Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1539232
intervista mas-sindku IL-ĦADD 7 TA' SETTEMBRU 2025 • illum 16 "Ix-xewqa tiegħi hija li nippromovu aktar il-lokalità tagħna. Lokalità li għandha storja u fiha għandha diversi binjiet uniċi, bħall-Villa tar-Reġina u l-bini tax-Xandir." Bħala sindku, x'inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X'inhi l-ikbar sfida għall- kostitwenti tiegħek? L-akbar inkwiet tiegħi bħala Sindku tal-lokalità hija l-bini eċċessiv li qiegħed jitla' ġewwa l-lokalità tagħna. Biża' li l-infrastruttura tal-lokalità jista' jkun li ma tiflaħx għal dan il-bini kollu. Il-lokalità ta' Gwardamanġa u Tal-Pietà, għalkemm bħala art mhux waħda kbira, il-popolazzjoni mhux żgħira u għalhekk jinħolqu sfidi diversi ġewwa l-lokalità. Bħal pereżempju nuqqas ta' spazji ta' parkeġġi, kif ukoll jiżdied rimi ta' skart fit-toroq. Sempliċement li persuna tasal id-dar wara ġurnata xogħol u ssibha diffiċli biex issib fejn tipparkja, tkun qed tnaqqas il- kwalità tal-ħajja tal-individwu. Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità? Il-Kunsill m'għandu jkun qatt kontra kull bini jew immodernizzar ta' bini, għaliex kull kunsill jixtieq li l-komunità tiegħu tibqa' ħajja, iżda l-eċċessiv huwa dejjem ħażin. F'din il- leġiżlatura, daħħalna proposta mal-Planning Authority biex iż-żona ta' konservazzjoni Urbana li għandna ġewwa l-lokalità tagħna tiġi estiża. Biswit iż-Żona ta' Konservazzjoni Urbana hemm is-Santwarju tal-Madonna ta' Fatima, fejn innutajna li kien qed ikun hemm propost numru ta' żvilupp, fejn djar b'karatteristiċi partikolari fi triq prinċipali tas- Santwarju kienu se jintilfu. Għalhekk ħriġna bil-proposta ta' estensjoni taż-żona. Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti? Qegħdin nagħmlu l-almu tagħna biex il-it spazji miuħa li għandna ġewwa l-lokalità tagħna jkunu miżmuma sewwa u nodfa biex b'hekk inħajru aktar lir-residenti li jagħmlu użu minn dawn l-ispazji. Iżda nemmen li għandna bżonn ta' aktar spazji miuħa ġewwa l-lokalità biex ikollna aktar ħdura u trankwillità. Fis-snin li ġejjin, x'għandha tkun il- prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil- ħames snin li ġejjin? Ix-xewqa tiegħi hija li nippromovu aktar il-lokalità tagħna. Lokalità li għandha storja u fiha għandha diversi binjiet uniċi, bħall-Villa tar-Reġina u l-bini tax-Xandir. Apparti minn hekk, ix-xewqa tiegħi hija li nżidu aktar pjazez — fejn huwa possibbli — u spazji miuħa mingħajr ma noħolqu l-ebda inkonvenjent. Dawn huma bżonjużi biex ir-residenti jew persuni li jaħdmu ġewwa l-lokalità tagħna jkunu jistgħu jirrikreaw ruħhom; dejjem b'għan wieħed li nkomplu mmexxu l-lokalità tagħna 'l quddiem. Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib? Bħalissa għaddej xogħol fi Ġnien il-Marina, magħruf bħala Torpedo Depot, flimkien grazzi għall-għajnuna ta' entitajiet tal-Gvern Ċentrali. Apparti minn hekk, għandna l-proġett tal-unika bandli li għandna ġewwa l-lokalità, fejn dan se jiġi kompletament irriġenerat flimkien ma' Project Green. Imbagħad hemm proġetti żgħar oħra li jinvolvu xogħlijiet fi pjazez jew ġonna eżistenti ġewwa l-lokalità. Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti? Aktar spazji miuħa fejn it-tfal jistgħu jilagħbu, bil-ġenituri moħħhom mistrieħ li t tfal qed jieħdu pjaċir. Apparti minn hekk, nemmen li hemm bżonn ta' aktar ħdura madwar il-lokalità. Fl-aħħar u mhux l-inqas, waħda mill-aktar prijoritajiet hija s-sigurtà għar-residenti tagħna, kemm fi djarhom, kif ukoll fit-toroq. Issib biżżejjed għajnuna mill- awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku? Iva, s'issa dejjem sibt koperazzjoni u għajnuna mill-awtoritajiet. Bidliet leġiżlattivi reċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x'inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil- governanza lokali? Fil-Kunsill Lokali tagħna m'għandniex żgħażagħ ta' bejn is-16 u t-18-il sena. Għalhekk ma nistax nesprimi xi impatt li dan seta' kellu fuq il-Kunsill Lokali tagħna. Għalkemm nemmen li forsi fl-età ta' sittax-il sena m'għandux iservi fil-kariga ta' Sindku, nemmen li xorta waħda jekk jiġi elett mir- residenti għandu jservi fil-Kunsill, bħala Kunsillier. Jiena dejjem emmint li kunsill lokali jitmexxa tajjeb meta għandek taħlita ta' esperjenza, flimkien ma' enerġija żagħżugħa. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b'kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X'miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b'saħħtu u jikkonforma mar- regolamenti finanzjarji? Huwa kruċjali li kull kwart tas-sena jiġu evalwati sewwa l-kontijiet finanzjarji. Apparti minn hekk, tajjeb li wieħed isegwi wkoll l-estimi finanzjarji u jiddetermina jekk dawn jagħmlux sens ma' dak li jkun sar dħul f 'dak il-perjodu tas-sena. Apparti dan, għandek tkun bil-għaqal u tevalwa sewwa dak li hemm bżonn u dak li m'hemmx bżonn. X'kienet l-aktar parti ta' sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s'issa? Din hija l-ewwel darba li jiena qiegħed fil-pożizzjoni ta' Sindku. Għalkemm mhux dejjem tkun faċli, fiha l-pożittiv tagħha. Parti waħda ta' sodisfazzjon mir-rwol tiegħi bħala Sindku hija meta jkolli resident/a titolbok l-għajnua u hekk kif tkun għentha tħoss sodisfazzjoni kbir. Ikun sodisfazzjon ħafn'akbar, meta tirċievi lura mill-individwu biex jirringrazzjak tal-għajnuna. 'Li persuna wara ġurnata xogħol issibha diffiċli biex issib fejn tipparkja, tkun qed tnaqqas il-kwalità tal-ħajja tal-individwu' Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta' artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F'din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma' Stefano Savo, is-Sindku Tal-Pietà. Tal-Pietà hija lokalità żgħira u pittoreska fil-Lvant ta' Malta li tinsab qrib il-belt kapitali, Valletta. L-isem "Tal-Pietà" ġej mill-kelma Taljana "pietà", li tfisser "ħniena" jew "kompassjoni". Dan l-isem huwa marbut mal-Knisja tal-Madonna tad-Duluri, mibnija fl- 1612, li għadha attiva sal-lum. Tal-Pietà hija magħrufa għall-arkitettura storika tagħha, inkluż l-Isptar San Luqa, li nbena bejn l-1930 u l-1937 u kien l-isptar nazzjonali ta' Malta għal ħafna snin. Il-lokalità tinkludi wkoll Villa Guardamangia, li kienet ir-residenza tal-Prinċipessa Eliżabetta (aktar tard ir-Reġina Eliżabetta II) bejn l-1949 u l-1951. Fost il-postijiet oħra ta' interess hemm iċ-Ċimiterju ta' Braxia, li jinkludi oqbra ta' veterani tal-Ewwel Gwerra Dinjija, u l-kwartieri ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, mibnija fl- 1969. Fl-2020, ġie mwaqqaf l-ewwel każin tal-banda f 'Tal-Pietà, is-Soċjetà Filarmonika Madonna ta' Fatima, li fi żmien qasir ġabret madwar 100 membru. Barra minn hekk, fil-lokalità jinsab il-Kulleġġ ta' Santu Wistin, immexxi mill-Ordni Agostinjan. Stefano Savo, is-Sindku Tal-Pietà