Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1547681
M eta nitkellmu dwar l-ekonomija ta' Malta, ma nistgħux nibqgħu nkejlu s-suċċess tagħha biss permezz taċ-ċifri tat-tkabbir, in-numru ta' ħaddiema jew kemm qed jiżdiedu n-negozji. Il-mistoqsija importanti hija jekk dan it-tk- abbir hux qed joħloq ekonomija aktar b'saħħitha, aktar produttiva u kapaċi toffri opportunitajiet aħjar lill-ħaddiema u lin-negozji Maltin. Għaliex pajjiż jista' jikber fid-daqs, iżda mhux bilfors ikun qed jimxi 'l quddiem fil-kwalità tal-ekonomija tiegħu. Għalhekk, kull miżura ekonomika għandha tiġi evalwata mhux biss minn kemm tidher attraenti llum, iżda minn kemm tista' tikkontribwixxi għall-futur. Il- Gvern għandu jiġi ġġudikat mhux biss mill-miżuri li jħabbar, iżda mid-direzzjoni li jkun qed jagħti lill-pajjiż. U proprju hawnhekk tinsab waħda mill-akbar dgħufijiet tal-politika ekonomika attwali: għandna ħafna miżuri individwali, iżda għadna ma rajniex strateġija ċara u komprensiva li tispjega kif Malta se tagħmel il-qabża lejn ekonomija ta' valur miżjud ogħla. F'dan il-kuntest, it-tnaqqis fit-taxxa korporattiva minn 35% għal 25% fuq profitti eleġibbli li jinżammu u jerġgħu jiġu investiti minn kumpaniji iżgħar huwa pass li għandu jiġi milqugħ. Huwa tajjeb li negozju li jagħżel li jżomm parti mill-profitt tiegħu u jużah biex jikber, jinvesti f 'tagħmir jew itejjeb il-ħidma tiegħu, jingħata inċentiv. Din il-miżura tista' tħeġġeġ aktar kumpaniji jinvestu fil-futur tagħhom minflok iqisu l-profitt biss bħala qligħ immedjat. Iżda miżura waħda, waħedha, ma tistax tagħmel dak li teħtieġ l-ekonomija Maltija. Il-pajjiż għandu bżonn programm usa' li jħeġġeġ lill-kumpaniji jinvestu f 'makkinarju modern, teknoloġija diġitali, awtomazzjoni, riċerka u żvilupp, kif ukoll fit-taħriġ u l-ħiliet tal-ħaddiema tagħhom. Dawn huma l-investimenti li jistgħu jgħinu lin-negozji jipproduċu aktar, inaqqsu l-ħela, itejbu l-kwalità tas-servizzi u jikkompetu aħjar fis- swieq internazzjonali. Il-mistoqsija li rridu nagħmlu lill-Gvern hija sempliċi: fejn hi l-istrateġija li torbot dawn l-inċentivi flimkien? Fejn huma l-miri ċari dwar kemm irridu ntejbu l-produttività, kemm irridu nżidu l-investiment fir-riċerka u kemm irridu noħolqu impjiegi ta' valur ogħla? Mhux biżżejjed li nħabbru skemi u benefiċċji mingħajr ma nispjegaw x'riżultat irridu niksbu minnhom. Il-problema mhijiex biss kemm jinvestu n-negozji, iżda wkoll fejn qed imorru l-flus u r-riżorsi tal- pajjiż. Ekonomija b'saħħitha teħtieġ li l-kapital u l-ħaddiema jkunu jistgħu jiċċaqilqu lejn attivitajiet li joħolqu aktar valur. Dan ma jfissirx li settur wieħed għandu jiġi ppreferut għad-detriment ta' ieħor, iżda li rridu niżguraw li l-ekonomija kollha kemm hi tkun qed tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi tagħha. F'Malta, għal ħafna snin, l-investiment fil-proprjetà kien meqjus bħala waħda mill-aktar għażliet familjari u siguri. Il- proprjetà għandha post importanti fl-ekonomija tagħna u m'għandniex għalfejn innaqqsu mill-valur tagħha. Iżda rridu nistaqsu jekk il-kapital kollu li qed imur f 'dan is-settur hux qed iħalli biżżejjed spazju għal investiment f 'attivitajiet oħra li jistgħu joħolqu valur miżjud ogħla. Negozju innovattiv jista' jkollu idea tajba, tim kapaċi u prodott b'potenzjal internazzjonali, iżda xorta jsibha diffiċli biex jikseb il-finanzjament meħtieġ biex jikber. Ħafna drabi, in-negozji li għandhom proprjetà x'joffru bħala garanzija jkollhom aktar faċilità biex jiksbu self, filwaqt li dawk li l-akbar assi tagħhom huma l-ideat, it-teknoloġija u l-għarfien, jibqgħu jaffaċċjaw ostakli. Dan huwa nuqqas li rridu nindirizzaw. Jekk irridu li Malta ssir ċentru ta' innovazzjoni u intrapriża, ma nistgħux nibqgħu niddependu biss fuq il-mudelli tradizzjonali ta' finanzjament. Għandna bżonn aktar opportunitajiet għal kapital ta' riskju, sħubiji bejn investituri u intrapriżi ġodda, u strumenti finanzjarji li jqisu l-potenzjal ta' negozju aktar milli sempliċement il-valur tal-proprjetà tiegħu. Irridu wkoll ambjent li fih min ikollu idea tajba jkun jista' jsib l-appoġġ biex jibdilha f 'negozju vijabbli. Il-Gvern għandu rwol importanti f 'dan il-proċess. Mhux billi jagħżel hu liema negozju għandu jirnexxi, iżda billi joħloq il- kundizzjonijiet biex l-investiment privat ikun jista' jmur lejn oqsma li joffru opportunitajiet ġodda. Dan ifisser regoli stabbli, inqas burokrazija, proċeduri aktar effiċjenti u inċentivi li jkunu mfassla fuq riżultati konkreti. Ifisser ukoll li l-investiment pubbliku għandu jintuża b'mod aktar strateġiku, biex isaħħaħ l-edukazzjoni, il-ħiliet, ir-riċerka u l-infrastruttura li teħtieġ ekonomija moderna. Hemm bżonn ukoll li l-kumpaniji Maltin jiġu megħjuna biex jikbru lil hinn mis-suq lokali. Malta għandha suq żgħir u, jekk irridu li n-negozji tagħna jsiru aktar produttivi, irridu ngħinuhom jilħqu swieq internazzjonali. Dan jeħtieġ appoġġ għall-esportazzjoni, aċċess għal networks internazzjonali, għarfien dwar swieq ġodda u l-possibbiltà li kumpaniji żgħar jingħaqdu jew jikkollaboraw biex ikunu jistgħu jikkompetu fuq livell akbar. L-istess jgħodd għall- ħaddiema. Ma nistgħux nitkellmu dwar ekonomija aktar produttiva mingħajr ma ninvestu fil-ħiliet tan-nies. It- teknoloġija u l-awtomazzjoni mhux neċessarjament ifissru li l-ħaddiem jitwarrab. Jistgħu jfissru li l-ħaddiem ikun jista' jagħmel xogħol aktar speċjalizzat, aktar produttiv u b'valur ogħla. Iżda biex dan iseħħ, hemm bżonn taħriġ kontinwu, edukazzjoni marbuta mal-ħtiġijiet tal-ekonomija u opportunitajiet reali biex il- ħaddiema jimxu lejn setturi ġodda. Hawnhekk tidħol ukoll ir- responsabbiltà politika. Gvern ma jistax jibqa' jkejjel is-suċċess tiegħu biss minn kemm żdiedu l-impjiegi jew kemm kiber il- prodott gross domestiku. Dawn iċ-ċifri huma importanti, iżda ma jgħidulniex kollox. Irridu nkunu nafu jekk kull ħaddiem hux qed joħloq aktar valur, jekk il-pagi humiex qed jirriflettu titjib fil-produttività u jekk in-negozji tagħna humiex qed isiru aktar kompetittivi. Jekk il-Gvern verament jemmen fit-trasformazzjoni ekonomika, għandu jkun lest li jiaħ diskussjoni serja dwar kif it-tassazzjoni, is-swieq finanzjarji u l-investiment pubbliku jistgħu jintużaw biex ibiddlu d-direzzjoni tal-ekonomija. Għandu jispjega għaliex għadna ma rnexxilniex nattiraw biżżejjed investiment f 'riċerka, teknoloġija u attivitajiet ta' valur miżjud għoli. Għandu juri x'se jagħmel biex intrapriżi Maltin ikunu jistgħu jikbru, jesportaw u joħolqu impjiegi aħjar. L-Oppożizzjoni għandha r-responsabbiltà li tippreżenta viżjoni differenti u mhux sempliċement tikkritika dak li jagħmel il-Gvern. Aħna nemmnu li Malta jista' jkollha ekonomija aktar ambizzjuża, li toħloq aktar opportunitajiet permezz tal- għarfien, l-innovazzjoni u l-ħila tan-nies tagħha. Ekonomija fejn il-prosperità ma tiddependix biss minn aktar ħaddiema, aktar bini u aktar attività, iżda minn kemm jirnexxilna noħolqu valur minn dak li nagħmlu. Il-pajjiż ma jistax jibqa' jikkuntenta ruħu li jikber mingħajr ma jistaqsi x'tip ta' tkabbir qed jikseb. It-tnaqqis fit-taxxa jista' jkun pass tajjeb, iżda għandu jkun parti minn pjan ferm akbar. Il-mira għandha tkun li kull ewro investit, kemm mill-privat kif ukoll mill-pubbliku, jgħin biex tinbena ekonomija aktar kompetittiva u sostenibbli. Għax il-mistoqsija mhijiex kemm qed tikber l-ekonomija llum, iżda jekk hix qed tinbena ekonomija li se tkun aktar b'saħħitha għada. Malta teħtieġ aktar minn tkabbir. Teħtieġ direzzjoni, viżjoni u rieda politika biex tagħmel il-bidliet meħtieġa. Għax il-futur ekonomiku tagħna m'għandux ikun sempliċement kontinwazzjoni ta' dak li kellna s'issa, iżda opportunità biex nibnu mudell aħjar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. opinjoni illum • IL-ĦADD 22 TA' NOVEMBRU 2026 09 "Jekk irridu li Malta ssir ċentru ta' innovazzjoni u intrapriża, ma nistgħux nibqgħu niddependu biss fuq il-mudelli tradizzjonali ta' finanzjament" Shadow Minister għall-Finanzi ADRIAN DELIA L-investiment irid iwassal għal ekonomija aktar produttiva Investiment għaqli jista' jgħin lil negozju jipproduċi aktar, inaqqas il- ħela u jtejjeb il-kwalità tas-servizzi

