Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/329967
Il-Ħadd 15 ta' Ġunju 2014 | illum 17 ma' Miriam Christine Miriam Christine - kantanta, kompożitrici, għalliema u omm. Single u toqgħod il-Mosta. L-istilla tagħha hija l-Kankru, tħobb il-baħar, issiefer, issajjar, toħroġ tiekol, l-isport (tarah biss iktar milli tipprattikah), il-qari, shopping, u bla dubju l-mużika. FREDERICK ATTARD fattard@mediatoday.com.mt Imwielda f 'Goias il-Brażil imma trabbejt f 'Għawdex, x'tiftakar minn tfulitek? Kont tifla kwieta ħafna. Ħafna drabi kont nippreferi nkun wahdi nilgħab bil-pupi jew inkella nkanta u niżfen. Iżda l-aktar memorji li għandi għal qalbi huma dawk ta' meta kont immur ġurnata l-baħar mal-papa u l-mama, jew inkella fl-għelieqi niġbru l-frott u l-ħaxix. Memorji li se jibqgħu miegħi għal dejjem. Bdejt iddoqq il-pjanu ta' sitt snin hux hekk? Bdejt inkanta u ndoqq il-pjanu fl-istess żmien. Il- mużika minn dejjem kienet fija, almenu hekk tgħid il-mama. Dejjem ħsiebni biex niżżegleg quddiem il-mera, nitkaħħal mat-televiżjoni kull meta nisma' l-mużika, u niġri bit-turnaviti tal-papa taparsi għandi mikrofonu u nkanta u nwerżaq! Riċentament tlift il-papa tiegħek… Dawn l-aħħar ftit xhur kienu difficli ħafna. Ħafna nies isofru telfa fil-ħajja. Iżda għal kemm tkun taf li xi darba dan id-destin ikun irid imiss lilek ukoll, qatt ma tkun preparat għal weġgħa tal-qalb. Fl-istess ħin, għal kemm nimmisjah ħafna, għandi ħafna paċi f 'qalbi għax naf li jien ixxurtjata ħafna li gawdejtu għal ħafna snin, u kont hemm għalih sa l-aħħar. Lura għall-karriera tiegħek, In A Woman's Heart . . . Kanzunetta u żmien li żgur li qatt mhu se ninsa. L-1996 kienet sena specjali ħafna. Esperjenza unika li għalkemm ġiet kmieni f 'ħajti, għallmitni ħafna. Grazzi għal dan iċ-ċans li kelli, iltqajt ma' ħafna nies, għamilt kuntatti, żort ħafna pajjiżi, u fuq kollox kantajt fuq dak il-palk meraviljuż. Min qatt kellu jgħidli li mill-Brażil se nispiċċa fuq il-palk tal- Eurovision?! Illum x'hemm f 'qalbek, it- tifel Rio? Illum f 'qalbi hemm ħafna paċi. Nirringrazzja lill-Mulej kull waqt u kull mument talli għażilni u tani ħajja tant inkredibbli. F'qalbi għandi mħabba kbira għal mama tal-Brażil li għamlet sagrifiċċju enormi meta tatni għall- adozzjoni biex ikolli ħajja aħjar. Għal papa li għalkemm issa qed iżomm idejh fuqi mill-Ġenna, se nġorru f 'qalbi kull fejn immur. Għal mama Reġina li hija l-aktar mara speċjali u unika fid-dinja għalija. Għall-ħbieb li huma dejjem hemm għalija f 'kull mument ta' ħajti, sewwa dak diffiċli u sewwa dak sabiħ. Għal dawk kollha li xi darba kienu f 'ħajti u li issa m'għadhomx talli b'xi mod jew ieħor għenu sabiex sirt il- persuna li jien illum. Iżda fuq kollox għat-tifel Rio li għamilni omm u urieni kif insib it- triq biex ngħix bl-ahjar mod possibbli. Fl-2008 int kont waqqaft il- Gozo Children's Choir . . . Kien żmien sabiħ ħafna. Kelli rispons qawwi ħafna f 'Għawdex. Kellna l-opportunità li nkantaw fuq it-televiżjoni u f 'ħafna okkażjonijiet importanti. Sfortunatament imbagħad wasal żmien fejn kelli nieqaf minn din l-esperjenza. Iżda żgur li se nibqa' niftakarha għal dejjem. Qed taħdem fuq xi ħaġa partikolari bħalissa? Bħalissa għandi diversi proġetti li bdejt naħdem fuqhom. Eċitata ħafna fuq dan is-sajf u s-sena d-dieħla. Iġri jasal kollox! Iżda fil-ħajja tgħallimt li kollox f 'ħinu u f 'waqtu! Tippreferi s-sajf jew xitwa! Is-sajf bla ebda dubju. Jien inħobb il-baħar, xemx, ikliet mal-ħbieb, safar, u norqod ukoll! Fis-sajf ikolli ċ-ċans nagħmel dan kollu u nipprova ngawdi kemm nista'. Viva s-sajf! X'inhu dak li jgħamlek kuntenta fil-ħajja? Kollox! Li sempliċiment niftaħ għajnejja u nqum filgħodu sabiex ngħix ġurnata oħra huwa biżżejjed. Il-ferħ u l-kuntentizza jiġu minnek biss. Huma għażla. Jien nagħżel li ngħix kuntenta. Bħalissa għandna xahar mimli futbol, nassumi li mal- Brażil se żżomm hux? Brażil għal dejjem! Ilni nsegwi l-World Cup minn mindu kelli tmien snin. Iffissata bl-ikrah fuq il-futbol (u anke sport ieħor). Għandi xahar imkaħħla mal-mezzi tax- xandir. U din is-sena speċjali għax mill-Brażil! Il-ħolma li għad triq twettaq Għandi ħafna ħolm li xi darba jew oħra, jekk il-Bambin irid se nwettaq żgur. Ċertu ħolm u xewqat inħobb inżommhom għalija. Iżda ħolma li għandi hija dik li xi darba nixtri sailing boat. Il-baħar inħobbu ħafna u nixtieq ingawdih iżjed. Ħames Minuti L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 400 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email illum@mediatoday.com.mt Ittri Isle of MTV Nifraħ lill-membri eletti Ewropej EDWARD TORPIANO FLORIANA KUNSILLIER Peress li għal darb'oħra wasal l-Isle of MTV fuq il-Fosos tal- Furjana, jien bħala kunsillier f 'din il-lokalità nixtieq niddikjara li dejjem kont favur li jsir dan l-ispettaklu ta' mużika taħt ċerta kundizzjonijiet kemm qabel, taħt gvern Nazzjonalista, kif ukoll issa taħt gvern Laburista u dan għar-raġuni li l-ħwienet li jbiegħu x-xorb ikunu jistgħu jaqilgħu l-għixien ġust u xieraq tagħhom. Jien m'għamiltx bħal persuni oħra li qabel kienu kontra li ssir din l-attività u issa huma favur. ALFRED SCIBERRAS BIRKIRKARA NIFRAĦ immensament u tassew prosit lill-erba' nisa li ġew eletti bħala membri tal- parlament Ewropew. B'umiltà u rispett intom mitlubin u għandkom id-dmir li twasslu l-vuċi, ilmenti u dak kollu li jkun tajjeb għalina l-Maltin u l-Għawdxin. Aħna bil-vot tagħna tajnikom il-fiduċja u ġejtu eletti. Jien, għalija u ħafna nies oħra, nippretendu li twasslu l-ilmenti tagħna dwar il-famuż qorti ta' Malta u d-dewmien fit-tul daqs għomor ta' bniedem. Fejn jekk jien ma nidhirx quddiem il-qorti niġi mmultat filwaqt li jekk l-Avukat jew is-Sur Imħallef ma jidhirx, il-kawża tiġi differita u qisu qatt ma ġara xejn. Jien kelli kawża li tawlet 22 sena filwaqt li ltqajt ma' bniedem li qal li kien ilu jistenna 43 sena biex tinqata' l-kawża tiegħu. Nitlobkom li tieħdu ħsieb din is-sitwazzjoni bis-serjetà.