Illum previous editions

illum 4 May 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/306558

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 39

24 illum | Il-Ħadd 04 ta' Mejju 2014 Enerġija li tħalli riżultat Naħsdu dak li niżirgħu GĦANDNA gvern enerġetiku li qiegħed verament jindirizza l-kwistjonijiet ewlenin ta' pajjiżna. Gvern li għaraf x'kienu l-akbar problemi għall-familji Maltin u Għawdxin u telaq għal għonq it-triq biex dawn il- problemi jibdilhom fi sfida u f 'opportunitajiet. Għal kull min kien involut fil-proġett li permezz tiegħu raħħasna l-kontijiet tad-dawl u l-ilma huwa ta' sodisfazzjon kbir li rnexxilna nilħqu l-miri stipulati fiż-żmien propost. Għamilna dan għaliex emmina fil-proposti li ressaqna minkejja li l-partit Nazzjonalista u l-esponenti ewlenin tiegħu kienu jgħidulna li dak propost ma setax isir. Il-proposti tagħna kienu fattibbli u studjati u llum il- ġurnata qegħdin f 'sitwazzjoni fejn qed noffru lill-familji roħs ta' medja ta' 25% fuq it-tariffi tad-dawl u roħs ta' 5% fuq it- tariffi tal-ilma. Ir-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma se jħalli effett fuq l-ekonomija kollha kemm hi. Dan ir-roħs ifisser li l-familji se jkollhom aktar flus fil-but li jfisser li l-poter tan-nefqa tal-familji se jiżdied u dawn se jkunu jistgħu jirritornaw dawn il-flus fl-ekonomija meta jonfquhom f 'pajjiżna. Meta dawn il-flus jintefqu se jiżdied id-dħul għan-negozji kif ukoll għall-gvern filwaqt li dan ir- roħs jista' jirriżulta wkoll f 'żieda fl-impjiegi. Dan il-gvern irnexxilu joffri opportunità ġdida lill-Enemalta li tħalliet b'€840 miljun dejn. Minflok illum wara li ntgħażlet Shanghai Electric Power bħala imsieħeb strateġiku hemm sensiela ta' opportunitajiet ġodda li nħolqu biex pajjiżna joffri servizzi lil pajjiżi Mediterranji oħra. Fl-istess ħin il-Gvern introduċa bosta miżuri oħra bħal Servizz ta' Child Care b'xejn, naqqas l-income tax u qiegħed jagħti lura flus li tħallsu żejda bħala taxxa ta' reġistrazzjoni fuq karozzi impurtati mill-Ingilterra. Dawn il-miżuri ġew introdotti fl-istess waqt li pajjiżna rnexxielu jniżżel id-defiċit għal 2.8%. Għalkemm dawn l-inizjattivi huma kollha inizjattivi li se joffru għajnuna kbira lill-familji hemm miżuri oħra li għalija huma ta' importanza massima u li jindirizzaw l-edukazzjoni ta' wliedna sa minn età żgħira. Fl-opinjoni tiegħi fost l-aktar miżuri importanti hemm il-miżuri li tħabbru mill-Gvern riċentement u li jindirizzaw l-edukazzjoni tat-tfal tagħna. Dan il-pajjiż, taħt l-amministrazzjoni preċedenti abbanduna lil dawk it-tfal li l-aktar kellhom bżonn għajnuna. Li jkollok żgħażagħ itemmu il-ħames sena sekondarja tagħhom mingħajr ma jafu jiktbu u jaqraw hija sitwazzjoni inaċċettabbli. It-tħabbira ta' waħda mill- aktar proposti importanti tal-Manifest tal-Partit Laburista hija li dawk it-tfal li ma jgħaddux mill-ezami tal-O Level se jingħataw l-opportunità biex fis-sajf jkomplu jistudjaw ħalli jkollhom iċ-ċans li jgħaddu mill-eżamijiet. Din l-inizjattiva qed issir flimkien ma' programm ieħor għal dawk it-tfal li ma jmorrux tajjeb fl- eżamijiet u li se jkunu jistgħu jingħataw taħriġ vokazzjonali. Dawn l-inizjattivi jistgħu joffru lit-tfal tagħna futur aħjar 'il bogħod mill-prekarjat jew il-kriminalità. Jekk nagħtu lil dawn it-tfal tama għall-futur aħjar inkunu qed ngħinu lis-soċjetà kollha kemm hi. Permezz ta' dawn l-inizjattivi se nkunu qed ngħinu 2,000 żgħażugħ u żagħżugħa permezz ta' €3 miljun f 'fondi mill-Unjoni Ewropea. Dan il-gvern qed jgħin u jindirizza lil dawk il-persuni li għandhom bżonn l-għajnuna biex jimxu 'l quddiem imma fl-istess waqt qiegħed joffri l-għajnuna meħtieġa lil dawk il-persuni li kapaċi jimxu 'l quddiem u jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom. B'kollox dan il-gvern investa €4 miljun f 'boroż ta' studju favur studenti Maltin u Għawdxin biex ikomplu bl-istudji tagħhom. Din hija Malta li rrid ngħix fiha jien. Malta li tgħin lil min għandu bżonn l-għajnuna biex jimxi 'l quddiem u Malta li toffri l-appoġġ meħtieġ lil dawk li kapaċi javvanzaw f 'ħajjithom u fl-istudji tagħhom. Il-Partit Laburista kif qed iwettaq inizjattivi għall-ġid tal-familji mill-Gvern, se jkompli jaħdem għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin mill-Parlament Ewropew. Għalhekk li l-elezzjoni tal-24 ta' Mejju 2014 hija importanti għaliex din hija elezzjoni li tista' tkompli tikkonsolida l-ħidma ta' dan il-gvern. Miriam Dalli hi kandidata għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f 'isem il-Partit Laburista ILNA 10 snin membri tal-Unjoni Ewropea. Għaddew bħal żiffa. Nhar l-Erbgħa ċċelebrajna dan l-avveniment bħala wieħed mill-anniversarji importanti li għandna din is-sena. Aħna lkoll aħwa Maltin u l-ġrajjiet li sawru lil dan il-pajjiż kienu ġrajjiet ta' poplu sħiħ, u għaldaqstant bix-xieraq li niċċelebraw flimkien. Jien dejjem emmint li aħna żgħar wisq biex nibqgħu maqtugħin mill-kumplament tal-Ewropa, dejjem emmint li kellna nidħlu niffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea, u l-uniku mistoqsija li kelli kien dwar kemm se nkunu effettivi fil-parlament Ewropew meta tqis li għandna ftit membri jirrappreżentawna kkumparati ma' pajjiżi kbar. Illum nirrealizza però, li mhux kemm int kbir jgħodd imma x'attitudni jkollok li tagħmel id-differenza. L-Inglizi għandhom espressjoni li tgħid "its not the dog in the fight but the fight in the dog that counts" u naħseb li din l-espressjoni verament ġegħlitni nieqaf naħseb kemm kelli nħares lejn l-effettività tagħna fil-fora Ewropej b'mod aktar miftuħ. Biex inkun ġusta miegħi nnifsi, l-attitudni li ħadna bħala Maltin dejjem kienet riflessjoni kważi kważi ta' sens ta' inferjorità. Ma konniex preżenti biex niddettaw l-aġenda, konna hemm biex nivvutaw fuq affarijiet li kien poġġihom fuq l-aġenda ħaddieħor. Ma kienx hemm ħafna okkażjonijiet fejn għamilna proposti aħna u għaldaqstant dak li għalina kien partikolarment importanti rari daħal fid-diskussjoni. B'daqshekk ma rridx ninftiehem qisu l-Unjoni Ewropea ma ġabitx ġid lejn pajjiżna, għadni nemmen fiha llum daqs kemm kont nemmen fiha għaxar snin ilu għaliex nemmen illi Malta tibbenefika aktar bħala membru milli kieku baqgħet tferfer waħedha, però nemmen illi wasal iż-żmien illi nħaddnu metodu aktar pro-attiv ta' kif issir il-politika biex verament nibdew nieħdu sehem sħiħ fil-politika Ewropea filwaqt illi nqarrbu din l-istess politika lejn il-poplu. Illum il-ġurnata jekk issaqsi lil xi ħadd Malti x'inhi l-Unjoni Ewropea il- probabbiltà hi li jsemmilek sensiela ta' istituzzjonijiet, jew li jsemmilek lil Brussell. Jiena nixtieq nara l-Unjoni Ewropea tinħass aktar bħala għaqda ta' popli li ġew flimkien biex itejbu ħajjet xulxin, biex ikollhom ekonomija aktar b'saħħitha magħqudin flimkien milli mitluqin għal riħhom, biex ikollhom livell ta' għixien aktar għoli, faċilità ta' mobbiltà akbar fil-kontinent u impenn fil-qasam tax-xogħol fost affarijiet oħra. Issa li għadna kemm iċċelebrajna wkoll Jum il- Ħaddiem fl-ewwel ta' Mejju ta' min jgħid li l-impenn ta' dan il-gvern fil-qasam tax- xogħol qiegħed jagħti l-frott. Ftit tax-xhur ilu kont laqgħa fi Brussell bħala chairperson tal-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Malti fejn iddiskutejna fit-tul il-qasam tax-xogħol, speċjalment ix-xogħol fost iż-żgħażagħ u deher biċ-ċar li l-Unjoni Ewropea qiegħda tagħmel sforz sabiex il-ħaddiem tagħtih prijorità. Ibda biex tkellimna fuq il-garanzija għaż-żgħażagħ, garanzija ta' tagħlim, taħriġ jew xogħol għaż-żgħażagħ tagħna, xi ħaġa li dan il-gvern poġġa fuq quddiem nett tal- aġenda politika tiegħu anke qabel ma ħaddnet il-kunċett l-Unjoni Ewropea. Dan għaliex sa mill-bidu nett dan il-gvern irrealizza li l-edukazzjoni u t-taħriġ imorru id f 'id max- xogħol. Tgħiduli qabel ma konniex nafuha din? Iva, konna nafuha imma ma konna nagħmlu xejn dwarha, u dik id-differenza bażika. Jekk aħna qed nagħtu spinta liż-żgħażagħ fl-edukazzjoni qed nagħmlu dan bil-fatti. Żidna l-istipendji u tajna stipendju lil min avolja stinka spiċċa m'għaddiex minn xi eżami biex minflok jaqta' qalbu jerġa' jipprova. Issa qed noffru wkoll privat bla ħlas għal dawk iż-żgħażagħ li ma jgħaddux mill-eżamijiet tas-SEC biex huma wkoll ikollhom ċans ieħor jirnexxu. Qegħdin naħdmu bi sħiħ fuq l-apprentistati sabiex iż-żgħażagħ ma jkollhomx il- problema li meta jfittxu xogħol ma jiġux aċċettati għaliex m'għandhomx esperjenza. Qegħdin ukoll inħarsu bis- serjetà lejn il-prekarjat u fl-istess ħin impenjati bis-sħiħ lejn ħolqien ta' mpjiegi ġodda u ta' kwalità. Qegħdin nagħmlu dan f 'qafas ta' livelli Ewropej sabiex il-poplu verament iħoss l-Unjoni Ewropea aktar viċin tiegħu, aktar hemm għalih. F'dan l-anniversarju tad- dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea x-xewqa tiegħi hi li l-Maltin li ser ikunu qed jirrappreżentawna fl- istituzzjonijiet Ewropej jibdew ikunu aktar kunfidenti fil- kapaċitajiet tagħhom u jaħdmu biex ikunu huma li jixprunaw inizjattivi ġodda, inizjattivi li jirriflettu valuri soċjali bl-għan li l-pajjiżi żgħar bħal tagħna ma jaqgħux lura. Inħallu s-sens ta' inferjorità warajna u mmorru fl-istituzzjonijiet mimlijin enerġija pożittiva li tinfluwenza l-aġir ta' ħaddieħor għal Ewropa eqreb lejn iċ- ċittadin. Deborah Schembri hi kandidata għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f 'isem il-Partit Laburista MIRIAM DALLI DEBORAH SCHEMBRI

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 4 May 2014