Illum previous editions

illum 4 May 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/306558

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 39

22 illum | Il-Ħadd 04 ta' Mejju 2014 META kont tifel u ommi kien jidhrilha li għandi rrodd xi ħaġa lil xi ħadd u kont insabbat saqajja u ngħajjat li "Dik tiegħi!" ommi kienet tkun pronta twieġeb li lanqas xagħri mhu tiegħi. Ma kinitx xi mara stretta ħafna imma "Dik tiegħi!" ma kinitx tiflaħha u dik it-tweġiba kienet dejjem lesta fil-ponta ta' lsienha. Issa jekk hemm xi ħaġa li hija tagħna, sakemm, kuntrarju għall-messaġġ imtaħħat ta' ommi, inħallu barra ż-żmien u l-effetti distruttivi tiegħu, hija l-ġisem li nġorru magħna kull fejn immorru. Hemm din it-tendenza li nbiegħdu lilna nfusna minn ġisimna, donnu hemm xi ħaġa ġo xi ħaġa oħra, u din il-ħaġa li hemm ġewwa nsejħulha r-ruħ. It-tendenza li naqsmu lilna nfusna f 'ġisem u ruħ hija antika daqs Platun u saħansitra aktar. Kien jingħad li l-ġisem huwa l-ħabs tar-ruħ sakemm darba fost l-oħrajn xi ħadd fettillu jikkonkludi li, għall-kuntrarju, hija r-ruħ il-ħabs tal-ġisem għaliex dan il-kunċett, li ħafna drabi huwa reliġjuż, dejjem qisnieh bħala r-riedni, il-mexxej, iċ-ċensur forsi, tal-ġibdiet tal-ġisem. Jidhirli, iżda, li l-Ħadd filgħodu mhuwiex l-aħjar ħin li fih noqogħdu niffilosofizzaw u miniex se noqgħod niddiskuti din ir-relazzjoni li nkwetat ħafna mħuħ għal ħafna snin imma xtaqt ngħaddi kumment dwar punt li tqajjem din il-ġimgħa. L-Isqof Scicluna ta l-veduti tiegħu dwar il-possibilità li qiegħda tiġi kkunsidrata li l-katavri minflok jindifnu jew jiġu kkremati, jibdew jiddewbu u mbagħad l-iskeletri jitfarrku. Scicluna, ovvjament infurmat mid- duttrina Kattolika, attakka l-idea li ġisem, anki jekk bla ħajja, jiġi diżintegrat bil- kimika. Imbagħad f 'waħda mill-bloggati tagħha Daphne Caruana Galizia xebbhet din il-proposta ma' 'soluzzjonijiet' simili li ħarġu bihom l-amministrazzjoni Nazista u l-mexxejja tal-Mafia u gruppi kriminali oħrajn tal-istess qatgħa. Jien kont naf lil xi ħadd li nqatel billi spiċċaw dewbuh f 'kaldarun aċtu minħabba l-involviment tiegħu mal- kriminalità organizzata u l-ħsieb biss itellagħli l-istonku u l-idea li nibdew indewbu l-katavri u nfarrkulhom għadamhom ftit wara tolqotni bħala biżarrija kbira li xi ħaġa ġo fija (ruħi?) ma tistax taċċettaha. Ir-relazzjoni tal-bniedem ħaj mal-bniedem mejjet, jew aħjar tal-ġisem ħaj mal- ġisem mejjet, ittrasformat ruħha matul is-snin u tinbidel f 'soċjetajiet diversi li għandhom realtajiet kulturali differenti. Hemm ħafna ritwali li f 'għajnejn in-nies tal-Punent jistgħu jidhru biżarri jekk mhux ukoll orribbli, imma r-ritwali kollha, strambi kemm huma strambi, minbarra li dejjem jesprimu fiduċja li l-mejjet sejjer jgħix banda oħra, kollha u dejjem għandhom turija ta' rispett lejn il-mejjet. Fi kliem ieħor qabel daħlet il-mentalità ċinika li katavru huwa mbarazz li rridu naraw kif se neħilsu minnu, bħallikieku kien xi materjal abjett li rridu naraw x'se nagħmlu bih, il- ħajjin kellhom rispett kbir lejn il-katavri. Il-ġisem tagħna. Għallinqas sakemm għadu ħaj, ikun tagħna, u nqisuh tagħna. Anki l-mod kif nagħrfu li l-ġisem huwa tagħna jvarja skont iż-żmien u l-kultura. Waħda mill-imġibiet li tista' tgħid tinstab fid-dinja kollha hija x-xewqa li lil dan il-ġisem insebbħuh billi nżejnuh: illibbsulu l-ġojjellerija (ta' veru jew tal-plastik, ma tagħmilx differenza), inżellġulu l-kulur, fuq kollox nimmodifikawh kif jinteressa lilna. Il-modifikazzjoni tal-ġisem hija waħda mill-modi kif nasserixxu li ġisimna huwa l-proprjetà tagħna. Nistgħu nibdluh. Nistgħu nibdlulu l-forma billi ċċekknu jew inkabbru partijiet minnu; nibdlulu l-kulur tal-ġilda; intaqqbuh, nimlewh boċċi jew ponot tal-metall; nibdluh f 'mużajk jew f 'tila mimlija kuluri u xbihat u saħansitra testi; u elf ħaġa oħra. Din hija l-era tal-esperimentazzjoni bil-figura. Minbarra d-dieti biex dak li jkun jonqos fil- piż jew isaħħaħ il-muskoli, hemm modifikazzjonijiet aktar estremi. Dennis Avner kellu ossessjoni bit-tigra li kien jemmen li kienet it- totem tiegħu. Beda biex bidel ismu għal Stalking Cat u biex ikollu dehra kemm jista' jkun realstika ta' tigra tul ħajtu kellu tatwaġġ ma' ġismu kollu bil-kuluri u l-għamliet tal-pil tat-tigra, immodifika ħuġbejh, ħaddejh, xufftejh u saħansitra lsienu; skolpixxa difrejh u tawwalhom; u wasal biex anki għamel operazzjoni madwar ħalqu biex ikollu mustaċċi bħal tat-tigri. L-artist Ċiprijott Stelios Arcadiou fettillu jinstalla widna fi driegħu x-xellugi u hekk spiċċa bi tliet widniet minbarra li kellu wkoll driegħ mekkaniku mqabbad ma' ġismu biex kien hemm mument meta kellu anki tliet dirgħajn. Arcadiou wkoll bidel ismu, u llum huwa magħruf aktar bħala Stelarc. Imbagħad hemm Mireille Suzanne Francette Porte li minbarra li bidlet isimha wkoll għal Olran, kemm- il darba daħlet tagħmel operazzjonijiet tal-kirurġija plastika biex tieħu diversi dehriet, waħda m'għandha x'taqsam xejn mal-oħra. It-trasgressjoni mhijiex biss f 'esperimenti bħal ta' Stelarc li ġisem uman jibdlu f 'magna, jew flok par widnejn jispiċċa bi tlieta, imma tidher ukoll f 'esperimenti li jisfidaw id- diversifikazzjoni -sa ftit ilu ovvja u naturali - bejn is-sessi. Pereżempju Conchita Wurst, li mhux biss minn raġel issir mara, imma attwalment tidher it-tnejn f 'daqqa. Anki jekk il-motivazzjonijiet ta' Avner, Arcadiou, Porte u Wurst (u Alla biss jaf kemm oħrajn) huma differenti u differenti sew minn xulxin, hemm fil-komuni għaddej bejniethom: qegħdin jasserixxu li l-ġisem huwa proprjetà tagħhom u allura jistgħu jagħmlu bih dak li jridu. L-esperjenzi tagħhom jistgħu jitqiesu estremi, biżarri, stupidi forsi, imma huma stqarrijiet importanti. Imqar l-artifiċjalità tal-forom li jiżviluppaw għalihom infushom (u iva, għall-oħrajn li jħarsu) tinbidel f 'awtentiċità għaliex il-forma addattata hija l-forma li huma jridu jidhru biha. Jekk Conchita Wurst titla' tkanta l-kanzunetta tagħha għall-Eurovision bid-dehra femminili imma b'wiċċha nofsu miksi bid-daqna, se tkun qiegħda tgħid lil kulħadd li ġisimha għamlitu tagħha fl- aħħar, appuntu għaliex huwa tagħha. U l-modifikazzjoni tal-ġisem hija tradizzjoni antika: l-allat il-kbar Griegi, Kelti, Slavi u oħrajn isiru annimali, l-alla Mediterranju jsir kisra ħobż u belgħa nbid hekk kif iħares lejn dawn iż- żewġ oġġetti u jiddikjarahom bħala ġismu u demmu. Għaldaqstant, jekk dak li jkun għandu dritt li jimmodifika ġismu għax ġismu huwa tiegħu, jidhirli li bniedem għandu jżomm id-dritt fuq ġismu anki meta jmut. Il-katavru tiegħu għandu jkun hu li jiddetermina kif wieħed jiddisponi minnu. Waqt li xorta nibqa' nemmen li t-tidwib tal-katavri -aktar u aktar jekk imbagħad il- fdalijiet jispiċċaw fid-drenaġġ – huwa rit biżarr li huwa nieqes għal kollox mir- rispett li t-tradizzjoni kienet u għadha tgħallimna nuru lejn din l-unika proprjetà awtentika tagħna, naħseb li ħadd m'għandu jiddetta x'jagħmel b'ġismu, la f 'ħajtu u lanqas f 'mewtu. IMMANUEL MIFSUD DAN HU ĠISMI Conchita Wurst, se tkun qiegħda tgħid lil kulħadd li ġisimha għamlitu tagħha, appuntu għaliex huwa tagħha

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 4 May 2014