Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1533341
intervista illum • IL-ĦADD 16 TA' MARZU 2025 07 'Mhux se naċċetta li jkollna liġijiet fuq il-karta biss li mbagħad il-Gvern iħalli fuq l-ixkaffa' MARIANNA CALLEJA IL-PETIZZJONI TIEGĦEK DWAR IT-TNIĠĠIS MILL-ISTORBJU ĠIET AĊĊETTATA MILL-PARLAMENT EWROPEW, IŻDA X'BIDLIET KONKRETI JISTGĦU QED JISTENNEW IR-RESIDENTI, U META? Mill-petizzjoni u r-risposti tal- Kummissjoni ħareġ ċar li Malta mhux tapplika sewwa d-Direttiva Ewropea dwar noise pollution. Bhala MEP għal Malta u Għawdex mhux se naċċetta li jkollna liġijiet fuq il-karta biss li mbagħad il-Gvern iħalli fuq l-ixkaffa. Irrid nara li d-drittijiet li ħadna meta sirna ċittadini Ewropej ingawduhom fil-prattika. Għalhekk se nibqa' nimbotta sakemm nara bidla konkreta. Nemmen li l-awtoritajiet iridu jieħdu kont tal-pressjoni tagħna. Jekk le, ikun dover tagħna li nbiddlu l-awtoritajiet jew min imexxihom. INTI IKKRITIKAJT L-IMMANIĠĠJAR MINN MALTA TAL-FONDI TAL-UE, PARTIKOLARMENT DWAR L-ILMA GĦALL-BDIEWA. KIEKU L-PN KIEN FIL-POTER, X'JAGĦMEL EŻATTAMENT DIFFERENTI? Fuq il-fondi qed naraw tmexxija pessma għax mhux ninvestu fejn verament hemm bżonn biex nassiguraw li nsostnu s-settur agrikolu u nħeġġu bdiewa ġodda jidħlu għal dan in-negozju tant importanti għall- familji tagħna u għal pajjiżna. Infaqna miljuni f 'fondi għall-irziezet iżda m'għamilna xejn biex nieħdu ħsieb is-suq tal-ġbejna u s-suq tal-ħalib frisk. Mhux talli hekk, talli r-raħħala jinsabu dejjem aktar f 'inċertezza fuq il-futur tagħhom. Dan x'għaqal ikun? Kif infaqna f 'infrastruttura tal-produzzjoni u ma tajna kas xejn tas- suq? Eżempju ieħor – f 'Malta għandna madwar tmien irziezet tal-faqqiegħ – dawn għandhom bżonn il-ħamrija apposta għall- faqqiegħ – din tiġi mill-Olanda u issa qed iħallsu eluf kbar extra tat-trasport. Infaqna miljuni fuq irziezet iżda ħadd ma ppjana li ninvestu fuq impjant li jipproduċi l-ħamrija bżonjuża għall-faqqiegħ. L-istess jista' jingħad għall-produzzjoni tal-laħam u ta' diversi prodotti oħra ta' ħaxix u frott. Bħalissa qed naraw biss sa mneħirna. Tletin sen'ilu kien hemm aktar viżjoni strateġika għall-biedja milli hemm illum. Din hija ħasra għax jekk ifalli l-bidwi jkollna anqas rasna mistrieħa li nieklu. Din hemm bżonn tkun ċara fil-politika tagħna – il-politika agrikola hija l-politika tal-ikel – ta' jekk ikollniex nieklu jekk ikun hemm kriżi madwarna. Jien qed nagħti sehmi biex bi Gvern ġdid magħmul mill-PN, il-prodott Malti kollu jkollu rwol ċentrali u rispett u promozzjoni fid-deċiżjonijiet kollha tal-Gvern. DWAR ID-DIFIŻA TAL-UE, INTI SFIDAJT LIL ROBERT ABELA BIEX JIPPUBBLIKA PROVA LI ĠAB GARANZIJI OĦRA GĦAN- NEWTRALITÀ TA' MALTA. TISTA' TISPJEGA AĦJAR IT-TEXT X'JGĦID DWAR IL-KONTRIBUT JEW IS-SEHEM TA' MALTA FIL-PJAN? TISTA' TISPJEGA WKOLL "X'INHI L-VERITÀ", LA DARBA ROBERT ABELA, SKONT INTI, MHUX JGĦID IS-SEWWA? La Robert Abela u lanqas ħadd ma jista' jagħti garanzija li dak li kkonkluda l-Kunsill Ewropew fil-programm 'rearmEU' mhux se jkollu impatt fuq il-finanzi ta' Malta. Dan sempliċement għax il-ehim ma ta l-ebda spjegazzjoni kif se jinġabru l-flejjes għal 800 biljun f 'investiment f 'armi. Jiena nista' nappoġġa fil-prinċipju deċiżjoni tal- gvern li jieħu sehem fil-Kunsill Ewropew fil-kuntest tal-politika tad-difiża Ewropea li aħna ffirmajna bħala pajjiż bil-qbil taż- żewġ partiti, però Robert Abela jkun qed jigdeb u jqarraq jekk jgħid li dak li jgħid il- Kunsill m'għandux impatt fuq Malta. Bħala MEP tajt kelma lin-nies li ngħidlhom il-verità, allura jekk nara l-Prim Minsitru jigdeb se niqaflu u nispjega fejn qed jigdeb. Fid-difiża għandna bżonn diskussjoni matura u serja fuq livell nazzjonali. Huwa ridikolu li suġġett tant vitali f 'dan il-mument jispiċċa suġġett tal-battibekki fuq Facebook. Din ma niflaħhiex. Nappella għas-serjetà fuq dan is-suġġett. Qed naraw Ewropa li fl-aħħar it snin ħadet vokazzjoni dominanti ta' difiża u kulma jmur, bl-appoġġ ta' Abela stess li qatt ma uża l-veto fil-Kunsill Ewropew, riesqa lejn Unjoni militari. Dan mhux mument tal-botti vojta politiċi – dan huwa l-mument li b'serjetà naffrontaw u nagħtu risposti ċari liċ-ċittadini Maltin fuq id- domanda ta' kif irridu mmexxu lil pajjiżna newtrali u sikur fil-kuntest ġeopolitiku globali volatili tal-lum. Irriduċejna settur vitali għas-sigurtà tal- familji tagħna għal teatrin. Sadattant qed naħsbu fuq is-sigurtà tal-enerġija tagħna ġaladarba niddependu minn interconnector u internet taħt il-baħar? Ħsibna fuq is- cyber-security għall-industrija prezzjuża tas-servizzi f 'pajjiżna f 'kuntest ta' theddid u riskji dejjem aktar sofistikati? Jiena rrid nuża l-Ewropa f 'kull aspett u rrid nara l-opportunità f 'kull żvilupp. Lest inpoġġi ma' kulħadd biex niddiskutu dan u naħdmu bħala pajjiż fl-interess nazzjonali. INT IMBOTTAJT GĦAL AKKWIST KONĠUNT TA' MEDIĊINI, IMMA DAN KEMM HU REALISTIKU GĦAL SUQ ŻGĦIR BĦAL DAK F'MALTA? X'GARANZIJI GĦANDEK LI L-PREZZIJIET JITBAXXEW JEW LI TIPPREVJENI SHORTAGES? Appuntu għax aħna suq żgħir għandna bżonn l-appoġġ tal-Ewropa biex niggarantixxu li jkollna l-mediċini kollha li għandhom bżonn il-familji. S k o n t rapport tal-assoċjazzjoni tal-professjonisti mediċi Ewropej f 'Malta, il-mediċini innovattivi jaslu sa erba' snin wara li dawn diġà jkunu disponibbli fil-pajjiżi l-oħra. Dan hu inaċċettabbli. Hemm bżonn naħdmu b'saħħa u intelliġenza fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri biex l-Ewropa tiggarantixxi sigurtà tal-provvista tal-mediċini fil-gżejjer u stati żgħar bħal Malta. Dan irid isir bi tliet mezzi. Il-joint procurement, l-indirizzar tal-problema ta' stockpiling fejn ċerta pajjiżi jixtru ammonti kbar ta' mediċina u jieħdu kulma jkun hemm fis-suq u l-użu aħjar tal-market authorisations li f 'ċerti każijiet il-kumpaniji farmaċewtiċi qed jirreġistraw biss fi it pajjiżi u dan bi preġudizzju għal Malta.