MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 21 December 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1542184

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 15

03 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 21 TA' DIĊEMBRU 2025 Il-Eurovision bejn il-mużika u l-politika JAELLE BORG Id-dibattitu dwar il-parteċipazzjoni ta' Iżrael fil-Eurovision Song Contest qed ikompli jissaħħaħ kemm fuq livell Ewropew kif ukoll f 'Malta, hekk kif diversi pajjiżi ħabbru li se jibbojkottjaw il-kompetizzjoni tal-2026 wara li Iżrael tħalla jikkompeti. L-Irlanda, Spanja, l-Olanda u s-Slovenja kkonfermaw li mhux se jieħdu sehem fil- festival, wara li sejħu biex Iżrael jiġi eskluż minħabba l-gwerra f 'Gaża u allegazzjonijiet ta' prattiċi ta' votazzjoni inġusti. Il-pożizzjoni tagħhom ġiet diskussa waqt laqgħa tal- European Broadcasting Union (EBU), li saret f 'Ġinevra u li għaliha attendew rappreżentanti ta' madwar 40 pajjiż. Ix-xandar Spanjol qal li talab vot sigriet dwar il-kwistjoni, iżda sostna li t-talba ġiet miċħuda mill-organizzaturi, deċiżjoni li skontu żiedet in-nuqqas ta' fiduċja fl-organizzazzjoni tal-festival. Ix-xandar nazzjonali Irlandiż RTÉ qal li l-parteċipazzjoni tiegħu "tibqa' inkonċepibbli" fid-dawl tat-telf ta' ħajjiet f 'Gaża u l-kriżi umanitarja li għadha għaddejja. Id-Direttur tal-Eurovision Song Contest, Martin Green, qal li d-dibattitu kien "sħiħ, miuħ u emozzjonanti", iżda sostna li l-membri tal-EBU finalment ingħaqdu fuq il-fehma li l-Eurovision m'għandux jintuża bħala "teatru politiku" u li għandu jżomm sens ta' newtralità. Il-President ta' Iżrael, Isaac Herzog, faħħar id-deċiżjoni li tippermetti lil pajjiżu jikkompeti, u ddeskriviha bħala ġest ta' solidarjetà u koperazzjoni kulturali. F'Malta, il-pożizzjoni tal-Gvern hija li l-pajjiż jibqa' jipparteċipa fil-Eurovision Song Contest. Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici insista aktar kmieni din is- sena li Malta għandha tibqa' tieħu sehem fil-kompetizzjoni. Bonnici qal li "jikkritika kompletament" l-azzjonijiet tal-gvern Iżraeljan, iżda sostna li spazji kulturali bħall-Eurovision għandhom jibqgħu "postijiet sikuri" għad-djalogu u l-iskambju kulturali. Il-pożizzjoni tal-gvern ġiet ikkontestata wkoll minn vuċijiet differenti fil-pajjiż. Id- Deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal fil-Parlament, li Malta m'għandhiex tipparteċipa fil-kompetizzjoni, u fakkar li fl-2022 l-EBU kienet keċċiet lir-Russja wara l-invażjoni tal-Ukrajna. Skontu, Iżrael m'għandux jingħata trattament differenti għal "atti simili jew saħansitra agħar". Anke mill-Oppożizzjoni nstemgħu kritiki, fosthom mill-kelliem għall-kultura Julie Zahra, li qalet li l-mużika hija "espressjoni ħajja" u li tista' tintuża biex twassal messaġġ ta' paċi u protesta. Hija sostniet li dak li qed jiġri f 'Gaża "ma jistax jitħalla jitwarrab", u li l-artisti għandhom ir- responsabbiltà jużaw il- pjattaformi tagħhom biex jikkundannaw l-atroċitajiet. Zahra qalet ukoll li, anke jekk Malta t i d d e ċ i e d i li tirtira mill- E u r o v i s i o n , il-fondi allokati għall-kompetizzjoni jistgħu xorta jintużaw biex jappoġġjaw lill- artisti Maltin, sabiex ħadd ma jsofri konsegwenzi diretti mit-tali deċiżjoni. Il-Eurovision Song Contest jibqa' wieħed mill-aktar avvenimenti kulturali segwiti fid-dinja, b'aktar minn 150 miljun telespettatur kull sena, filwaqt li d-deċiżjoni tal- EBU dwar il-parteċipazzjoni ta' Iżrael qed tkompli tqajjem reazzjonijiet qawwija, kemm fuq livell politiku, kif ukoll kulturali. Eden Golan irrappreżentat lill-Iżrael fl-2024

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 21 December 2025