MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 1 November 2026

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1547433

Contents of this Issue

Navigation

Page 1 of 15

02 aħbarijiet IL-ĦADD 1 TA' NOVEMBRU 2026 • illum 'Tweġġagħni meta jgħidulna mmorru lura pajjiżna sempliċement għax barranin' IKOMPLI MINN PAĠNA 1 Hekk qalet Smriti, ċittadina minn pajjiż terz (TCN), li tkellmet ma' din il-gazzetta dwar il-mod kif qed tħossha wara li tħabbru l-miżuri fil- Budget 2027 li se jolqtu lill- ħaddiema barranin f 'Malta. Iżda għal Smriti, il-kwistjoni tmur lil hinn mill-miżuri finanzjarji. Hija tkellmet dwar il-kummenti li qed tisma' fil-konfront tal-barranin, u l-impatt li dawn iħallu fuq persuni li ġew Malta biex jaħdmu u jsostnu lill-familji tagħhom. "Li tisma' nies jgħidulek 'mur lura pajjiżek' sempliċement għax ġej minn pajjiż ieħor hija xi ħaġa li tweġġa' u hija diskriminatorja," qalet. Smriti saħqet li ħafna ċittadini minn pajjiżi terzi jinsabu Malta biex jaħdmu, jgħinu lill-familji tagħhom u jagħtu sehemhom lis-soċjetà. "Aħna qegħdin hawn biex naħdmu, insostnu lill-familji tagħna u nikkontribwixxu lis-soċjetà. Jixirqilna li niġu ttrattati b'ġustizzja u rispett, bħalma jixraqlu kulħadd," qalet. Il-kummenti tagħha jaslu ftit jiem wara li l-Gvern ħabbar sensiela ta' bidliet li se jżidu l-ispejjeż għal numru ta' ċittadini minn pajjiżi barra l-UE li jgħixu u jaħdmu Malta. "Ilna 12-il sena hawn. Mhux qed nitolbu li kollox ikun b'xejn" It-tħassib espress minn Smriti mhuwiex wieħed iżolat. Fuq il-midja soċjali, diversi ċittadini minn pajjiżi terzi qed jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jistaqsu kif il-miżuri se jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum tagħhom. F'kumment ippubblikat fil-grupp TCN Alliance Malta, Joy Baang, li qalet li ilha tgħix u taħdem Malta għal 12-il sena, spjegat li ma topponix il-ħlasijiet bħala prinċipju, iżda trid li jkunu raġonevoli u spjegati b'mod ċar. "Mhux qed nitolbu li kollox ikun b'xejn," kitbet, filwaqt li spjegat li matul is-snin dejjem irrispettat il-liġijiet, il-kultura u n-nies ta' Malta. Hija qalet li tifhem li persuni minn pajjiżi barra l-UE għandhom ċerti obbligi u ħlasijiet x'jonoraw, iżda staqsiet għaliex għandhom jiżdiedu spejjeż oħra ma' dawk li diġà qed iħallsu. B'referenza għall-miżura dwar il-liċenzji tas-sewqan, staqsiet x'se jkun qed ikopri l-ħlas amministrattiv ġdid meta s-sewwieqa diġà jħallsu għal-liċenzja tat-triq u l-assigurazzjoni tal-vettura tagħhom. Qajmet ukoll mistoqsijiet dwar il-kontribuzzjoni l-ġdida għall-infrastruttura, u kif din se taffettwa lill-persuni li jridu jġeddu l-permess tax-xogħol tagħhom. Fil-fehma tagħha, il-problema mhijiex biss il-ħlas innifsu, iżda n-nuqqas ta' ċarezza dwar għaliex qed jintalab u x'se jieħdu lura dawk li jħallsuh. Joy fakkret li l-ħaddiema barranin diġà jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija permezz tat-taxxi, il- kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, il-kera u l-infiq tagħhom ta' kuljum. Żiedet li l-piż tal-ħlasijiet il-ġodda jista' jinħass b'mod partikolari minn dawk li jaqilgħu paga minima jew jaħdmu f 'negozji żgħar. "Mhux qed nitolbu trattament speċjali," sostniet, filwaqt li appellat għal sistema li tqis ir-realtà finanzjarja tal-persuni li qed jippruvaw jaqilgħu l-għajxien tagħhom f 'Malta. "Nista' nispiċċa jkolli nitlaq minn Malta" F'kitba oħra fuq l-istess grupp, Alyssa Mc, ċittadina Amerikana li qalet li ilha tgħix Malta għal kważi ħames snin u li hija miżżewġa persuna Maltija, iddeskriviet id- diffikultajiet li tgħid li affaċċjat kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja ta' kuljum. Hija allegat li esperjenzat diskriminazzjoni, trattament abbużiv fuq il-post tax-xogħol u diffikultajiet finanzjarji li wassluha biex tuża parti sostanzjali mit-tfaddil tagħha biex tlaħħaq mal-ispejjeż. Alyssa spjegat li għandha sieħeb Malti u wild Malta, u li l-miżuri l-ġodda qed iżidu l-inċertezza tagħha dwar il- futur. Hija qalet li diġà sabitha diffiċli biex tlaħħaq mal- ispejjeż tal-ħajja u tas-servizzi għall-kura tat-tfal, u issa qed tinkwieta dwar il-possibbiltà li jkollha tħallas aktar biex issuq. Skontha, dawn id- diffikultajiet qed iwassluha biex tikkunsidra jekk għandhiex tbigħ il-proprjetà tagħha u tirritorna lejn l-Istati Uniti. Minkejja l-esperjenzi negattivi li ddeskriviet, Alyssa qalet li tqis lil Malta bħala pajjiż sabiħ, iżda li l-esperjenzi tagħha bħala barranija mhux dejjem kienu pożittivi. Appell għall-għaqda u r-rispett It-tħassib dwar il-miżuri qed iwassal ukoll għal sejħiet biex il-komunitajiet ta' ħaddiema barranin jingħaqdu u jesprimu l-fehmiet tagħhom b'mod paċifiku. F'messaġġ ieħor li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali, persuni mill-komunità Filippina u ċittadini oħra minn pajjiżi terzi ġew imħeġġa jingħaqdu biex jitolbu trattament ġust, rispett u opportunitajiet indaqs. Il-messaġġ jenfasizza li l-għan mhuwiex li jiġġieldu kontra l-Gvern, iżda li jesprimu t-tħassib tagħhom b'mod organizzat u paċifiku. Filwaqt li l-miżuri tal-Budget 2027 iqajmu mistoqsijiet dwar l-ispejjeż, il-benefiċċji u l-kontribuzzjoni tal-ħaddiema barranin, ix-xhieda ta' Smriti u r-reazzjonijiet l-oħra juru li għal dawk milquta, id- diskussjoni għandha wkoll dimensjoni personali. Għal Smriti, il-messaġġ jibqa' wieħed sempliċi: il-ħaddiema barranin jistgħu jaċċettaw li r-regoli jinbidlu, iżda dan m'għandux ifisser li jintilfu r-rispett u d-dinjità tagħhom. "Aħna qegħdin hawn biex naħdmu, insostnu lill-familji tagħna u nikkontribwixxu lis- soċjetà. Jixirqilna li niġu trattati b'ġustizzja u rispett, bħalma jixraqlu kulħadd." Smriti (fuq) tgħid li l-kwistjoni tmur lil hinn mill-miżuri finanzjarji filwaqt li t-TCN Alliance Malta qed tħeġġeġ lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi u lil dawk li jappoġġjawhom biex jilbsu żigarella ħadra bejn is-16 u l-20 ta' Novembru, bħala simbolu ta' solidarjetà u sejħa għal rispett u trattament ġust Alyssa Mc, ċittadina Amerikana li qalet li ilha tgħix Malta għal kważi ħames snin, iddeskriviet id-diffikultajiet li tgħid li affaċċjat kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja ta' kuljum

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 1 November 2026