Illum previous editions

illum 23 March 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/281884

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 35

l-istudenti għal Ryan fejn hu jemmen li anke jekk ħafna kienu jikkritikawlu s-suġġetti li kien jagħżel għall-istudju, hu kien għażilhom għax kien jieħu gost jistudjahom u mhux biex jimxi mat-tradizzjoni tal-istudju u li jgħidulek il-guidance teachers, "Studja biex tagħmel dak li tixtieq, għax kull idea tiegħek tista' tibdilha f 'negozju. Nemmen li l-idea tal-Għawdxi tista' toħloq ix-xogħol f 'Għawdex u mhux dejjem nistennew l-investiment barrani." Hawnhekk Ryan waqt li beda jċaqlaq saqajh, beda jirrakkonta l-istorja taż- żgħażagħ Għawdxin u għaliex għażlu l-futur tagħhom kif għażluh, "fis-snin 90 kien hawn boom f 'Għawdex ta' studenti li ħafna minnhom studjaw għal għalliema u dan għax kienu joħolmu li xi darba jsibu xogħol f 'Għawdex jew inkella għax jispiċċaw kmieni u jirritornaw Għawdex kmieni u mhux tard. Fl-aħħar tliet snin kien hawn linja differenti fejn ħafna żgħażagħ Għawdxin daħlu jaħdmu bħala pulizija u suldati u dan ukoll għar-raġuni li jaħdmu bix-xifts u jkunu jistgħu jirritornaw Għawdex f 'ħinijiet tajbin. "Jien ma naqbilx ma' dan, iżda nemmen li jekk wieħed verament irid ix-xogħol għall-Għawdxin f 'Għawdex iridu jsiru żviluppi fl- agrikoltura, baħar, snajja u arti f 'kull aspett, għax dawn huma l-erba' oqsma fejn l-Għawdxi jista' joffri l-aqwa prodott u jeċċella. Sadattant Għawdex għandu jsir destinazzjoni bbażata fuq dawn l-erba' oqsma u b'hekk ħafna Għawdxin ikunu jistgħu jsibu xogħol full time f 'Għawdex. Dan hu l-vera xogħol Għawdex għall- Għawdxin u mhux slogans minn Prim Ministri filwaqt l-Għawdxi jibqa' jistenna x-xogħol f 'Għawdex." B'dan il-kliem bdejt nara li Ryan għandu viżjoni quddiemu, viżjoni ta' mexxej fix-xena Għawdxija. "Inħossni leader ta' ideat u mhux ta' konvenjenza. Jien ma nimxix mal-ambizzjoni iżda mal-viżjoni. Dejjem emmint li jekk f 'dak li mmexxi jkun hemm min għandu viżjoni aħjar inwarrablu ħa niftaħ toroq aħjar. Leader ma jfissirx li tkun tikkmanda iżda li taqsam viżjoni ma' ħaddieħor u dawn jaħdmu bħalek u daqsek għal dik il-viżjoni." Spiċċajna niddiskutu kull aspett politiku f 'dik il-kamra ċkejkna mimlija aktar siġġijiet milli għamara oħra msejħa uffiċċju tal- istudenti Universitarji Għawdxin u hawn qbadna s-suġġett għaliex ma jfittix futur f 'Malta jew anke barra l-pajjiż ħalli jirbaħ aktar esperjenza, "Naf li kapaċi li jekk immur Malta nasal fejn nixtieq għax nemmen fija nnifsi, iżda nixtieq nibqa' hawn Għawdex ħalli ngħin li nwassal lill-Għawdxi fejn jixraqlu. Ħafna joħduha kontrija meta ngħid li l-Għawdxi jħossu inqas minn ħaddieħor, inqas mill-Malti u dan bil-fatti. U hawn hi l-battalja tiegħi biex inwassal il-messaġġ li aħna l-Għawdxin m'aħna inferjuri għal ħadd. Meta ntagħżilt biex immur l-Amerka, kienu l-Amerikani li għażluni għax segwewni fl-attiviżmu tiegħi u ma mbuttani ħadd u minn 20 żagħżugħ fost l-aqwa fid-dinja ġejt meqjus l-aħjar fost l-oħrajn u iva jien Għawdxi u anke tajt unur lil Malta. "Naqbel li f 'soċjetà m'għandux ikun hawn distinzjoni iżda diversità. Għawdex għandu jiġbed turisti minħabba d-diversità tal-poplu tiegħu u hemm bżonn li Għawdex ma jibqax jinbiegħ bħala d-Dwejra biss." Tkellimna dwar minn liema lenti jara lill-Għawdxi, l-Malti. "Inħossni insultat meta jgħidulek "Ryan, qas tidher li int Għawdxi," u din nismagħha mhux għalina l-Għawdxin biss iżda anke għan-nies Maltin tan-Nofsinhar jew li ġejjin minn xi bliet bi problemi soċjali f 'Malta. Ġieli relazzjoni tintemm għas- sempliċi raġuni għax aħna Għawdxin. Imbagħad għandek nisa Għawdxin li jippreferu raġel Malti għax jgħidu li l-Maltin huma aħjar u meta jirnexxielhom jagħmlu dan iħossuhom superjuri għal sħabhom. Din mhi xejn ħlief kumpless ta' inferjorità u tinsab biss fl-imsejken moħħ." Hawn fakkartu li l-partner tiegħi hi Għawdxija u għażlet li tgħix ma' raġel Malti (jiena) għall- imħabba u mhux għax Malti. Tbissimli u qalli li ftit issib bħali, Malti jaqbeż għall-Għawdxi. Staqsejtu x'inhi d-differenza bejn Malti u Għawdxi. "Il-way of life hi differenti u mhux il-persuna nnifisha. L-Għawdxi hu kalm, friendly u ġenwin u jgħix dit-tip ta' ħajja." Dment li l-Għawdxi mhux qed isib min jiġġieled għalih, Ryan ma jarax ħtieġa allura li Għawdex ikollu partit għalih, il-partit ta' Għawdex? "Fl-1951 kien hawn partit għal Għawdex u kien rappreżentat fil-Parlament. Nemmen li l-Għawdxin għandhom jingħaqdu flimkien biex niġġieldu għal Għawdex għax ħadd mhu se jiġġieled għalina. Jekk l-Għawdxin vera jemmnu li l-aħjar rappreżentazzjoni fil-parlament ikun partit għal Għawdex ejjew nagħmluha. Iżda l-Għawdxin kollha jridu jemmnu fiha għax persuna jew grupp żgħir waħdu ma jista jagħmel xejn." Tkellimna wkoll dwar ix-xogħol fejn innutajt li Ryan ilu jistudja ħafna u naħseb li issa wasal iż-żmien li jibda jaħdem. "Ifhimni, jien ġieli ħdimt u bħalissa fuq bażi ta' freelance qed immexxi proġetti Ewropej taż-żgħażagħ. Fil-fatt għall- aħħar tax-xahar ġejjin 18-il żagħżugħ minn 9 pajjiżi Ewropej għal konferenza f 'Għawdex u dan mill-fondi Ewropej u fl-istess ħin tkun qed tgħin it-turiżmu Għawdxi." Meta attendejt għal Gvern li Jisma' f 'Għawdex Ryan kien staqsa dwar meta se jkun iffurmat il-Kunsill reġjonali għaż-żgħażagħ Għawdxin u kien ingħata tweġiba li se jintagħżel il-persuna li jmexxih u se jkun funzjonabbli dalwaqt. "Din kienet idea tiegħi u kienet waħda mill-proposti li bħala GUG għaddejna liż-żewġ partiti fejn tkellimna ma' Joseph Muscat u ma' Lawrence Gonzi. Inħoss li l-proċess qed jieħu fit-tul għax nemmen li din kellha ssir fl-ewwel xhur tal-Gvern jekk verament ried idaħħal iż-żgħażagħ Għawdxin fil-ħidma." Fejn jara lilu nnifsu fil-futur Ryan? Mistoqsija li donnu ma riedx iweġibha u bħala diplomatiku dar dawra tajba magħha. "Lil Ryan narah f 'pożizzjoni li jgħin lin-nies. Fil-politika ħa nkun żgur." Ma liema partit? "Għalissa se nżommha għalija għax ninsab f 'punt fejn qed nistudja l-partiti fil-fond." U jekk tkun kap ta' partit jew ministru ta' Gvern lili fejn tpoġġini? "Konsulent għax hekk il-moda." Kienu għaddew madwar tliet sigħat inparlaw fuq kull suġġett u dwar il-mod kif naħsbuha fuq kollox u għalhekk qabel tlaqt staqsejtu jekk jaqbilx mal-pont jew mina, "Jien, bħal ħafna, ninsabu konfużi fuq din il-kwistjoni għax ma hemmx biżżejjed informazzjoni. Li hu żgur hu li l-ebda pont jew mina mhu se jsolvi l-problema ta' Għawdex mingħajr pjan ħolistiku għal gżira. Jien irrid inkun naf x'inhuma l-pjanijiet wara l-pont u l-mina. Wieħed ukoll għandu jara s-sitwazzjoni ta' Għawdex b'fast boat service, ajruport u servizz tal-Gozo Channel aħjar u jara jibqax il-bżonn ta' pont jew mina. Hemm bżonn li jkun hawn pjan ta' vera għal Għawdex għax m'hawnx viżjoni u din se tkun il-pass li jmiss tiegħi. Fejn se jkun Għawdex 10 snin oħra? Kont għamilt it-teżi tiegħi li jsir ajruport għal Għawdex ħafna qabel bdew isemmuh. Iżda żgur li l-ajruport m'għandux ikun ta' xi ajruplani żgħar iżda fejn ikunu jistgħu jinżlu l-kumpaniji tal-ajru rħas. Dwar il-futur ta' Għawdex nemmen li hemm bżonn li Għawdex ikollu Ministru u Segretarju Parlamentari li iżda jkunu kapaċi jaħdmu id f 'id fejn flimkien ikollhom l-amministrazzjoni reġjonali kollha ta' dak li hemm Għawdex, saħħa, edukazzjoni, pulizija, armata eċċ biex b'hekk jiġi maħluq xogħol għal Għawdex. Barra hekk hemm bżonn kunsill reġjonali lil hinn mill-politika partiġġjana. Filwaqt li fil-parlament Ewropew Għawdex għandu jkollu rappreżentant Għawdxi. U hawn mhux qed ngħid dan bħala Għawdxi iżda bħala Malti għax anke Malta għandha tinqasam f 'reġjuni u joħorġu rappreżentanti biex kull reġjun ikun rappreżentat fl-Ewropa." Kienu għaddew erba' sigħat u lanqas biss rajtu l-ħin għaddej fejn qas il-ġuħ m'affetwani wara li qattajt in-nofs ta' nhar ta' filgħodu ma' Ryan. Ma nafx għaliex iżda ħassejt li llum intervistajt persuna li forsi fil-futur għad ikun wieħed mill-mexxejja ta' pajjiżi. Żgur u mhux forsi li Ryan hu gladjatur kbir għal Għawdex b'viżjoni li tmur 'l hinn minn dak li qed jipproponulna ż-żewġ partiti fil-preżent għal Għawdex. Min jaf fejn għad narak Ryan? Il-Ħadd 23 ta' Marzu 2014 | illum 11 Gladjaturi tal-Ħajja Iż-żagħżugħ li jixtieq jagħmel id-differenza "Dejjem emmint li jekk f 'dak li mmexxi jkun hemm min għandu viżjoni aħjar, inwarrablu"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 23 March 2014