Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1545287
15 kotba IL-ĦADD 7 TA' ĠUNJU 2026 • illum Miġjuba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Christopher Cutajar iwasslilna bieqja sħiħa ta' esperjenzi li ggwidaw lil dak li waqqaf iċ-Ċentru OASI f'Għawdex, biex minnhom jislet kwalitajiet minn ħajja li hija ta' ispirazzjoni għal kulħadd. Il-qari ta' bijografija, jinnota Cutajar, jista' jkun tabilħaqq duwa għall-grif li nlaqqtu aħna u għaddejjin. Id-dawl fit-tarf tal-mina Kien hemm żmien li kont nogħxa naqra dwar personaġġi kbar mill-Istati Uniti tas-snin sittin. Nies bħall-Eks President John F. Kennedy jew il-box- er Muħammad Ali (Cassius Clay). L-innu li jibqa' sinonimu mal-protesti mmexxija minn Martin Luther King Jr. b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, dak iż-żmien, kien 'We shall overcome'. Innu li jqawwi qalb lil min ikantah biex fil-fond ta' qalbu jibqa' jemmen li jasal żmien li fih joħorġu mis-saram li kienu fih. Innu ta' tama u perseveranza. Il-bniedem għandu l-ħila jippersisti minkejja l-intoppi, biex jasal fejn ikun jixtieq. Il-ħidma għall-ġid tal-komunitajiet tħalli wirt soċjali għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-ktieb Trufijiet – Id-Dun li ħa l-Vanġelu barra mill-Knisja, miktub minn Martin Gauci u ppubblikat minn Dun Manwel Cordina nnifsu jħalli fil-qarrej dak is-sens ta' rieda li mill-ħajja jagħmel dak kollu li l-ħila u l-ħeġġa jagħtuh. Trufijiet Il-ktieb jismu 'Trufijiet' għaliex l-awtur kiteb dan il-ktieb bil- għan li jirrakkontalna l-ħajja ta' Dun Manwel Cordina, mingħajr ma jsegwi skema fissa li s-soltu wieħed isib f 'bijografija. Il-fatt li Gauci iżjed imrawwem jikteb drammi milli l-kotba jaf wassal għal dan l-istil. Minn kapitlu għal ieħor jikkwota eżatt xi jkun qallu jew kitiblu Dun Manwel, li kontinwament isejjaħlu 'Sieħbi Leli' f 'dan il-ktieb. Għaldaqstant il-kitba titwassal bħal stħarriġ tal-ġrajjiet li kkaratterizzaw ħajjet Dun Manwel. Seħibna Leli huwa assoċ- jat ħaġa waħda mal-ħolqien taċ-Ċentru OASI f 'Għawdex li jagħti spazju lil min irid joħroġ minn vizzji bħad-droga u l-alkoħol. Is-sabiħ ta' dan il-ktieb huwa li joffrilna stampa ta' dak kollu li huwa għadda minnu qabel ma wasal biex ħoloq dan il-kapital soċjali tant meħtieġ. B'hekk il-vittmi tal-vizzji jsibu solljev minn dak id-deżert li jintasbu fih, permezz tal-Fon- dazzjoni OASI li twaqqfet fis-26 ta' Ġunju, 1991. Min hu midħla t'Għawdex żgur li jogħxa jaqra dwar it-trobbija ta' Dun Manwel fil-Fontana, u ż-żmien li qatta' f 'Marsalforn fejn missieru kien armat bħala sajjied flimkien ma' żewġ ħutu subien. Iż-żmien li qatta' l-Or- atorju ta' Dun Bosco kien ukoll wieħed formattiv, li fih daq mill-ħelu u l-morr li magħha ġġib iż-żgħożija. Wara li kien jaħdem il-posta f 'Tas-Sliema, iddeċieda li jitlaq minn artna u jsib impjieg mal-Mars fuq il-katina tal-pro- duzzjoni taċ-ċikkulata, fi Slough, l-Ingilterra. Iżda mbagħad dan iż-żagħżugħ kien wasal f 'punt li fih fehem li t-triq imfassla għalih kienet dik li jidħol qassis. Bejn estasi u dillierju Interessanti kif Dun Manwel jirrakkonta li kellu mumenti ta' estasi f 'ħajtu li lanqas hu stess ma jista' jispjegahom. Waħda esperjenzaha fil-Barrakka ta' Fuq. Oħra ħakmitu kif kien qiegħed fuq il-magna tal-produzzjoni fi Slough, fejn filwaqt li ma baqax f 'sensih, il-kaxxi tal-Mars spiċċaw munzell fuq xulxin. Tant kien jagħmel xogħlu b'żelu, li l-im- għallem tiegħu kien fehem li xi ħaġa marret żmerċ għal seħibna Leli dakinhar! Daħal is-Seminarju t'Għawdex meta kellu 24 sena. Imqabbel ma' oħrajn li kienu jidħlu ta' sittax jew sbatax-il sena, kien meqjus li l-vokazzjoni waslitlu tard. Dik għenitu jimbotta tibdiliet li jgħinu l-perkors tas-seminaristi f 'Għawdex ikun wieħed ibbażat aktar fuq konvinzjoni personali, milli rotta li tieħdok minn tarġa għal oħra bla tħallik tieqaf u taħseb fejn tkun sejjer. Meta darba kien se jagħtih attakk ta' klawstrofobija fis-Sem- inarju, għax ma felaħx iżjed għaċ-ċokon ta' kamartu, spiċċa fittex l-għajnuna għand sieħbu li kompla jgħaxxaqhielu hekk kif minflok sqieh l-ilma, newwillu ma griżmejh ix-xorb alkoħoliku. Dan wassal biex tah dillierju li seta' jiswieh li jżarma mill-mix- ja tiegħu għal qassis. Ta' fuqu bagħtuh għand psikjatra par- tikolari, iżda hu ma marx għand min issuġġerewlu. Kienet se tkun okkażjoni tajba biex iwarrbuh mis-Seminarju għax kien qed iġib bidliet li saħansitra kienu qed jintlaqgħu mill-Isqof ta' dak iż-żmien, Nikol Cauchi. Iżda dan il-pjan ta' dawn it-talin ma rnexxiex, għax Leli baqa' sakemm ġie ordnat saċerdot nhar il-Ħadd 6 ta' Lulju, 1980. X'kumbinazzjoni! L-awtur jistqarr li kemm hu u kemm Dun Manwel 'it li xejn jemmnu fil-kunċett tal-kumbi- nazzjonijiet'. F'Il-Ktieb il-Kbir il-qaddis San Ġorġ Preca kien kiteb li: "L-inqas moviment fis-sema u fl-art ma jsirx min- għajr dispożizzjoni providenzjali t'Alla. Xejn addoċċ ...". Il-ġrajjiet ta' ħajjet seħibna Leli jixhdu dan. Bħal ngħidu aħna meta kellu bżonn ta' għaxart elef lira Maltin biex l-OASI tibqa' tkampa u tfaċċa xwejjaħ bil-beritta jix- bah lil Frenċ tal-Għarb li oħroġ il-għaġeb minn ħobbu newwillu envelope bil-flus li kien jeħtieġ! Dan li wassaltilkom mill-ktieb huwa biss boqqa żgħira minn bieqja sħiħa ta' avventuri, esper- jenzi u ġrajjiet minn din il-ħajja li tagħtina ispirazzjoni. Il-ġid soċjali ta' Dun Manwel ifakkarni fi kliem Ġesù Kristu meta qalilna li t-tabib għandu jiġi għal min hu marid u mhux għal min hu b'saħħtu. Tabilħaqq Personaġġ ieħor fl-Istati Uniti tas-snin sittin kien Robert F. Kennedy, li dakinhar stess li ġie maqtul Martin Luther King Jr. indirizza folla f 'Indianapolis u fisser kif f 'mument bħal dak fejn wieħed iġarrab l-inġustiz- zja u l-indinjazzjoni, jaf ikunu l-mibegħda u s-sens ta' vendetta li jirkbu lill-bniedem. Iżda huwa ħeġġeġ lill-folla jfittxu l-kom- passjoni, l-imħabba u d-dehen biex ikomplu miexja 'l quddiem. Fl-aħħar mill-aħħar quddiem l-għawġ tal-ħajja, kienu dawn il-kwalitajiet sbieħ li rebħu fuq Dun Manwel.

