MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 1 December 2024

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1530037

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 15

intervista illum • IL-ĦADD 1 TA' DIĊEMBRU 2024 07 Robert Abela jkompli jiddefendi din l-imġiba u jiskuża iżjed ikompli jrawwem din il-kulturà ta' impunità' qed jitħanżer kulħadd. L-istess kif skuża minn kull responsabbiltà politika lill-Ministru Byron Camilleri, li d-dekasteru tiegħu hu mifni rackets u każi ta' frodi, lill-Ministru Roderick Galdes, responsabbli tal-frodi elettorali fis-Siġġiewi, u lill-Ministru Michael Falzon, li l-Bordijiet maħtura minnu huma responsabbli tal-frodi organizzat fil-benefiċċji soċjali. Iktar ma jkompli jiddefendi din l-imġiba u jiskuża dan l-aġir, iżjed ikompli jrawwem din il-kultura. U finalment mhux il-PN imma l-poplu se jispiċċa jżommu responsabbli ta' dan it-tnawwir li hu qed jibqa' jbierek. MINĦABBA N-NUQQASIJIET EVIDENTI FL-ISTANDARDS TA' ETIKA, IL-PN GĦANDU PJAN BIEX JERĠA' JIBNI L-FIDUĊJA FL- ISTITUZZJONIJIET PUBBLIĊI, U FIL- POLITIĊI? Il-Partit Nazzjonalista ilu li rrealizza li dan il-Gvern kien ħa jwassal għall-kollass tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-politiċi sa mill-2015, meta f 'Diċembru tal- istess sena konna ppubblikajna d-dokument "Nibnu fiduċja ġdida fil-politika", li kien jinkludi l-pjan tagħna propju biex nerġgħu nibdew nibnu din il-fiduċja. F'Diċembru 2019, fl-eqqel tal-kriżi li waqqgħet il-Gvern ta' Joseph Muscat, il- Partit Nazzjonalista kompla jsawwar dan il-pjan bid-dokument "Governanza Tajba għal Demokrazija b'Saħħitha". Dan il-pjan jinkludi, fost affarijiet oħra: - li l-partiti politiċi jiġu ffinanzjati mill- Istat, u li idealment jitwaqqfu għal kollox id- donazzjonijiet lill-Partiti; - li Membri Parlamentari jkunu pprojbiti milli jservu fuq Bordijiet u Awtoritajiet tal- Gvern; - li jkollna Membri Parlamentari full- time u li jkollhom l-assistenza u r-riżorsi meħtieġa biex jaħdmu; - li jiġi aġġornat il-kodiċi ta' etika u l-istess kodiċi jiġi wkoll infurzat fuq il-membri tas-segretarjati tal-Ministri u Segretarji Parlamentari; - li jerġa' jkun hemm limitu fuq in- numru ta' positions-of-trust, u li kull waħda minnhom tkun ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern bir-remunerazzjoni effettiva ta' kull wieħed; - li nbiddlu s-sistema biex l-Avukat Ġenerali, u ċ-Chairpersons ta' Awtoritajiet Kostituzzjonali, bħall-Awtorità tax-Xandir u l-Kummissjoni Elettorali, ikunu maħtura b'żewġ terzi tal-Parlament; - li ndaħħlu struttura biex ir- rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju għall- Istandards jiġu kkunsidrati u implimentati mill-Gvern fi żmien determinat, u jekk ma jiġux milqugħa tingħata ġustifikazzjoni bil- miktub lill-Parlament; - li fil-Parlament, indaħħlu sessjoni ta' kull ġimgħa għall-Ħin tal-Mistoqsijiet lill-Prim Ministru; - li nirriformaw ix-xandir pubbliku biex ikun tassew awtonomu u bbilanċjat; - li nsaħħu l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni billi tingħata l-poter li tinvestiga kull każ u li tmexxi fuqu fil-Qrati. IL-GVERN LABURISTA ĠIE AKKUŻAT KEMM-IL DARBA LI QED IĦARES LILL-MINISTRI MINN SKRUTINJU POLITIKU. IL-PN KIF SE JASSIGURA TRASPARENZA SĦIĦA F'KAŻIJIET TA' MĠIBA MINISTERJALI ĦAŻINA TAĦT AMMINISTRAZZJONI TIEGĦU? Dan nistgħu nagħmluh billi nwettqu dawn ir-riformi politiċi u istituzzjonali li semmejtlek, u flimkien magħhom nibdew diskussjoni fuq rimunerazzjoni ġusta u xierqa għall-politiċi sabiex nesiġu l-ogħla standards ta' mġiba mir-rappreżentanti tal- poplu u l-qaddejja tal-Istat. U l-iktar ħaġa fundamentali hi li naraw li l-pulizija jkunu fil-libertà li jaġixxu u jinvestigaw kull fejn ikollhom suspett u jressqu kull fejn isibu l-ħażin. Ikun min ikun. IL-PUBBLIKU JIDHER GĦEJA BL- ISKANDLI POLITIĊI. IL-PN KIF SE JASSIGURA LI S-SEJĦIET GĦALL- AZZJONI MILL-PARTIT MA JITQISUX BĦALA KISBA TA' PUNTEĠĠ POLITIKU IŻDA BĦALA INIZJATTIVI ĠENWINI TA' RIFORMA? FL-ISTESS WAQT, ĠALADARBA MA JAQAX IL-GVERN, BAQA' TLIET SNIN GĦALL-ELEZZJONI ĠENERALI. KIF QED TIPPJANAW LI ŻŻOMMU L-MOMENTUM? L-ewwel nett irridu nfakkru li għandna l-kredenzjali kollha li nitkellmu b'dan il-mod. Kien hemm kemm kien hemm nuqqasijiet minn Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat, qatt ma kien hawn il-livell ta' korruzzjoni u tħanżir istituzzjonalizzat li għexna f 'dawn is- snin. Qatt. U l-iżjed ħaġa fundamentali hi li anke meta kien hemm imġiba ħażina, dejjem ittieħdet azzjoni u l-Kummissarju tal- Pulizija tħalla jaħdem u jinvestiga b'mod liberu; b'differenza kbira minn dak li rajna f 'dawn l-aħħar 11-il sena. Però mhux se nieqfu hemm. Irridu nkunu wkoll aħjar minn dak li kien il-Partit Nazzjonalista fil-passat. U llum il-Partit Nazzjonalista għandu ġenerazzjoni ġdida ta' politiċi, li minkejja li aħna ġodda għall- Parlament għandna issa livell ta' esperjenza, kemm fil-politika lokali u anke f 'dik nazzjonali. U ma' dik l-esperjenza għandna l-ħeġġa u l-enerġija li nbiddlu l-mentalità u l-kultura biex il-Malta li nħallu lil ta' warajna tkun aħjar minn dik li għexna fiha aħna. U dan lesti nagħmluh, tiġi meta tiġi l-elezzjoni. Id-data ma tiddependix minna, li jiddependi minna hu li nkunu preparati biex immexxu dan il-pajjiż fi triq differenti. U hekk qed nagħmlu. INT IKKRITIKAT IN-NUQQAS TA' INFURZAR MILL-AWTORITAJIET TAT- TRASPORT. X'JAGĦMEL DIFFERENTI GVERN NAZZJONALISTA BIEX JASSIGURA LI DAWN L-ENTITAJIET MA JKUNUX BISS GĦASSIESA IŻDA UFFIĊJALI TA' INFURZAR EFFETTIV? Naraw li l-awtoritajiet regolatorji, u mhux dawk tat-trasport biss, ikunu tassew imħaddma min-nies kompetenti u tal- affari tagħhom, li l-ewwel lealtà tagħhom ma tkunx lejn il-Gvern jew lejn xi partit, imma lejn ir-rwol li jkunu qed jokkupaw. Sfortunatament illum il-kriterji biex tieħu promozzjoni u timxi 'l quddiem mhuwiex kemm int tajjeb f 'xogħlok, kemm għandek esperjenza, jew il-kwalifiċi, imma kemm int qrib tal-Ministru. Qal il-Kap tas-Segretarjat tal-Eks Ministru Bartolo stess, li iżjed iħarsu lejn "l-ideoloġija" milli lejn il-kwalifiċi. Dan wassal biex in-nies li vera jridu jagħmlu xogħolhom sew jitwarrbu, jew jitilqu għax ma jkunux jifilħu jaraw l-affarijiet isiru b'mod mgħawweġ. Din it-tip ta' kultura rridu nibdluha b'mod radikali. F'DISKORS FIL-PARLAMENT INTI GĦEDT LI S-SETTUR TAL-Y PLATES, MINKEJJA LI MIMLI PROBLEMI, JISTA' JKUN IL-FUTUR TAL-PAJJIŻ. TISTA' TISPJEGA AĦJAR X'TAĦSEB LI WASSAL BIEX DAN IS-SETTUR IKUN DAQSEKK IKKRITIKAT? U X'GĦANDU JSIR BIEX JOPERA AĦJAR? Meta saret ir-riforma tal-Public Service Garage, lura fl-2020, filwaqt li kellha affarijiet tajbin, neħħiet ukoll ħafna mir-rekwiżiti li wieħed kien ikollu bżonn meta japplika għal permess ta' operatur ġdid. Pereżempju fejn jidħol il-garaxx jew spazju fejn dan kien ħa jipparkja l-vetturi, l-Awtorità bdiet toqgħod biss fuq id-dikjarazzjoni tal-applikant, mingħajr ebda forma ta' verifika. Dan wassal biex f 'erba' snin, dan is-settur infaqa', u minn 2,421 LY-plate fl-aħħar tal-2019 tlajna llum għal aktar minn 5,100. Iżjed mid-doppju! Dan ta lok għal ħafna abbuż u daħlu ħafna operaturi li mhux dejjem kellhom l-aħjar intenzjonijiet. L-ewwel ħaġa li għandha ssir huwa li titneħħa l-inċertezza minn fuq l-operaturi ż-żgħar li qed isibu l-kriterji u l-policies jinbidlu kull it xhur, u ġew f 'pożizzjoni fejn lanqas jafu kif għandhom jirregolaw ruħhom. It-tieni, irridu ndaħħlu miżuri, standards u regoli li jwasslu biex dan is-suq jopera b'mod nadif u sostenibbli. Fost l-oħrajn, il-pjattaformi li jipprovdu dan is-servizz għandhom ikunu obbligati jxerrdu d-data real-time tagħhom mal- awtoritajiet regolatorji – mal-Pulizija, ma' Transport Malta, mal-LESA ... – kif jiġri f 'ħafna pajjiżi oħra. Din twassal biex jinqatgħu ħafna mill-abbużi. Daqshekk ikollok xufiera li jaħdmulek sigħat esaġerati, li tfisser ukoll aktar serħan il-moħħ u sigurtà għall- passiġġier. Jinqata' ċertu sfruttament ta' ħaddiema. U ovvjament ikun ħafna iżjed faċli li jiġu mrażżna abbużi ta' evażjoni ta' taxxa, prekarjat, u anke ħasil ta' flus. IL-FLYOVER TAL-IMSIDA SPIĊĊAT F'KONTROVERSJA IKTAR MINN DARBA, BIL-KUNSILL LOKALI TAL- IMSIDA U R-RESIDENTI STESS JGĦIDU LI MA JRIDUHIEX. PARTIT NAZZJONALISTA FIL-GVERN, X'JAGĦMEL BIL-PROĠETT? JEKK ELETT FI FTIT SNIN, META X-XOGĦOL IKUN DIĠÀ BEDA, X'JAGĦMEL? Jiddependi mill-istadju li jkun wasal fih il- proġett. Li hu żgur li l-Partit Nazzjonalista jrid li joħroġ it-traffiku miċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula, u jsaħħaħ sistemi alternattivi ta' transport biex nevitaw il-bżonn ta' dawn it-tip ta' proġetti. Dan mhux qed ngħiduh aħna biss, dan tgħidu l-istess Strateġija Nazzjonali tal-Gvern li tħares sas-sena 2050 u li tgħid li "aktar toroq, flyovers … minflok ma jiġu investiti l-flus fi trasport pubbliku jew infrastruttura għal mezzi ta' transport mhux motorizzat … iwasslu biex minflok ma tissolva l-problema, dan it-tip ta' żvilupp ta' infrastruttura ffukata fuq il- karozzi jiggravaha … iżid il-konġestjoni, inaqqas l-affidabilità u l-puntwalità tas- servizz tal-linja." Minkejja li l-istrateġija tiegħu tgħid hekk, il-Gvern għadu jagħmel bil-kontra. IL-PROBLEMA TAT-TRAFFIKU FIT-TOROQ HIJA L-AMMONT TA' KAROZZI FUQHOM. GĦALKEMM IL-GVERN DIN JIBŻA' JAMMETTIHA, IL-KULTURA TAL-KAROZZI DAĦLET WISQ FIR-RESIDENTI. IMMA GVERN NAZZJONALISTA, X'JAGĦMEL BIEX INAQQAS IL-KAROZZI? X'SE JAGĦMEL BIEX IBIDDEL IL-KULTURA GĦAL DIK AKTAR SOSTENIBBLI, U JRAWWEM SOĊJETÀ LI TUŻA TRASPORT ALTERNATTIV? KIF GVERN NAZZJONALISTA JIPPRIJORITIZZA TRASPORT ALTERNATTIV, BĦAL TAL-LINJA, ROTI, U FORSI ANKE TRASPORT FUQ IL-BAĦAR? L-ewwel nett irridu nipprovdu alternattiva għall-karozzi. Inutli nħeġġu lin-nies ma jużawhomx jekk ħafna m'għandhomx alternattiva reali u effiċjenti oħra. Allura hemm bżonn urġenti li nibdew nimplimentaw sistema ta' trasport tal- massa, li tkun kumplimentata minn servizz ta' trasport pubbliku mtejjeb. L-alternattivi l-oħra għall-karozza jrid ikollhom infrastruttura f 'postha u li tagħmilha sigura li tużahom. Ħafna nies ma jużawx ir-rota jew mutur, għax it-toroq tagħna mhux siguri għalihom. L-istess għat- trasport tal-baħar, semmejna ideat anke qabel l-elezzjoni tal-2022 li għadhom fil- pjan tagħna. Mal-infrastruttura, irid jiżdied l-infurzar biex jinqata' s-sewqan bl-addoċċ u traskurat. U ma' dawn irrid insemmi wkoll il- kampanji ta' edukazzjoni fuq kif wieħed juża t-triq, li sfortunatament spiċċaw għalkollox. Ġaladarba jkollok l-alternattivi, wieħed jista' jdaħħal imbagħad numru ta' inċentivi biex wieħed ma jużax il-karozza. Ħlas ta' liċenzja mraħħas għal min juża l-karozzi inqas mili, għotja lil min ineħħi l-vettura u jintrabat li ma jdaħħalx oħra għal numru ta' snin, grants għal min jaqleb minn vettura għal mutur, inċentivi għar-remote working, huma kollha inċentivi li jistgħu jinkuraġġixxu lin-nies jitilqu l-karozza u jużaw modi oħra ta' vvjaġġar.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 1 December 2024