Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/326226
Il-Ħadd 08 ta' Ġunju 2014 | illum 17 ma' Joyce Grech Joyce Grech - ilha taħdem l-mezzi tax-xandir u d-divertiment mill-1993. Ħadmet t-teatru, televiżjoni, radju, gazzetti u rivisti kif ukoll bħala għalliema. FREDERICK ATTARD fattard@mediatoday.com.mt Imwielda New York hux hekk? Hekk hu. Preċiżament fil- belt ta' Manhattan, magħrufa bħala 'The Big Apple'. Sal- lum nattribwixxi s-sens ta' avventura u l-imħabba tiegħi għal bliet kbar u kosmopolitani għal dan iż-żmien għalkemm il-ħajja f 'New York meta kont żgħira jien hu differenti ħafna mis- sitwazzjoni preżenti. Sal-lum għandi rabta diretta mal-Istati Uniti, kemm minħabba li għandi ċittadinanza Maltija u dik Amerikana, kif ukoll għax b'mod volontarju nagħmel parti minn NGO bl-isem ta' Stars and Stripes Malta li tgħaqqad lil dawk li għandhom rabta mal-Istati Uniti f 'Malta flimkien. X'tiftakar mill-Amerika? Niftakar ħafna għax għext kważi għaxar snin hemmhekk. Niftakar l-iskola tas-sorijiet u l-camping fis- sajf. Niftakar li morna darba biss l-baħar u wara xi erba' sigħat fit-trejn, wasalna u konna ddiżappuntati għax ma kien xejn sabiħ bħall-baħar ta' Malta. Niftakar postijiet bħall-Istatwa tal-Libertà, it-Twin Towers u l-ġmiel ta' siġra tal-Milied f 'Rockefeller Center. Niftakar il-ksieħ tax-xitwa u lil missieri jqum mal-lejl jimpala l-borra kuljum. Ma nistax ninsa l-ġranet li qattajt ma' tfal oħra ta' familji Għawdxin fil-park Carl Schurz nilgħab fis-sandboxes u niftakarni noħlom b'Superman ġej minn fuq ix-xmara ta' ħdejna. Idoli oħra ta' tfuliti kienu Little Orphan Annie, E.T. u Michael Jackson. It-tfulija f 'Għawdex? L-isbaħ ħaġa fiż-żmien li għaddejt Għawdex kien is-sens ta' libertà li ma kellix f 'New York. Għal bidu kienet diffiċli nifhem kif in-nies iħallu ċ-ċavetta fil-bieb u l-karozza miftuħa. Kelli wkoll nidra malajr ħafna nikkomunika bil-Malti għax f 'sena ridt nagħmel l-eżami tal-Junior Lyceum u allura l-ewwel ftit żmien kien diffiċli ħafna. Konna wkoll għaddejjin minn mard fil-familja. Però ż-żmien f 'Għawdex laqqagħni ma' ħbieb tal-qalb li għalkemm għadda ħafna żmien, xorta baqgħu speċjali ħafna. F'Għawdex ukoll bdejt l-ewwel lezzjonijiet tad-drama, li kellhom iħallu impatt fuq ħajti kemm professjonalment u personalment. X'kien li għażilt li tistudja l-ġurnaliżmu? Jiena studjajt il-ġurnaliżmu f 'livell ta' Masters wara li kont ksibt il-Baċċellerat fl-Arti, fl-Istudji Teatrali u l-Komunikazzjoni. Dak iż- żmien kont ilni ġa naħdem fil- qasam tax-xandir għal għaxar snin, 3 snin part time u seba' snin full time. Għalkemm ħdimt f 'diversi oqsma tal- mezzi tax-xandir, kont inħoss l-akbar sodisfazzjon meta nkun ipproduċejt programm jew ktibt artiklu li kellu element ta' riċerka imma angolu imprevedibbli u għalhekk għażilt li nispeċjalizza f 'dal-qasam. Għalkemm jinteressani kull tip ta' ġurnaliżmu, inħoss li l-ġurnaliżmu kulturali hu l-qasam li l-aktar li ħdimt fih. Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn ir-radju u t-televiżjoni? Minn età żgħira niftakarni nilgħab li qed nagħmel programm tat-televiżjoni jew tar-radju jew li kont xi DJ... però niftakar meta kelli xi 16 il-sena, rajt l-ewwel OB Unit ixandar kollegamenti tal-istrina minn Għawdex u dakinhar ħassejt li ridt inkun parti mix-xandir lokali. Inti kont tifforma parti mill- istazzjon Education 22, kif tiddeskrivi dik l-esperjenza? Education 22 kien l-ewwel esperjenza tiegħi ta' xogħol ta' xandir full time, fejn ħdimt bħala producer, direttur, u preżentattriċi. B'xorti tajba, kelli nitgħallem ħafna mill- Kap tal-istazzjon Charles Xuereb li għallimni ħafna dwar l-etika fix-xandir, kif ukoll aktar 'il quddiem kelli esperjenza importanti taħt kap ieħor ta' Education 22, Stephen Azzopardi, li permezz tagħha, ħolma oħra tiegħi, li xogħli jintwera fuq stazzjon f 'pajjiż ieħor saret realtà. Għal perjodu kont ukoll immexxi l-istazzjon, u allura tgħallimt ħafna dwar l-immaniġġjar. Għalkemm bqajt nipproduċi u nippreżenta programmi, però nistqarr li nimmissja d-direzzjoni teknika. Illum it-telespettaturi japprezzaw li d-direttur hu pedina importanti ta' responsabbilità kbira speċjalment f 'programmi televiżivi diretti fejn kull żball jidher ħafna. Programm li kont nidderieġi li jibqa' f 'qalbi hu l-programm tal-ġurnaliżmu dwar il-futbol Line Up li kien isir il-Ħadd filgħaxija. X'inhu, fl-opinjoni tiegħek, dak l-ingredjent li jagħmel programm televiżiv interessanti? Hemm ħafna aspetti imma bla dubju tispikka l-oriġinalità. Sfortunatament, naraw ħafna programmi li l-formola tagħhom tkun ikkupjata. Aspett ieħor hu r-relevanza għall-ħajja tal-udjenza tiegħek. Bħala persuna tat-televiżjoni ma nistax ma nsemmix ukoll il- kwalità teknika u l-kreattività tad-direttur. Irrakkuntali r-rabta bejn Joyce u l-kotba! Il-kotba kienu l-babysitters ta' tfuliti u kibru miegħi. Id-dar għandi kamra mimlija b'kobta ta' kull tip. Servejt bħala Direttur Eżekuttiv tal- Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fejn kelli l-opportunità nidħol f 'din l-industrija u norganizza l-ikbar attivitajiet nazzjonali li jsiru fil-qasam, fosthom il-Fiera tal-Ktieb u l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Sal-lum għadni nippromovi l-kotba permezz ta' programmi u artikli, kif ukoll ngħin lill- awturi fil-promozzjoni. Apparti l-kotba għandek ukoll passjoni kbira lejn il- films, partikolarment il-films qosra, tant li waqqaft il- Malta Film Foundation. Il-films minn dejjem kienu jaffaxinawni u l-ewwel programm tal-films li għamilt kien Xowkejs għal One TV li kien juri films Maltin li kienu saru fuq formats antiki u allura l-pubbliku ma kellux l-opportunità li jarahom. Minn hemm, flimkien ma' Tony Parnis, li kien id-direttur tal-programm, bdejna nipproduċu l-Malta Short Film Festival li jintwera fuq TVM. Il-proġett kiber b'mod li ma konniex qed nistennew, u fl-ewwel sena rbaħna unur għall-Aħjar Programm Kulturali tal-2009 fil-Malta Television Awards. Iktar tard, xtaqna nagħtu struttura aktar formali għall- attivitajiet tagħna u waqqafna l-Malta Film Foundation. Għamilna wkoll attivitajiet oħra, fosthom, Tribute to Joseph Calleia, attur Malti li ħadem f 'aktar minn 50 film f 'Hollywood. X'se nistennew li naraw din is-sena waqt il-Malta Short Film Festival? Din is-sena kellna parteċipazzjoni rekord ta' aktar minn 1700 film minn pajjiżi differenti u 9 minnhom Maltin. Bħalissa qegħdin fil-fażi tal-evalwazzjoni preliminarja u fil-ġimgħat li ġejjin, inħabbru l-għażla uffiċjali. Din is-sena peress li hemm it-Tazza tad-Dinja, se jkollna sensiela iqsar minn tas-soltu, imma nassigurakom li se jkun hemm ħafna films interessanti . Joyce u l-vaganzi? Jien inħobb is-safar u kemm minħabba xogħol u anke għal divertiment, is-safar dejjem hu prijorità. Il-vaganzi jservu wkoll biex niltaqa' ma' ħbieb li nkun ilni ma nara, speċjalment f 'Għawdex u mal-familja. X'inhu dak li jtik kuntentizza fil-ħajja? Jien nipprova nsib kuntentizza f 'affarijiet ta' kuljum, f 'kikkra kafè tajba, ċajta jew esperjenza ġdida. Inħoss li nifraħ bil-kisbiet ta' ħaddieħor, anke nies li ma nafhomx personalment. Il-ħin li nqatta' ma' ħbieb, kollegi u familja jtuni sodisfazzjon kbir. Però nammetti li l-ħin li nqatta' waħdi hu daqstant importanti. Ix-xogħol fil- mezzi tax-xandir ipoġġik fi spotlight li jkollok bżonn toħroġ minnu biex ikollok bilanċ f 'ħajtek. Ħames Minuti