Illum previous editions

illum 1 June 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/321744

Contents of this Issue

Navigation

Page 21 of 39

22 illum | Ħadd 01 ta' Ġunju 2014 MHUX kull min għandu għajnejh griżi kulur il-ħġieġ u wiċċ anġeliku għandu triq faċli quddiemu. Għax min għandu ponta u min għandu musmar. Ħafna drabi mhux kulħadd ikun kuntent b'dak li għandu. Ħafna drabi difett wieħed ċkejken anke jirnexxielu jtelliflek xi ħolma li jkollok, jekk ma tkunx kapaċi tgħelbu. Hawn ukoll min jaħseb li l-ħajja tkun aktar faċli meta wiċċek ikun sabiħ. Iżda sabiħ jew ikrah dejjem issib parti mill-ħajja li trid tissielet kontriha u l-uniku mod biex tirbħilha hi bil- pożittività. Għalhekk illum se nlaqqgħakom ma' gladjatura żagħżugħa, mudella b'wiċċha ma tpinġihx, iżda li wkoll trid tiġġieled kontra ċerti kurrenti biex tasal fejn tant tixtieq tasal. Lorita hi mudella Għawdxija b'għajnejn isaħħruk u b'figura petita u mill-aktar senswali iżda hi kemmxejn qasira għal dan il-ġeneru li tant tħobb. Għalkemm dan il-fatt anke jekk idejjaqha qatt ma ħallietu jxekkilha milli tirbaħ diversi konkorsi tas-sbuħija, bl-aħħar wieħed mirbuħ hu dak ta' 'A New Star Malta 2013'. Lorita Curmi twieldet 22 sena ilu f 'Ta' Sannat Għawdex. Hi l-unika bint ta' Joseph u Anna. Lorita taħdem bħala LSA fl-iskola primarja ta' Pembroke f 'Malta tieħu ħsieb tfal b' down syndrome. Bdiet il-ħajja ta' mudella sitt snin ilu meta kellha 16-il sena wara li xi ħbieb tagħha applikawlha għal konkors u tawhielha sorpriża, "Sa dak iż-żmien ma kontx naħseb biex insir mudella. Kien moħħni biex niżfen u kelli ħolma li nsir żeffiena. Iżda billi jien tfajla avventuruża dħalt għal din l-isfida fl-immudellar. F'dawn is-sitt snin kelli diversi esperjenzi sbieħ," qaltli Lorita, "l-immudellar sar parti minni fejn ix-xagħar, il-make-up, il-ħwejjeġ, il-fashion shows u l-konkorsi saru l-prijoritajiet f 'ħajti." Lorita rebħet diversi konkorsi u rrapreżentat lil Malta fil- Ġermanja, il-Portugall u l-Italja. Iżda l-akbar xewqat tagħha f 'dan il-qasam huma li tidħol għal Miss Malta u tirbaħ Miss Face of Malta. Sadattant innutajt li minn meta ltqajt magħha l-ewwel darba xi ġimgħa ilu għal-laqgħa li kellna għal din l-intervista, Lorita kellha bidla sew fl- istatura tagħha. Ġimgħa ilu kienet itwal minni, dil-ġimgħa kienet iqsar minni għax kienet mingħajr it-takkuna għolja, għolja. Tlabtha tgħidli kemm hi twila u mill-ewwel urietni li ma kienet xejn komda bit-tul tagħha, "Ma nixtieqx inkun naf kemm jien twila u qatt ma tkejjilt. Naf żgur li l-qosor tiegħi f 'dan il-qasam ġieli jkun ta' xkiel fejn mudelli oħra li jkunu itwal minni. Iżda dan ma jaqtagħlix qalbi u xorta nagħmel l-almu tiegħi biex nirbaħ. Għax mudella barra d-dehra u t-tul irid ikollha personalità anke jekk ħafna jqisuha bil-kontra." U hawn fejn Lorita tirbaħ fuq in-nuqqas ta' tul tagħha għax fejn tidħol personalità u karattru, Lorita hi kbira ħafna. "Jien nemmen fija nnifsi," kompliet Lorita, "iżda kapaċi nagħraf min hu aħjar minni wkoll u nagħraf mill-ewwel jekk inkunx se nirbaħ konkors jew le. Dwar it-tul ma nista' nagħmel xejn u għalhekk naħdem ħafna fuq il-mod kif nimxi fuq il-catwalk u nitbissem b'mod naturali. Inkun jien. Dan dejjem waqt konkorsi għax waqt fashion shows m' għandix inkwiet għax hemmhekk int magħżula minn nies professjonali. Jien qatt ma gergirt meta ma rbaħtx. Iżda nqis li l-isbaħ mumenti tiegħi meta noħroġ fuq il-catwalk, inkun eċċitata u dawk it-tliet minuti ma nkun irridhom jispiċċaw qatt." Hawnhekk fakkartha li hi anke jekk ma tindunax għandha ġlieda kontra tliet elementi fid-dinja tal-immudellar, l-ikel, il-problemi ta' kuljum u l-ġurija. Hawnhekk tbissmitli waħda u qalti, "dwar ikel m'għandi l-ebda problema għax jien bl-ilma biss ngħix, m' iniex wikkiela u minn meta kont żgħira qatt ma kont inħobb ħafna l-ikel, għalkemm xorta waħda għandi dieta bilanċjata. Waqt ix-shows inħalli l-problemi d-dar u nikkonċentra fuq il-mixja u t-tbissima. U mill-ewwel naċċetta l-ġudizzju tal-ġurija fuqi għax nemmen li dawn huma nies professjonali. Li hu żgur hu li jien ma jiena se nkellem l-ebda membru tal- ġurija jew nagħmel xi ħbiberija magħhom biex dan jagħmel xi favuri miegħi. Irrid nirbaħ bil-ħila tiegħi biss għax dak hu s-sodisfazzjon." Lorita hi tfajla li twieġeb dak kollu li tistaqsiha mingħajr tlaqlieq u meta staqsejtha jekk għax timmudella b'lingerie jew bil-bikini l-irġiel iħarsux lejha bħala 'easy' ma qablet miegħi xejn. "Għandek żball, anzi, meta tkun mudella ħafna rġiel jibqgħu lura milli jistaqsuk biex toħroġ magħhom għax jaħsbuk li int 'snob' u diffiċli. Anke l-boyfriend li għandi kien qalli li kieku kien jaf li kont mudella kien jaħsibha jistaqsinix biex noħroġ miegħu għax kien jibża' li ngħidlu le. Iżda rrid ngħid li għandi boyfriend jissapportjani ħafna. Barra hekk jien normalment ma noqgħodx ngħid li jien mudella ma' kull min niltaqa'." Bħala Għawdxija Lorita tqis li fil-gżira nattiva tagħha m'hemmx opportunitajiet għal min iħobb l-immudellar, "M'hawn l-ebda bieb miftuħ għalina f 'Għawdex. Iżda jien tfajla determinata li nirnexxi u ma naqtax qalbi nivjaġġa bejn il-gżejjer anke sa tard bil-lejl." Din it-tfajla b'ħarsa li ssaħrek meta tibda titkellem fuq l-immudellar tinsa kollox u għajnejha jixgħelu. Imma nistaqsi jien dan ix-xogħol kemm qed jagħtiha introjtu żejjed? "Haha…L-immudellar f 'pajjiżna tonfoq minn butek u ma ddaħħal xejn. Min jaħseb li se jgħix bl-immudellar iħabbat bieb ieħor. Jien għal konkors ġieli infaqt libsa ta' €600 u dawn inġibhom billi naħdem u nfaddal. Kultant iddaħħal xi ħaġa mill-fashion shows, inkella minn xi photoshoot, iżda mhux biżżejjed għax ħafna drabi qas dawn ma jħallsuk jew iħallsuk b'xi libsa. "Però nixtieq li nintgħażel għal xi reklam fuq billboard, u forsi nirreklama b'wiċċi lil Għawdex." Tlabtha tgħidli x'tibdel minn ġisimha kieku kellha tingħata l-opportunità li tagħmel operazzjonijiet kosmetiċi, pront pront weġbitni "bla dubju saqajja. Xi ħadd qalli li tista' ttawwalhom u kieku nkun naf fejn nara kif nagħmel biex intawwal saqajja." Tkellimna ftit dwar l-anoressja fil-mudelli fejn qaltli li dan ma jseħħx fil-mudelli f 'Malta għax l-anoressja ssir minn mudelli li jitħallsu b'mod professjonali u għalhekk biex ma jitilfux l-introjtu tagħhom jagħmlu minn kollox biex ma jeħxinhux gramma waħda. Iżda barra l-immudellar Lorita għandha ħolm ieħor għal ħajjitha, "bħala konkorsi kif taqbeż il-25 sena tista' tinsihom. Għalkemm nixtieq li nibqa' nimmudella fil-fashion shows. Iżda l-ħolma tiegħi hi bħal kull mara oħra, jiġifieri li nrabbi familja. Għalkemm ikolli nammetti li ma tantx nipprova naħseb fuq it-tqala għax ma nistax nimmaġina lili nnifsi b'żaqqi kbira." U hawn daħket u kompliet titkellem dwar il-ħolm tagħha, "nixtieq ukoll navvanza fl-istudji tiegħi ta' LSA." Bħala mudella Lorita tfittex raġel b'figura perfetta? Hawnhekk kemmxet xufftejha u filwaqt li tat daqqa ta' ras lura qaltli li lanqas xejn, "ma jinteressanix ikollux six pack. Jinteressani l-karattru tiegħu." Għalkemm ammetiet ukoll li l-boyfriend tagħha għandu six pack. Lorita qaltli wkoll li t-tfajliet iridu jifhmu li ħadd mhu perfett, "kulħadd hu sabiħ. Min għandu xagħru, min għandu għajnejh, min saqajh eċċ. Li hu żgur hu li ħadd mhu perfett. Nagħti parir lil kull tifla li toħlom li tkun mudella li tkun kuntenta kif inhi u kburija biha nnifisha. Fl-istess waqt 'aim for a goal and do your best to achieve it', dak hu l-motto li dejjem nimxi bih." Dwar il-karattru tagħha qaltli li hi tħobb tgħin ħafna u x-xogħol full time tagħha ta' LSA juri dan. Dehret tfajla ferriħija mimlija pożittività, "Iżda nibki wkoll. Jien sensittiva ħafna u kull tip ta' firda tbikkini." L-isbaħ ġurnata? "Għadha ma waslitx. Għalkemm nixtieq ħafna nirbaħ il-konkors 'Face of Malta'." Nawgurawlha. Din l-istorja ta' Lorita wassaltielkom għax naf li hawn ħafna u ħafna tfajliet żgħar li joħolmu li jkunu f 'din id-dinja tal-moda u jaħsbu li trid tkun perfetta biex tirnexxi. Iżda Lorita qed turi kif ħadd mhu perfett u f 'dak li jidher perfett dejjem ikun hemm imperfezzjoni. U biex tirbaħ din l-imperfezzjoni trid toħroġ l-aħjar li għandek u temmen fik innifsek għax kulħadd għandu s-sbuħija tiegħu. Gladjaturi tal-Ħajja Il-qosor ixekkilha iżda le jirbħilha John Busuttil jbusuttil@mediatoday.com.mt Lorita Curmi Nixtieq li nintgħażel għal xi reklam fuq billboard

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 1 June 2014