MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 21 December 2025

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1542184

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 15

10 aħbarijiet IL-ĦADD 21 TA' DIĊEMBRU 2025 • illum opinjoni Konsulent Politiku fis-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali MASSIMO AXISA F l-aħħar snin, il-mod kif inħarsu lejn ix-xogħol inbidel drastikament. Il-pandemija ġiet u marret, iżda ħalliet warajha ħsieb li huwa importanti li nibnu fuqu, dak li x-xogħol m'għadux marbut ma' post wieħed fiżiku, jew ma sigħat stretti. Madwar l-Ewropa, anzi l-maġġoranza tal-Gvernijiet Ewropej, irrispondew billi mmodernizzaw il-liġijiet tax- xogħol biex jirriflettu dawn ir- realtajiet ġodda. Malta iżda, tinsab f 'salib it-toroq, u għandha ċans li dan kollu ddawru f 'opportunità. F'pajjiżna, ir-remote working għad m'hawnx leġiżlazzjoni dwaru. Jeżisti f 'postijiet tax-xogħol fi ħdan iċ-ċivil, iżda anke hawn nemmen li għad fadal xi jsir. Hemm ukoll bosta kumpaniji privati li joffru dan. Il-Gvern issa, anke fil-baġit għas-sena l-ġdida, ikkommetta ruħu li fejn dan jippermetti, ir-remote working għandu jiġi estiż għal kull dinja tax-xogħol. Dan huwa pass pożittiv, anzi pożittiv ferm. Iżda waqt li qed tiġi diskussa din ir-riforma, wieħed irid jagħmilha ċara illi dan m'għandux isir f 'iżolazzjoni, iżda l-pajjiż għandu jieħu l-opportunità u jitkellem ukoll dwar kif se jkompli jżid aktar drittijiet għall-ħaddiema, anke b'leġiżlazzjoni dwar ir-Right to Disconnect. Ir-remote working ħafna drabi jiġi mpinġi u diskuss taħt il-kappa tal-flessibbiltà jew tal-konvenjenza. Fil-verità, meta wieħed jistudja s-suġġett u jidħol fil-fond tiegħu, jaf li hemm ħafna aktar minn hekk. Għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, dan se jfisser bilanċ aħjar bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata, b'inqas ħin biex wieħed jasal ix-xogħol filgħodu u lura d-dar filgħaxija, u b'awtonomija akbar mill-post tax- xogħol. Għal min iħaddem, dan se jfisser aċċess għal talent-pool aktar wiesgħa, rata ta' ritensjoni tal- ħaddiema ogħla, u possibbilment, żieda fil-produttività tagħhom. Għal pajjiż b'mod sħiħ imbagħad, qed inħarsu lejn inqas traffiku, inqas pressjoni ambjentali, u suq tax-xogħol aktar inklużiv, b'mod speċjali għall-ġenituri. Iżda mingħajr regolazzjoni ċara, ir-remote working iġġib magħha wkoll ir-riskji. Riċerka b'mod konsistenti turi illi persuni li jaħdmu 'mid-dar' huma aktar suxxettibbli li jaħdmu ħinijiet itwal, u li jispiċċaw ma jiddistingwu qatt id-differenza bejn id-dar u l-uffiċċju. Jispiċċaw f 'sitwazzjoni fejn l-istess teknoloġija li qed ittihom l-opportunità sabiex jaħdmu b'mod flessibbli, torbothom biex jibqgħu aċċessibbli l-ħin kollu. U hawnhekk huwa proprju fejn tidħol ir-Right to Disconnect, li fi it kliem tfisser li ħaddiem ikollu d-dritt li wara li jispiċċa l-ħin tax-xogħol tiegħu, ikollu id-dritt li 'jitfi' u ma jwieġeb għall-ebda telefonata, email, jew messaġġ mix-xogħol, għajr forsi f 'sitwazzjoni eċċezzjonali. Ir-Right to Disconnect m'għandha qatt tipprojbixxi l-flessibbiltà, u lanqas twaqqaf il-kuntatt urġenti bejn il- partijiet meta dan ikun neċessarju, iżda għandha tistabbilixxi prinċipju bażiku ta' ġustizzja għall-ħaddiema. Madwar l-Unjoni Ewropea, bosta pajjiżi diġà rrikonoxxew dan. Pajjiżi bħal Franza u l-Belġju, pereżempju, jobbligaw lil min iħaddem b'liġijiet stretti biex ma jikkuntattjax lill-impjegati wara l-ħin tax-xogħol. L-Irlanda mbagħad, addottat kodiċi ta' prattika nazzjonali bbażat fuq ir-rispett, li jiggwida lill-ħaddiema u lil min iħaddem bid-drittijiet u bl-obbligi tagħhom. Il-lezzjoni hawnhekk hija waħda ċara, illi fejn jespandi r-remote working, il-prattiċi u l-protezzjoni madwaru trid tevolvi wkoll. Għal Malta, il-leġiżlazzjoni dwar remote working se tipprovdi opportunità, illi jekk imfassla b'mod għaqli tiċċara d-drittijiet u l-obbligi taż-żewġ partijiet. Irridu naraw li din il-leġiżlazzjoni ma tiffukax biss dwar minn fejn qed isir ix-xogħol, iżda kif u b'liema mod dan l-istess xogħol għandu jitwettaq. Meta nitkellmu dwar dan kollu rridu naraw illi nirrikonoxxu t-tħassib ta' min iħaddem. Fil- maġġoranza tagħha, l-ekonomija ta' Malta hi magħmula minn negozji żgħar u medji, u għalhekk, irridu nassiguraw li kull riforma ssir b'mod proporzjonat, b'mod flessibbli, u b'mod sensittiv għar- realtajiet ta' kull settur. Il-mudell Malti m'għandux ikun wieħed riġidu, jew one-size-fits-all, iżda li jistabbilixxi prinċipji li jistgħu jiġu addottati permezz ta' ehimiet kollettivi u linji gwida mfassla mill-postijiet tax-xogħol stess. Ir-remote working huwa fenomenu li kif jgħidu, "is here to stay." Id-domanda mhix dwar jekk f 'Malta għandux jiġi estiż, iżda b'liema mod għandu jsir dan. Minkejja dan, jekk bħala pajjiż nilleġiżlaw biex nestendu r-remote working, u nħallu barra r-Right to Disconnect, ma nkunux qed nilħqu l-għan tagħna ta' flessibbiltà u work-life balance, għaliex inkunu qed nagħtu l-flessibbiltà fuq il-karta filwaqt li fir-realtà nħallu l-ħaddiema li jagħmlu użu minnha konnessi mal-post tax-xogħol anke wara li suppost ikunu spiċċaw. Jekk Malta trid tibqa' kompetittiva, inklużiva, u soċjalment progressiva, trid tittratta dawn iż-żewġ riformi bħala kumplimentari għal xulxin. Ir-remote working u r-Right to Disconnect mhumiex kunċetti opposti iżda huma żewġ faċċati tal-istess munita, u flimkien, kapaċi jkomplu jfasslu suq tax-xogħol modern li jivvaluta l-produttività mingħajr ma jissagrifika d-dinjità. Ir-remote working u r-Right to Disconnect m'għandhomx jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala privileġġ, iżda bħala dritt tal-ħaddiem. U meta nirrealizzaw dan, ma nkunux qed naġevolaw lill-ħaddiem innifsu biss, iżda lill-pajjiż b'mod sħiħ. Ir-Remote Working u r-Right to Disconnect – kontra xulxin jew id f ' id? Ir-remote working u r-right to disconnect m'għandhomx jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala privileġġ

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 21 December 2025