Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1546132
08 aħbarijiet IL-ĦADD 9 T'AWWISSU 2026 • illum analiżi JAELLE BORG Meta wieħed jaħseb fil-festa Maltija, mill-ewwel jiġu f 'moħħu l-armar, in-nar, il-purċissjoni u l-marċi. Iżda l-banda mhijiex sempliċement il-mużika li takkumpanja dawn il-mumenti. Hija istituzzjoni li għal aktar minn seklu serviet bħala skola tal-mużika, ċentru soċjali u spazju fejn ġenerazzjonijiet sħaħ sabu sens ta' appartenenza. Illum, minkejja l-isfidi tal-volontarjat u r-realtajiet moderni, il-baned għadhom jokkupaw post ċentrali fil-festi Maltin u fil-ħajja ta' bosta komunitajiet. Għal Rudy Sammut, bandist, Viċi Segretarju, Band Leader fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika San Salvatur ta' Ħal Lija, il-vjaġġ tiegħu beda minn età żgħira ħafna. "Ta' sitt snin bdejt nattendi t-tagħlim fil-każin u it wara ngħaqadt mal-banda bħala bandist. Minn meta kont żgħir il-banda dejjem kienet xi ħaġa li tressaqni qrib tagħha u timlieni bil-gost," jgħid. Dak li beda bħala passjoni ta' tifel illum inbidel f 'responsabbiltà kbira. Sammut jispjega li llum iħares lejn il-banda minn perspet- tiva differenti. "Il-banda tfisser xogħol, u ħafna xogħol, iżda ma' dak ix-xogħol hemm is-sodisfazzjon li tferraħ lill-oħrajn u li toħloq tbissima fuq wiċċ in-nies." Din il-ħidma, iżda, tmur ferm lil hinn minn dak li jara l-pubbli- ku waqt il-festa. "Il-preparamenti jibdew xhur, u xi kultant sa sena qabel. Jintgħaż- lu l-mużiċisti, tiġi ppjanata t-tema tal-programm, naraw x'mużika għandna fl-arkivju, jekk hemmx bżonn arranġamenti jew kom- pożizzjonijiet ġodda, jitqassmu l-partituri u jsiru numru ta' provi biex jitla' xogħol professjonali kemm jista' jkun." Anke għall-marċi, jispjega, il-preparamenti jinkludu xog- ħol loġistiku bħal preparazzjoni tal-uniformijiet, il-libretti, u kull dettall ieħor meħtieġ biex jinħoloq dak il-briju tant misten- ni. Iżda x'inhi tassew il-banda għal min jgħixha kuljum? "Il-banda hija wieħed mill-pi- lastri li tinbena fuqhom il-festa. Bla nar, bla armar, bla knisja jew bla banda m'għandekx fes- ta. Anke jekk wieħed biss minn dawn ikun nieqes, il-festa ma tkunx l-istess." Skont Sammut, il-banda hija wkoll il-vuċi emozzjonali tal-festa. "Il-banda hija l-istorbju u l-kant tal-festa. Kull raħal għandu l-innu tiegħu. Meta jindaqq tara r-raħal kollu jqum ikanta flimkien, u kultant tara wkoll id-dmugħ jinżel minn għajnejn in-nies. Dik hija l-qawwa tal-mużika — tqan- qal emozzjonijiet kbar." Perspettiva simili, iżda aktar wiesgħa, jagħtiha Mro Andrea Cassar Cardona, Surmast Diret- tur tal-Banda Madonna ta' Fatima Msida–Pietà u edukatur. Il-vjaġġ tiegħu wkoll beda fit-tfulija. "Kelli ħames snin meta missieri ħadni nitgħallem fil-Każin San Pio X ta' Ħal Lija. Minn dejjem kienet taffaxxinani l-banda, b'mod partikolari l-flawt. Grazzi għall-perseveranza tal-għalliema tiegħi, ta' missieri u tad-dirigenti tal-każin bdejt nistudja u event- walment bdejt indoqq ma' diversi baned f 'Malta u Għawdex." Minn hemm il-vjaġġ tiegħu kompla bħala għalliem, assistent surmast u eventwalment Surmast Direttur. "Huwa privileġġ kbir li tmexxi banda Maltija. Inħossni kburi li nkun parti fit-tmexxija ta' tim sa- biħ u enerġetiku li jagħmel ħafna sagrifiċċji biex jirrappreżenta as- pett importanti tal-wirt intanġib- bli tagħna — il-festa." Għalkemm il-baned jeżistu f 'ħafna pajjiżi, Cassar Cardona jemmen li dawk Maltin għand- hom karatteristiċi uniċi. "Il-każin tal-banda mhuwiex biss skola ta' tagħlim mużikali, iżda wkoll skola tas-snajja'. Jekk tħares lejn ħafna mill-ismijiet il-kbar fix-xena mużikali Maltija, ħafna minnhom bdew il-vjaġġ tagħhom proprju f 'każin tal-ban- da." Huwa jfakkar ukoll li lil hinn mill-mużika hemm ingredjent li ma jistax jitkejjel. "Hemm ingredjent speċjali — l-imħabba. Il-volontarjat naqas, iżda l-imħabba tibqa'. X'inhi jekk mhix imħabba li persuna tqatta' sigħat taħseb kif se tgħaqqad ban- da għal diversi servizzi jew kif se ttejjeb it-tagħlim u l-kunċerti?" Wieħed mill-argumenti li jqajj- em hu jekk il-baned għadhomx jiġbdu liż-żgħażagħ. Sammut jemmen li l-interess għadu hemm. "Il-volontarjat naqas, iżda l-interess fit-tagħlim tal-mużika għadu preżenti. Jiena ngħallem f 'żewġ każini u għandi madwar 20 tifel u tifla li jattendu għat- tagħlim." Cassar Cardona jmur pass lil hinn u saħansitra jiddeskrivi ż-żmien li għaddejjin minnu bħala wieħed promettenti. "Nemmen li qegħdin fis-snin tad-deheb. Hemm ħafna opportu- nitajiet ġodda permezz tal-Għaq- da Każini tal-Banda, il-Kunsill Malti għall-Arti, fondi Ewropej u inizjattivi oħra. Naraw żgħażagħ mhux biss jitgħallmu l-mużika, iżda jieħdu sehem fl-armar, fl-għaqdiet taż-żgħażagħ u jħaj- ru tfal oħra jibdew dan il-vjaġġ." Madankollu, il-ħidma ma tkunx nieqsa mill-isfidi. Cassar Cardona jispjega li d-domanda għall-mużiċisti qed tikber, filwaqt li n-numru tagħhom jibqa' limitat. "Mhux dejjem ikun faċli li żżomm il-livell mużikali li tixtieq meta l-istess mużiċis- ti jkunu meħtieġa f 'diversi baned, orkestri jew fis-servizz tagħhom. Barra minn hekk hemm ukoll il-ħtieġa li nibqgħu nagħtu aktar importanza lis- saħħa mentali u lill-ġestjoni tal-istress ta' dawk li jmexxu l-formazzjonijiet mużikali." Minkejja dawn l-isfidi, iż- żewġ intervistati jaqblu fuq punt wieħed: il-banda hija ħafna aktar minn passatemp. "Il-baned huma parti kbira mill-identità Maltija," jisħaq Sammut. "Il-każini ma jaħdmux biss fi żmien il-festa. Huma jaħdmu s-sena kollha permezz tat-tagħlim, servizzi mużikali u attivitajiet oħra. Bil-ħafna ġid li jagħmlu juru kemm aħna l-Mal- tin kapaċi nieħdu gost, imma fuq kollox kemm hawn talent f 'dan il-pajjiż ċkejken." Meta mitlub jagħżel kelma waħda biex tiddeskrivi l-banda Maltija, Cassar Cardona għażel il-kelma: "Tiżwiqa." "Il-banda Maltija kapaċi tferraħ u kapaċi tbikki. Tkun hemm fil-festa, fit-tieġ u tkun hemm ukoll fil-funeral. Kapaċi ddoqq l-isbaħ marċ Malti u kapaċi tippreżenta programm daqs orkestra ta' barra. B'riżorsi umani limitati, toħloq tiżwiqa ta' mirakli. Tilqa' lil kulħadd biex flimkien nagħmlu tiżwiqa mużikali bl-isbaħ melodija – il-melodija tal-kultura Maltija." Forsi proprju f 'dik it-"tiżwiqa" tinsab ir-raġuni għaliex il-ban- da tibqa' waħda mill-aktar simboli ħajjin tal-festa Maltija. Mhijiex biss il-ħoss tal-istru- menti jew il-marċi li jimlew it-toroq, iżda l-istorja ta' nies li, b'ħafna volontarjat u dedikazz- joni, jaħdmu s-sena kollha biex tradizzjoni li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra tibqa' tgħix. U kif ifakkar Mro Andrea Cassar Cardona, dan kollu ma jkunx possibbli mingħajr il-kontribut tan-nisa, l-irġiel u l-familji tagħhom, li spiss jaħdmu minn wara l-kwinti biex il-mużika tal-banda tibqa' tinstema' fil-qalba tal-komuni- tajiet Maltin. F'epoka fejn ħafna tradizzjoni- jiet qed jinbidlu, il-banda tibqa' tinstema' bħala l-melodija li tgħaqqad il-passat mal-preżent. Kull nota, kull marċ u kull pro- gramm mużikali huma xhieda ta' komunità li għadha temmen fil-valur tal-għaqda, tal-identità u tal-festa Maltija. Għax kif juru kemm Rudy kif ukoll Mro An- drea, il-banda mhijiex sempliċe- ment parti mill-festa — hija waħ- da mir-raġunijiet għaliex il-festa tibqa' tgħix fil-qalb tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-banda: Il-ħoss tal-festa Maltija Minn barra tidher bħala marċ, nota mużikali jew programm fil-pjazza. Iżda wara kull banda hemm storja ta' sagrifiċċju, volontarjat u komunità li taħdem is-sena kollha biex iżżomm ħajja waħda mill-aktar tradizzjonijiet għeżież tal-kultura Maltija Rudy Sammut, bandist, Viċi Segretarju, Band Leader fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika San Salvatur ta' Ħal Lija Soċjetà Mużikali San Pio X

