorawna, drabi oħra kien hemm minn ipprova jirredikolana, u drabi oħra anke kellmuna b'arroganza. Tassew ħasra għaliex il-poplu jibqa' jbati minħabba n-nuqqas ta' viżjoni tal-Gvern Laburista u l-arroganza li biha jmexxu ċerti membri tal-kabinett. Kwalità u mhux kwantità enfasizza l-Ministru għall-Finanzi. Inti li kuljum tkun iġġammjat fit-traffiku, jekk hux filgħodu meta tkun sejjer għax- xogħol, jekk hux wara x-xogħol jew inti u sejjer tagħmel xi qadja. Inti li qed titlef balla ħin għalik personali, ħin minn mal- familja, minn mat-tfal tiegħek minħabba l-problema tat-traffiku. X'daqqa ta' ħarta kbira għall-kwalità tal-ħajja. Wasal dan il-baġit u ma tara xejn soluzzjonijiet fil- konkret. Fix-xhur li ġejjin din il-problema se tkompli tikber u tiggrava. Kwalità u mhux kwantità enfasizza l-Ministru għall-Finanzi. Kwalità għal min jagħmel 10, 12 jew 14-il siegħa jistenna biex jinqeda l-isptar? Għal min jagħmel xhur u snin jistenna għall-operazzjoni? Dan kollu għaliex il-Gvern ma ppjanax. Gvern li ma investiex biżżejjed f 'dan il-qasam. Kwalità u mhux kwantità enfasizza l-Ministru għall-Finanzi. Għal dawk kollha li jinsabu f 'morsa minħabba ċ-cheap labour? Kwalità u mhux kwantità enfasizza l-Ministru għall-Finanzi. Żgur mhux fil- qasam ambjentali li matul l-aħħar snin il-Gvern assolutament ma tax kasu. Baġit ieħor mingħajr soluzzjonijiet. Kwalità u mhux kwantità enfasizza l-Ministru għall-Finanzi. Xi ngħidu għad- dewmien esaġerat fil-qasam tal-ġustizzja? Kemm qed ibatu familji u persuni minħabba dan. Baġit ieħor mingħajr soluzzjonijiet. Gvern bla pjan u li ma investiex biżżejjed. Kwalità u mhux kwantità enfasizza l-Ministru għall-Finanzi. Żgur mhux għas- self-employed u s-sidien tan-negozji żgħar u medji li ġew injorati kompletament f 'dan il-baġit. Kwalità u mhux kwantità enfasizza l-Ministru għall-Finanzi. Bil-propoganda u l-islogans mhux se ssolvi l-problema. Baġit li ma joffrix it-tama. Baġit ieħor li ma joffrix viżjoni fit-tul u għal darb'oħra baġit li ma joffrix direzzjoni ta' fejn se nieħdu dan il-pajjiż. IL-GVERN JENFASIZZA TNAQQIS FIL-PROPORZJON TAD-DEJN MAL- PGD, IŻDA L-INFIQ PUBBLIKU ĠIE SKRUTINIZZAT. AMMINISTRAZZJONI MMEXXIJA MILL-PN KIF TISTA' TINDIRIZZA L-ĠESTJONI TAD-DEJN B'MOD DIFFERENTI? Li hu żgur hu li l-Ministru għall-Finanzi qalilna li sal-aħħar ta' din is-sena d-dejn tal- pajjiż se jaqbeż il-€11-il-biljun. Dan ifisser li għal darb'oħra, id-dejn tal-pajjiż matul din is-sena se jkun żdied b'madwar biljun ewro. Skont it-tbassir tal-Ministru għall- Finanzi, għas-sena d-dieħla, id-dejn se jiżdied bi it inqas minn biljun ewro ieħor għal madwar 12-il biljun ewro. Għas-sena ta' wara l-Gvern Laburista se jibqa' jiddejjen u jiddejjen. Infakkru wkoll li fejn jidħol id- defiċit tal-pajjiż il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Clyde Caruana poġġew lil Malta f 'Excessive Deficit Procedure u hekk se nibqgħu s-sena d-dieħla wkoll, skont l-istess previżjonijiet tal-Ministru. Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li qagħda finanzjarja stabbli hi prekursur għall-iktar investiment. Il-Partit Nazzjonalista jibqa' jinsisti li dan id-dejn kollu hu mażżra ma' wliedna u wlied uliedna. Ħasra li l-flus tal- poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ u li l-kultura tal-"ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer" qed titħallas minn flus il-poplu. Hu anke għalhekk li, minbarra li hu etiku u moralment ġust, Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jiġi lura. Li pajjiżna għandu bżonn bidla mhux qed ngħiduh aħna biss. Jekk tara dak li qalu bosta msieħba soċjali jikkonferma dak li ilu jisħaq dwaru l-Partit Nazzjonalista. Barra minn hekk, stħarriġ wieħed wara ieħor juri li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ċara. Skont stħarriġ tal-gazzetta MaltaToday madwar 70% tal-popolazzjoni tgħid li l-pajjiż, u allura l-Gvern, miexi f 'direzzjoni ħażina. Skont l-SME Barometer, li ħareġ din il-ġimgħa stess, 80% tas-sidien tan- negozji qed jgħidu li mexjin f 'direzzjoni ħażina. Dan l-istħarriġ jidħol kexxun ma' ieħor li sar aktar kmieni dan ix-xahar, din id-darba mal-investituri l-kbar f 'pajjiżna, li esprimew tnaqqis fir-rieda tagħhom li jinvestu aktar hawn Malta. Il-poplu Malti u Għawdxi kollu stenna li dan il-baġit, minbarra li joffri soluzzjonijiet għall-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom ta' kuljum, joffri viżjoni ekonomika fit-tul, direzzjoni ta' fejn se nieħdu dan il-pajjiż, 'il fejn irridu mmorru. Tassew ħasra li għadda baġit ieħor u l-Gvern tilef din l-opportunità. X'KONT TAGĦMEL DIFFERENTI? Is-sena l-oħra ressaqt numru ta' mistoqsijiet li qed jagħmlu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin u li stennew li l-Gvern jagħti s-soluzzjoni. Din is-sena qed nerġa' nressaq l-istess mistoqsijiet għax minkejja l-propaganda kollha, minkejja l-ħafna pjanijiet, masterplans u dokumenti li jsemmi l-Gvern meta jkun dahru mal- ħajt, in-nies baqgħu bla risposti ċari. Nerġa' nistaqsi f 'isem iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin: X'tip ta' value added jobs għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema Maltin se jkunu qed jinħolqu? X'tip ta' setturi li jħallsu pagi tajbin u mhux cheap labour se jkunu qed jinħolqu? Fuq kollox, x'viżjoni soċjo-ekonomika se jkun qed joħloq għaż- żgħażagħ tagħna biex jgħixu kwalità ta' ħajja aħjar? Fl-għeluq tal-baġit, il-Ministru Caruana qal waħda tajba. Il-futur ta' għada jitlob riċetta differenti minn tal-passat. Iva naqblu miegħu, il-Gvern li ħoloq dawn il-problemi ma jistax ikun hu li jsolvihom. Illum hi ċara għal kulħadd. Hawn bżonn tal-bidla. Jeħtieg mudell soċjo-ekonomiku sostenibbli. Mudell ekonomiku li jgħolli kwalità tal-ħajja. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed hawn. Qegħdin hawn għax noffru tama, noffru fiduċja li mhix ibbażata fuq kliem fieragħ iżda fuq pjan li qed nibnu bl-akbar djalogu possibbli, fejn diġà tkellimna fil-beraħ dwar għadd ta' proposti li jistgħu jagħmlu differenza minn issa. Għada l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech se jkompli jispjega l-viżjoni tagħna u joffri soluzzjonijiet. Il-Partit Nazzjonalista determinat li jsolvi l-problemi li ħoloq il-Gvern. Irridu naħdmu flimkien biex ngħollu l-livelli ta' produttività, billi noħolqu xogħol ta' kwalità b'pagi li jrendu. Se niffukaw li ninvestu biex ikollna kwalità ta' ħajja aħjar. It-tama u l-kuraġġ tagħna ġejjin minn twemminna fil-ħiliet tal-poplu Malti u Għawdxi, li meta jiġu mismugħa u jkollhom direzzjoni, jagħmlu suċċess għalihom u għal pajjiżna. Bil-fiduċja tan- nies, il-Partit Nazzjonalista jkun Gvern li jwettaq. "Kwalità u mhux kwantità enfasizza l-Ministru għall- Finanzi. Kwalità għal min jagħmel 10, 12 jew 14-il siegħa jistenna biex jinqeda l-isptar? Għal min jagħmel xhur u snin jistenna għall- operazzjoni? Dan kollu għaliex il-Gvern ma ppjanax. Gvern li ma investiex biżżejjed f 'dan il-qasam."