Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1542536
13 arti u kultura IL-ĦADD 11 TA' JANNAR 2026 • illum Il-gazzetta ILLUM hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti Għidli naqra: Il-Band GEISTMASCHINE F'din is-sensiela ġdida, il-gazzetta titkellem ma' bands lokali fuq ix-xena tal-mużika f'Malta u fuq l-istorja tal-band innifisha GEISTMASCHINE hija kelma Ġermaniża li Tim kien ħareġ biha wara li ra s-serje 'Dark' Minn fejn bdiet l-istorja tal-band? Madwar sentejn u nofs ilu, ftit wara li nfired il-proġett li kellhom qabel Michael (Bass Guitar) u Tim (Guitars u Sound Design), u b'ħerqa kbira biex joħolqu xi ħaġa ġdida, it-tnejn li huma bdew jiltaqgħu fil-garaxx biex jaħdmu fuq materjal li sar l-ewwel komponimenti ta' GEISTMASCHINE. Wara ftit żmien ta' jamming, Tim semmieli li kienu qegħdin ifittxu drummer, u dħalt għall- proġett. Bi mħabba lejn comics, sci-fi, l-arti u l-ispazju, bdejna niktbu l-mużika, indoqqu live u naħdmu fuq l-ewwel album tagħna, li rrekordjajna fl-2025. Kontu tafu lil xulxin qabel ma kontu fil-band flimkien? Peress li x-xena lokali hija żgħira, ma kellniex għalfejn nagħmlu sforz kbir biex niltaqgħu. Jiena (Gabriel) u Michael konna ġieli niltaqgħu għal film nights li kien jorganizza ma' ħabib tagħna l-Belt. Madwar l-istess żmien sirt naf lil Tim mix-xena peress li konna niffrenkwentaw l-istess kunċerti. Kif għażiltu l-isem tal-band? Waqt li kien hemm diversi ismijiet li ssemmew fil-bidu tal-grupp, wasalna għal konklużjoni li għandu jissemma GEISTMASCHINE, kelma Ġermaniża li Tim kien ħareġ biha wara li ra s-serje 'Dark'. Il-membri kollha għandhom interpretazzjoni differenti tal-isem u jħeġġu lis-semmiegħa tagħhom joħorġu b'wieħed independenti għalihom. X'inhu l-iżjed proġett għal qalbkom? Kien hemm diversi mumenti sbieħ matul dawn l-aħħar ftit snin però naħseb li l-iktar tnejn li kollettivament naqblu li kienu mill-aqwa huma meta daqqejna l-iskatepark tal-Imsida waqt kompetizzjoni tal-iskateboarding organizzata mill-MSA (Malta Skateboarding Association), fejn daqqejna barra fuq ir-rampi, naraw in- nies itiru minn fuq rasna, jikkompetu bi ħġarhom biex jaraw minn hu r-re/ reġina tal-park. Daqqejna wkoll fir- raba' edizzjoni ta' SoundArt Festival Malta (2025), fejn ftaħna għal Five The Hierophant, band prominenti fix- xena avant-garde ta' Londra. Kellna l-opportunità niltaqgħu u nitkellmu magħhom wara li daqqew. Għalina, fiha nnifisha, din kienet esperjenza li ma ninsew qatt. X'inhu l-pass li jmiss? Bħalissa qegħdin nistennew il-mixing u l-mastering tal-ewwel album tagħna li qegħdin nantiċipaw li joħroġ is-sena d-dieħla. Ħadna d-deċiżjoni li nirrekordjaw live lokalment għand David Depasquale (SpineSplitter Studio) u nibagħtu r-recording lil hinn minn xtutna lejn Audiosiege Mastering, biex noħorġu album li jikkorispondi mal-ħoss veru tagħna. Barra minn hekk, nittamaw li ndoqqu f 'iktar events lokali matul is-sena d-dieħla. Liema hi l-ikbar ispirazzjoni tagħkom? Nisimgħu ħafna ġeneri differenti u nħoss li bil-mod il-mod qegħdin noħorġu dawn il-motivi fid-diski tagħna. Jien iktar ġej minn background estrema ta' Experimental Music, Death Metal, Grindcore u Punk, waqt li Michael jisma' Progressive Rock/Metal u Experimental Music. Tim għandu background ta' Post- Metal, Experimental Music, Drone u Ambient. Fost gruppi oħrajn li jogħġbuna huma GODFLESH, Blood Incantation, Cosmic Putrefaction, Lunar Chamber, Pelican, ISIS, Swans, Batushka, Mogwai, FULLOFHELL, Neolunar, Battle of Mice, The Alan Parsons Project, Five The Hierophant, Igorrr, u VIRUS. Ix-xena tal-mużika lokali toffri ħafna opportunitajiet lil artisti li għadhom jibdew? Nemmen illi bejnietna fix-xena nagħtu sapport lil xulxin, anke lill-gruppi li jkunu għadom fl-infanzja tagħhom. Naturalment, ġieli ssib min jiġi kunċert għall-headliner biss però dan huwa riskju li rridu ngħixu bih. F'ġeneri alternattivi bħal tagħna, li huma iktar underground minn oħrajn, hija iktar diffiċli biex iżżid l-għarfien fuq events u ġeneralment dan isir permezz ta' media soċjali. Hija faċli ħafna taqta' qalbek u sfortunatament, rajna ħafna gruppi diversi jaqtgħu qalbhom minħabba dawn id-diffikultajiet. Kieku tistgħu tbiddlu xi ħaġa fix- xena mużikali Maltija, xi tkun? Iktar opportunitajiet biex gruppi ta' kull ġeneru u kalibru jkunu jistgħu jdoqqu fi swali u klabbs differenti. Tista' tgħid li kulm'għandna fix-xena venue wieħed attiv bħalissa. Hawn għatx kbir għal events alternattivi u apparti minn hekk hija xi ħaġa sabiħa li toħroġ mill-garaxx u xxerred il-frott tax-xogħol u l-arti tiegħek ma' nies ta' interessi simili u li japprezzawha. Grazzi tal-istedina.

