Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/294633
Il-Ħadd 13 ta' April 2014 | illum 9 Il-qtil ta' "Ġiġi r-Rizzu" fl-1996 f 'Għawdex Xi saħħar bassar fejn qiegħed il-kadavru ta' Ġiġi l-Pulizija kienu sabu diversi kaxxi tal-logħob kif ukoll apparat ieħor fosthom oġġetti misruqin. L-aħħar ħinijiet tar-Rizzu Meta kont qattajt xi jiem fil- gżira Għawdxija, kien irnexxieli niġbor xi informazzjoni għalkemm meta ppruvajt nivverifika din l-informazzjoni mal-Pulizija ma kontx sibt koperazzjoni u dejjem ingħatajt l-istess risposta - "għax l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin" - għalkemm qatt ma ġie miċħud xejn. Kien fatt magħruf li l-vann li kien isuq Ġiġi kien dejjem jipparkjah fl-istess post quddiem id-dar u l-handbrake qatt ma kien itellgħu sa fuq nett. Iżda meta l-Pulizija sabu l-vann ħdejn id-dar tiegħu ma kienx ipparkjat sew u l-handbrake kien imtella' sa fuq nett. Minn stħarriġ li kont għamilt kont sibt li t-Tnejn, 18 ta' Novembru 1996, Ġiġi kien tkellem ma' saċerdot fejn kien ingħad li r-Rizzu kien qallu li l-għada kien se jmur jiġbor xi flus li kellu jieħu. Jidher li minn kliem Ġiġi s-somma kienet waħda sostanzjali. L-għada waranosfinhar Ġiġi deher jargumenta ma' persuna fi Pjazza San Franġisk imma mhux magħruf fuq xiex kien l-argument. Din il-persuna kienet għamlet perjodu ta' żmien f 'ċentru ta' rijabilitazzjoni biex joħroġ mill-vizzju tad- droga. Dakinhar stess Ġiġi wasal id-dar għall-ħabta tal-11pm bil- vann Toyota HiAce u pparkjah fejn dejjem kien iħallih u daħal fil-garaxx. Ftit tal-ħin wara nstema' ħoss li kiser il-ħemda tal-lejl. Dan il-ħoss kien deskritt bħala dak ta' mutur. Waħda minn ulied il-vittma kienet semgħet lil missierha jitkellem ma' xi ħadd, iżda ma għarfitx il-leħen tal- persuna l-oħra. Huwa mifhum li l-persuna l-oħra kienet barra l-garaxx u qal lil Ġiġi biex joħroġ ħalli jmorru jagħtuh dak li kien fadallu jieħu. Dwar kif u ma' min mar Ġiġi hemm żewġ teoriji li l-Pulizija ma setgħetx tistabilixxi liema waħda. Waħda minn dawn kienet li Ġiġi kien jaf sew lil dawk li kienu barra tant li ħareġ mill-garaxx, daħal fil-vann tiegħu u kien diġà se jsuq, iżda kien miżmum. Wieħed minn dawk li avviċinawh fetaħ il-bieba tal- vann u ħataf lil Ġiġi minn taħt idejh il-leminija u beda jiġbdu 'l barra. Peress li l-vann beda nieżel, Ġiġi għolla l-handbrake b'idejh ix-xellugija f 'daqqa u ġibdu sa fuq nett. Huwa għamel dan jew għax kien irrabjat jew minħabba li qabdu paniku. Kien għalhekk li l-vann ma nstabx eżatt kif kien iħallih is-soltu u l-fatt li l-handbrake kien imtella' kollu. Kif tniżżel mill-vann, Ġiġi, b'reazzjoni normali, neħħa ċ-ċwievet minn posthom u minħabba li kien qed jinżamm minn taħt idejh, huwa poġġa ċ-ċwievet fl-ewwel but li sab – dak tal-qmis kif idejh kienet qed tinżamm mgħollija. Ġiġi kien sfurzat jidħol f 'karozza oħra filwaqt li kien mhedded minn żewġt irġiel armati. Dak il-lejl xi ħadd kien ra l-vann ta' Ġiġi jinsaq b'veloċità eċċessiva fid-direzzjoni ta' Marsalforn imma peress li kien id-dlam ma kienx jaf jekk kienx Ġiġi li kien qed isuq jew xi ħadd ieħor. Skartoċċ fil-vacuum cleaner L-investigaturi, li dak iż- żmien kienu s-Supretendenti John Rizzo u Paul Sammut li llum m'għadhomx fil-Korp tal-Pulizija, ħadmu mingħajr waqfien bl-għajnuna ta' diversi uffiċjali oħrajn fosthom l-Ispetturi Antonello Grech u Paul Vassallo mid-Distrett ta' Għawdex, illum it-tnejn Supretendenti. Fost l-istħarriġ li għamlu kienu marru jagħmlu tfittxija fil-Cafè Ritz f 'Marsalforn, li kien ta' Franco Galea, wieħed minn ħut il-vittma u l-iżgħar fost l-aħwa. Waħda mir-raġunijiet li saret tfittxija hawnhekk kienet minħabba li ta' spiss Ġiġi kien imur iqatta' xi ħin jixrob għand ħuh qabel imur id-dar. Waqt din it-tfittxija l-Pulizija kienu sabu skartoċċ kalibru 22mm li kien jaqbel mal-istess kalibru tal-balal li qatlu lir-"Rizzu". Dan l-iskartoċċ instab f 'vacuum cleaner. Kien ingħad li Franco kien qal lill-Pulizija li dan l-iskartoċċ kien iddubbah xi żmien qabel u kien qiegħed iżommu bħala 'souvenir' u li x'aktarx li nqabad fil-vacuum cleaner wara li dan waqa' fl-art. Fl-istess ħanut il-Pulizija nnuttaw li ħajt minnhom kien miżbugħ frisk b'żebgħa bajda. Dan il-fatt kien daħħal dubji kbar bil-Pulizija tissupsetta li mal-ħajt kien hemm xi dmija li ntmesaħ u wara tbajjad biex jitgħatta kollox. "Saħħar" jgħid fejn seta' jinstab Ġiġi Kont tkellimt fit-tul ma' Vince Galea, ħu l-vittma dwar għaliex kien issemma' li Ġiġi seta' kien f 'bir u dan sar anke fl-appell li nqara fil-quddies. Vince kien qalli li kellu r-raġunijiet tiegħu. Huwa kien stqarr li kien ċertu Toni Grima li qallu li ħuh kien qiegħed viċin il-baħar bi tliet bullets f 'rasu u viċin ħafna hemm magna taħdem. Skont Vince dan Grima għandu kuntatti mal-ispirti. Grima kien qallu dan madwar tliet ġimgħat qabel ma nstab il-kadavru fil-bir. Vince qal li wara dan id- diskors kien mar u akkwista l-pjanti kollha fejn hemm il-bjar f 'Għawdex fosthom ta' Wied il-Għasri. Vince kien urini din il-pjanta fejn anke jidher immarkat il-bir fejn kien instab il-kadavru. Huwa qalilna wkoll li kemm hu kif ukoll ħutu kienu marru jfittxu fl-inħawi, iżda qatt ma ttawlu f 'dak il-bir. Ikompli nhar l-ġimgħa d-dieħla Fil-ħarġa tal-Ħadd li ġej se nkompli b'dan il-każ fejn se naraw dettalji li s'issa qatt ma ħarġu. Se nagħmlu diversi mistoqsijiet fosthom fejn inqatel Ġigi? Għalfejn inqatel? Fil-fatt dan il-każ huwa solvut imma hemm raġuni għaliex għadu ħadd ma tressaq? Naraw ukoll kif instab il- kadavru, x'sabu l-Pulizija fil-bir? Meta sar il-funeral ta' Ġiġi u aktar. Appell Bħalma qed nagħmlu ma' kull storja ta' delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in- numri 119 jew 21224001. Cafe Ritz, il-ħanut ta' ħu l-vittma