Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/234243
22 illum | Il-Ħadd 29 ta' Diċembru 2013 MEMORJI IMMANUEL MIFSUD QATT ma rnexxieli nifhem jew napprezza l-għaġeb li wħud jagħmlu bl-aħħar tassena. Forsi għax id-dar qatt ma ċċelebrajna din il-lejla wisq, u l-unika memorja li għandi tal-aħħar jum tassena fi tfuliti hija l-vapuri fit-tarzna jdoqqu s-sireni f'nofsillejl. Imbagħad, aktar tard, fil-bidu ta' żgħożiti bdejt nara nies li malli jdoqqu t-tokki tas-sena l-ġdida kienu jinfaqgħu jibku u jitgħannqu malmaħbub/a jew ma' min jinzerta qribhom u joqogħdu jnewħu għal ftit minuti qabel ma tibda tisserva x-xampanja u l-mużika, ġeneralment il-"Libiam ne' lieti calici" ta' Verdi, tixxotta d-dmugħ u tnessi s-serjetà u s-solennità tal-bidla minn sena għal oħra. Sirt naf, żmien wara, li dak il-biki, dik l-emozzjoni kollha minħabba l-qlib fis-sena, ġejja mill-memorji li jitqajmu hekk, kważi spontanjament, fil-mument tant qawwi tal-aħħar/l-ewwel tas-sena. Ħafna nies jerġgħu jaraw dik is-sena, jew imqar ilmumenti l-aktar sinifikanti ta' dik is-sena, jitfaċċaw bħal slide show quddiemhom. Huma ftit minuti ta' memorji li dak li jkun jibda, forsi anki inkonxjament, jipprepara għalihom anki bl-għajnuna tal-mezzi tax-xandir li f'din l-aħħar ġimgħa tas-sena, jibdew itellgħu artiklu wara ieħor dwar, ngħidu aħna, l-għaxar l-aktar imwiet importanti tas-sena, jew l-għaxar l-akbar avvenimenti lokali u mhux lokali, jew l-għaxar l-akbar trasferimenti tal-għaxar l-akbar plejers tal-għaxar l-akbar klabbs Ewropej... Fl-aħħar tas-sena trid tiftakar jew, kif jgħid il-klixè, trid issellem lis-sena li tkun se tispiċċa, u fl-istess nifs tagħti merħba lill-ġdida billi tiftakar f'dak li se jiġri. F'dawk il-ftit mumenti ta' eklissi bejn sena u oħra trid tħares lura u 'l quddiem fl-istess ħin, tiftakar f'li għadda, tiftakar f'li ġej simultanjament. L-2014 timmarka numru ta' anniversarji li jagħmlu parti mill-istorja ta' Malta: l-anniversarju talIndipendenza, id-dikjarazzjoni tar-Repubblika, tal-Ħelsien u d-dħul fl-Unjoni. Nimmaġina li se jsir ftit storbju bihom, tant li waħda mill-ewwel kummissjonijiet li waqqaf ilGvern ftit wara li ħa l-mandat kienet dik responsabbli għall-organizzazzjoni taċċelebrazzjonijiet ta' dawn il-festi nazzjonali u dati importanti għall-pajjiż. L-2014 timmarka wkoll il-mitt anniversarju millbidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, magħrufa wkoll bħala l-Gwerra l-Kbira. Ma smajt xejn jekk Malta hijiex se timmarka dan l-anniversarju; aktarx li le, l-ewwel nett għaliex se jkollna wisq x'nagħmlu bl-anniversarji tagħna u t-tieni aħna ma kellniex x'naqsmu direttament, u allura nistgħu nħalluha "Kienu joqogħdu jnewħu qabel ma tibda tisserva x-xampanja" għaddejja. Imma pajjiżi oħrajn qegħdin jippreparaw biex fissena d-dieħla jiftakru u jfakkru kunflitt mondjali li tawwal erba' snin u li l-effetti tiegħu, speċjalment fl-Ewropa (wara kollox l-ewwel titlu li ngħatat dil-gwerra kienet il-Gwerra tal-Ewropa) kienu kbar ħafna. X'jiswa fir-realtà li dak li jkun jiftakar diffiċli li wieħed ikejjel. Hekk jew hekk, ftit snin wara din il-gwerra hekk kbira u trawmatika kien hemm gwerra oħra li fiha seħħew atroċitajiet li mhux żgur seħħew bħalhom qabel. U wara dik kien hemm gwerer oħrajn u sal-lum il-ġurnata għadna nisimgħu b'aktar. Imma jekk il-kunflitti ma qatgħu xejn minkejja l-memorji, min jaf x'kien ikun hawn li kellhom jisparixxu l-memorji wkoll. Forsi ma kien ikun hawn ebda differenza. Imqar il-ħsieb li dawn kienu avvenimenti li swew il-ħajja ta' miljuni ta' nies, jitlob lil dak li jkun li jieqaf imqar għal mument u jolfoq, bit-tama li "Kien Milied li baqa' jissemma għax waqqaf l-isparar għal ġurnata u l-għedewwa ffesteġġjaw flimkien" l-valzer tal-grokk ma jnessix id-dmugħ ftit wara. Qiegħed nikteb dan l-artiklu proprju fil-lejla tal-Milied. Disgħa u disgħin sena ilu, bħal-lum, is-suldati ħarġu mittrunċieri kollha tjun, mard u mewt biex iċċelebraw il-Milied flimkien, ħbieb u għedewwa. Kien Milied li baqa' jissemma għax waqqaf l-isparar għal ġurnata u l-għedewwa ffesteġġjaw flimkien. Imma mbagħad, mill-għada, reġgħu niżlu fit-tajn u reġgħu bdew jobogħdu lil xulxin. X'kien jiġri li kieku dawk is-suldati kollha jiffesteġġjaw disgħa u disgħin sena ilu ddeċidew li jkomplu għaddejjin bil-festi; li ma jinżlu qatt lura fit-tjun tat-trunċieri; li minflok memorja jgħixu messaġġ? Għandhom dan il-paradoss il-festi ta' Diċembru: minn kemm ili naf bihom, nismagħhom dejjem iwasslu l-istess messaġġ, qatt ma jinbidel proprju għax ilmessaġġ jibqa' qatt ma jittieħed. U anki l-memorja tiegħu, tintilef wara ftit. Tneħħi għas-sidien talħwienet il-festi ta' Diċembru huma falliment kbir. Wara ġimgħa jsiru biss memorja. Attwalment m'hemm ebda messaġġ ħlief li għal ftit jiem għandna ninbidlu, insiru ferħanin, inħobbu lil ta' madwarna aktar millkumplament tas-sena, fl-istess waqt li nafu li dan kollu mhux se jtul wisq. It-tokki tal-aħħar tas-sena bilfors ibikku meta kulħadd jaf li l-istorja qiegħda hemm biex tirrepeti ruħha: Diċembru jċedi postu lil Jannar, ix-xahar l-aktar imbiegħed minn Diċembru. Dan l-aħħar xahar tas-sena huwa disposable aktar mittazzi tal-kartun fil-magni talkafè u l-kuċċarini tal-plastik biex tħawwad ħa ddewweb iz-zokkor bihom. U dan nafuh, għax drajnieh, għax qiegħed inċiż fil-memorja, u dil-memorja tittieħed. Post-scriptum Uħud minna għandhom memorji oħrajn ta' dawn iż-żminijiet, għax hemm nies li jmutu proprju f 'dawn il-ġranet, imwiet ta' għeżież li huma diffiċli aktar minn imwiet oħrajn biex taċċettahom u tinsiehom. L-ironija tal-mewt fix-xahar tat-twelid, jew aħjar, tan-niket fix-xahar tal-festi, taf tkun ħaġa diffiċli biex tiġi aċċettata. Madankollu, bħal kollox u bħal dejjem, il-mewt trid tinżel fil-lista tal-memorji. Jien kont dfint 'l ommi f 'lejlet il-Milied ta' tlettaxil sena ilu; wara nofsinhar, fil-knisja tal-Addolorata, waqt li l-bqija kienu qegħdin jissebbħu għal filgħaxija. Ilvjaġġ minn San Luqa għaċċimiterju kien akkumpanjat mit-teptip tas-siġar tal-Milied, id-daqq jgħajjat fit-toroq tal-Ħamrun u l-ħwienet lesti għall-aħħar skoss ta' bejgħ. Wara d-difna konna nġbarna u qsamna kejk. L-aħħar ħsieb għal din is-sena jmur partikolarment għal min f 'dawn il-ġranet tilef lil xi ħadd għażiż. M'hemmx kliem speċjali xi tgħid, lanqas ħsibijiet partikolari. It-trawma hija esperjenza personali ħafna, speċjalment meta ġġarrabha għar-riħa tal-ħelu u x-xorb. Lil dawn innies: is-sena li ġejja għandha mnejn tkun aħjar minn din u se jkollkom memorja oħra xi żżidu mal-bqija.