Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1529457
08 aħbarijiet IL-ĦADD 17 TA' NOVEMBRU 2024 • illum aħbarijiet Iwaddab l-awrina, isawwat u jistrupra lil martu għax ma riditx torqod miegħu Il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, tisma' l-każ ta' terrur fejn raġel qed ikun mixli li sawwat, strupra u hedded lil martu, filwaqt li xerred filmati privati tagħha ma' sħabu. JORDAN PACE Il-Qorti Kriminali semgħet kif raġel, aggredixxa u stupra lil martu matul ir-relazzjoni sal- 2020. L-akkużat u l-mara tiegħu kellhom relazzjoni deskritta bħala "abbużiva" li damet madwar 24 sena u li matulha kellhom tlett itfal. Minkejja li r-relazzjoni tagħhom intemmet fl-2020, ċerti inċidenti abbużivi, inkluż argumenti verbali u vjolenti, aggravaw. Il-prosekuzzjoni ddeskriviet kif l-akkużat akkuża l-vittma b'infedeltà minħabba "azzjonijiet insinifikanti," eżempju meta nnota li għamlet like fuq ritratt ta' raġel ieħor fuq Facebook. L-aġir tal-akkużat eskala meta aggredieha fiżikament u stupraha kontra r-rieda tagħha. Il-vittma stqarret li inċidenti bħal dawn ma kinux iżolati, hekk kif spiss ġegħelha tagħmel numru ta' affarijiet tul ir-relazzjoni tagħhom, partikolarment meta kien fis-sakra. Il-vittma rrakkuntat abbuż psikoloġiku li "deher li ma ried jieqaf qatt," theddid, u vjolenza fiżika mill-akkużat. Dan kien jinkludi theddid ta' ħsara lilha jew lill-propjetà tagħha. Hija rrappurtat li l-akkużat immanipula sitwazzjonijiet kemm-il darba biex jaħbi l-verità, u jpinġiha bħala mentalment instabbli. Irrakkonta li eżempju ta' dan kien meta wara li stupraha u kkawżalha ċerti ġrieħi, kien wassalha lura d-dar u qal li l-ġrieħi tagħha kienu minħabba logħob goff fil-baħar. Huwa qed jiġi mixli wkoll illi qassam filmati intimi tal-vittma fuq il-midja soċjali mingħajr il- kunsens tagħha. Dan ikkawża tbatija emozzjonali sinifikanti, speċjalment peress li l-filmati kienu rawhom diversi nies, inklużi t-tfal tal-koppja. F'waħda mid-drabi li l-akkużat kien itturmenta l-vittma, hu kien waqqgħalha barmil mimli bl- awrina tiegħu stess mal-art. Il- barmil, li kien iżomm fil-kamra tas- sodda, kien waddabhulha propju dakinhar meta t-tifla tagħhom kellha l-anniversarju ta' meta ħalliet din id-dinja. Il-Qorti semgħet kif dan seħħ "minħabba li l-vittma baqgħet tirriuta l-avvanzi sesswali tiegħu." Il-Qorti, ippreseduta mill- Imħallef Consuelo Scerri Herrera eżaminat l-ammissibbiltà tal-provi, inkluż xhieda mit-tfal tal-koppja u xhieda oħra. Id-difiża tal-akkużat qajmet eċċezzjonijiet fir-rigward ta' ċerti testimonjanzi, argumentat is-smigħ u l-irrelevanza. Madankollu, il-Qorti ċaħdet dawn l-oġġezzjonijiet, u ddeterminat li l-evidenza ppreżentata kienet aċċettabbli u għaldaqstant ordnat li l-proċess ġudizzjarju fuq dan il-każ għandu jipproċedi. Din il-kawża għadha għaddejja.