Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1543385
10 aħbarijiet IL-ĦADD 22 TA' FRAR 2026 • illum opinjoni "Wasal iż-żmien li nesploraw b'aktar serjetà passi lejn il-living wage — paga li tabilħaqq tiggarantixxi għejxien diċenti f 'dinja li dejjem qed tinbidel?" I l-ġustizzja soċjali m'għan- dhiex tkun sempliċement frażi sabiħa li biha nżejnu d-diskorsi politiċi f 'xi okkażjoni speċjali. Hija l-polz ta' nazzjon. Nhar il-Ġimgħa li għadda, 20 ta' Frar, fakkarna l-Jum Dinji tal-Ġustizzja Soċjali. Waqt is-serata annwali tal-Premju Ġustizzja Soċjali organizzata mill-kollega Deputat tal- Oppożizzjoni Ivan Bartolo, li saret fil-Palazz ta' Sant'Anton, kelli l-opportunità nirrifletti fuq realtà fundamentali: li soċjetà umana b'qalb tħabbat tingħaraf biss minn kemm kapaċi tieħu ħsieb lil dawk l-aktar vulnerabbli. Kif hemm minqux fil-prinċipji ewlenin tal-Partit Laburista, is-soċjetà tkejjel is- suċċess tagħha skont il-qagħda ta' dawk fost il-membri tagħha li huma l-iċken. Din mhijiex kwistjoni ta' xi battalja bejn min għandu u min m'għandux. Hija taqbida ferm aktar profonda bejn l-indifferenza u li nagħżlu li jimpurtana minn ta' madwarna. Bħala pajjiż, din l-għażla favur il-ġustizzja soċjali għadna ngħożżuha, u nistinkaw biex inwettquha fil-prattika bl- għodod tal-politika u tal- ekonomija. Soċjetà ġusta tinbena fuq id-dinjità ta' kull persuna. Iżda biex inkunu tassew fidili lejn dan il-prinċipju, irridu nħaddmu ġustizzja soċjali b'sens ta' ġustizzja. Irridu nkunu ġusti ma' dawk kollha li qed jikkontribwixxu biex niġġeneraw il-ġid, biex bħala Stat inkunu nistgħu nqassmu dak il-ġid b'mod għaqli u ġust. Mingħajr il-ħolqien tal-ġid, ma jkunx hemm xi tqassam. Iżda mingħajr tqassim ġust, il-ġid isir għodda ta' esklużjoni minflok ta' progress. Is-suċċess ta' pajjiż m'għandux jitkejjel biss mill-indiċi tal- Prodott Domestiku Gross, iżda wkoll mill-qagħda ta' dawk li qegħdin fil-qiegħ tal-iskala soċjali. Minkejja l-ġid li qed niġġeneraw, l-inugwaljanzi għadhom magħna, u rridu kontinwament noqorsu lilna nfusna biex ma nħallux li l-aljenazzjoni tirbaħ fuq is- sensittività għar-realtajiet ta' min baqa' lura. Id-dritt għal saqaf u għad- dinjità Il-ġustizzja soċjali tfisser ekwità — fairness. Mhux dik l-ekwità li tkejjel lil kulħadd b'xiber wieħed b'mod mekkaniku, iżda dik li tadatta l-politika għaċ-ċirkustanzi partikulari tan-nies. Il-policies mhumiex vanġelu; huma strumenti li jridu jinbidlu jekk ma jibqgħux iservu tajjeb lill- bniedem. Ħu, pereżempju, is-settur tal-akkomodazzjoni. F'Malta, aktar minn 80% tal-poplu aħna sidien ta' darna — statistika li għandna nkunu kburin biha. Madankollu, ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal dawk li s-saqaf fuq rashom sar piż finanzjarju kbir jew ħolma li qed titbiegħed. Għandna bżonn aktar riformi li jaraw l-akkomodazzjoni mhux biss bħala tranżazzjoni ta' proprjetajiet fis-suq ħieles, iżda bħala dritt fundamentali aċċessibbli speċjalment għaż- żgħażagħ, li qed jaffaċċjaw prezzijiet esaġerati. L-istess jgħodd għall- anzjani tagħna. Il-ġustizzja soċjali magħhom mhijiex biss pensjoni adegwata. Hija l-ġlieda kontra s-solitudni u l-garanzija ta' kwalità ta' ħajja fejn is-servizzi tal-komunità u d-djar tal-anzjani joffru mhux biss residenza iżda wkoll dinjità sħiħa. Neqirdu l-prekarjat u l-istigma Mhux biżżejjed li ngħidu li għandna x-xogħol għal kulħadd. Il-kwantità m'għandhiex toħnoq il-kwalità. Il-prekarjat huwa fost l-akbar għedewwa tad- dinjità umana. Wasal iż-żmien li nesploraw b'aktar serjetà passi lejn il-living wage — paga li tabilħaqq tiggarantixxi għejxien diċenti f 'dinja li dejjem qed tinbidel? Irridu nkunu ibsin ma' dawk il-ftit impjegaturi li jisfruttaw il-vulnerabbiltà tal-ħaddiema, inklużi dawk li mhumiex Maltin. Il-protezzjoni tal- ħaddiema tissaħħaħ ukoll permezz tas-sħubija f 'union, u rridu nisfidaw kull pressjoni li ssir biex il-ħaddiema jiġu mċaħħda minn dan id-dritt ta' assoċjazzjoni. Ma nistgħux nitkellmu fuq ġustizzja soċjali jekk nibqgħu nħarsu lejn is-saħħa mentali bħala tabù. Soċjetà b'saħħitha mhijiex dik li m'għandhiex problemi, iżda dik li toffri spalla u sostenn meta l-moħħ u l-qalb jegħjew. Irridu nitgħallmu nsaħħu lil xulxin minflok inkissru lil xulxin b'diskorsna u b'azzjonijietna. Il-bniedem fiċ-ċentru Il-ġustizzja soċjali hija sejħa li tfakkarna li Malta tista' tkun saħansitra aktar ħanina u aktar umana. Il-libertà individwali hija illużorja jekk ma tkunx sostnuta minn strutturi soċjali li jagħmluha reali għal kulħadd, irrispettivament mill-abbiltajiet jew il-ħiliet tiegħu jew tagħha. Meta tabilħaqq inżommu lill-bniedem fiċ-ċentru ta' kull deċiżjoni li nieħdu, inkunu qed niktbu l-isbaħ verżjoni tas-soċjetà tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess tagħna fil-qasam tal-ġustizzja soċjali jitkejjel, b'mhux kemm bnejna binjiet, iżda b'kemm bnejna nies. Ġustizzja soċjali b'sens ta' ġustizzja Soċjetà ġusta tinbena fuq id-dinjità ta' kull persuna Membru Parlamentari tal-Partit Laburista CARMELO ABELA

