Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/333854
Il-Ħadd 22 ta' Ġunju 2014 | illum 17 isir it-tibdil intern, kellek il-bidla fit- tmexxija ġdida u l-problemi finanzjarji li b'xi mod kollha affetwaw il-fiduċja fl-istituzzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Bħal ma jiġri f 'kull bidla, n-nies trid iż-żmien biex tidra u taċċetta l-bidla u jista' jkun li bil-kriżi finanzjarja tal- partit, il-fiduċja kompliet titnaqqar. Iżda x-xogħol beda u avolja f 'sena biss l-affarijiet illum huma ferm aħjar jew ikkontrollati aħjar milli kienu. Imma issa li fadal ftit aktar minn tliet snin u nofs għall-elezzjoni ġenerali, x'inhuma l-affarijiet li int tissuġġerixxi lil Simon Busuttil bħala importanti biex forsi l-partit jirkupra? Kemm bħala President tal- MŻPN u kemm bħala moviment, nikkonfermalek li aħna għandna dan it-tip ta' djalogu mal-Kap. Jiena naħseb li waħda mill-affarijiet li hemm bżonn issir, qed nitkellem fuq politika ġenerali, hi li nibdlu l-mod kif naħsbu, mhux li nibdlu l-affarijiet imma hemm bżonn li nagħmlu kritika mingħajr ma nkunu daqshekk negattivi. Ma jfissirx li ma nitkellmux jew li nibżgħu li niġu mlaqqma bħala negattivi, imma li nagħmlu l-punt tagħna ċar billi jkollna qabża fil-ħsieb ta' kif inwasslu l-messaġġ. Il-messaġġ tagħna jrid ukoll jieħu inkonsiderazzjoni l-ħsieb u l-aspirazzjonijiet tan-nies meta nippreżentaw il-kritika tagħna. Irridu għalhekk nikkomunikaw aħjar ma' kulħadd u li ninvolvu aktar liż- żgħażagħ fl-istrutturi tagħna u f 'dak kollu li qegħdin nagħmlu. Imma ma taħsibx li intom iż- żgħażagħ aċċettati biżżejjed? Mhux qed ngħid li m'aħniex aċċettati. Li qed ngħid hu li anke l-mod kif naħsbu bħala partit, irridu naraw li ż-żgħażagħ meta jkunu involuti fil- partit, nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom biex huma jkunu fuq quddiem nett biex iwasslu l-messaġġ għand in-nies. X'tikkummenta fuq id-dominanza tal-familji De Marco, Fenech Adami u Mifsud Bonnici fil-partit u fuq Simon Busuttil? Naf li l-perċezzjoni hemm barra forsi hi li dawn il-kunjomijiet għandhom xi dominanza imma min bħali jaħdem mill-viċin ma' dawn l-individwi jara li kull persuna għanda l-kwalitajiet u l-ħiliet tiegħu jew tagħha irrispettivament mill-kunjom. L-importanti hu li nżewqu l-ħiliet kollha flimkien għax kulħadd għandu x'joffri madwar il-mejda. Fir-rigward ta' Simon Busuttil, naħseb li hu karattru fil-politika Maltija li kellu immaġni pożittiva, speċjalment rigward il-ħiliet tiegħu fl-Ewropa u llum dan l-istess persuna qed juża din l-immaġni pożittiva gradwalment biex ibiddel dak li hemm bżonn fil-partit. Ħa nsemmi eżempju żgħir, dik li kienet magħrufa bħala l-prietka politika ta' kull nhar ta' Ħadd fil-każini. Simon ħa l-ewwel pass biex din tinbidel. Hemm ukoll l-aħbar ta' ftit jiem ilu dwar il-qbil mal-gvern fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza. Dawn huma kollha passi pożittivi. Imma temmen li kien pass tajjeb li Simon Busuttil spiċċa b'żewġ viċi-kapijiet daqshekk b'saħħithom imdendlin miegħu? Kif għidtlek, jien nippreferi nħares lejn l-individwi u l-kapaċitajiet tagħhom aktar milli nħares lejn xi dinastija ta' xi familja. Naħseb il-partit dejjem kien kapaċi jżewwaq il-kapaċitajiet ta' dawn it-tnejn flimkien u hekk nemmen li qed isir u se jkompli jsir. L-importanti jibqa' li kulħadd iżomm l-aħjar interess tal-partit fi ħsiebu. Veru li hemm ħsibijiet liberali minn naħa u l-ħsibijiet konservattivi minn naħa oħra imma dan il-kunċett jeżisti fil-partit mhux għaż-żewġ familji li qed issemmi int. Dan il-kunċett jeżisti bħala parti minn proċess demokratiku fil-partit u joffri sfida fil-ħsieb kif ukoll joffri opportunità biex iż-żewġ naħat isemmgħu l-opinjonijiet u l-veduti tagħhom sabiex ħadd ma jibqa barra. Qed jingħad issa li l-Partit Nazzjonalista se jappunta CEO . . . Dik hija deċiżjoni li għadha mhijiex konfermata però hija funzjoni ta' immaniġġjar amministrattiv li forsi qabel ma kinitx tingħata l-attenzjoni kollha minħabba l-element politiku. Illum Chris Said qed jagħmel xogħol impekkabbli u xorta hu jibqa inkarigat imma dan ir-rwol jista' jgħin biex ċerta affarijiet amministrattivi jitmexxew aħjar minn forsi kif kienu jsiru qabel. Chris Said b'kapaċità poġġa l-qafas u issa hemm bżonn ta' xi ħadd li jista' jmexxi dan ir-rwol 'il quddiem. Hemm ukoll il-ħsieb li l-mezzi tax-xandir tal-partit jinbidlu, x'se naraw? Inkun onest miegħek li għad m'għandix id-dettalji però naħseb li din is-sena diġà bdejna ftit aħjar u kellna programmi bħal .NET li ġab ċerta ratings li kienu ferm ta' inkoraġġiment. Iżda iva hemm bżonn ta' dehra friska fuq kif inwasslu l-messaġġ permezz tal-mezzi tax-xandir tal-partit sabiex il-prodott tagħna jkollu firxa usa'. Hu fatt magħruf li l-partit hu nieqes mill-finanzi wara snin ta' tberbiq. Issa hemm il-ħsieb li l-partit ibigħ jew jikri numru ta' propjetajiet li preżentament huma Każini Nazzjonalisti… Naħseb li f 'dan l-istadju, għalkemm jaf forsi jkun ta' weġgħa, speċjalment meta jkollok xi ħaġa li tkun ilek taħdem għaliha, però minn naħa l-oħra meta jkollok sitwazzjoni finanzjarja li hi dik li hi, wieħed allura jrid jibda jħares lejn l-affarijiet b'mod differenti. Din ukoll hi xi ħaġa li trid tkun ikkomunikata tajjeb speċjalment ma' dawk li tant ħadmu fil-passat sabiex il-partit ikollu dawn il-propjetajiet. Taħseb li għad fadal lok għal każini? Għad fadal żgħażagħ jiffrekwentaw il-każini? F'ċerta każi u f 'ċerta lokalitajiet forsi iva għad fadal lok ta' każini, speċjalment f 'żoni rurali, imma llum irridu nidentifikaw kull lokalità individwali u naraw in-nies ta' kull lokalità fejn jiltaqgħu u x'jippreferu. Iż-żgħażagħ tal-lum huma aktar midħla tal-mezzi soċjali u għalhekk biex nilħqu ż- żgħażagħ, irridu nifthu każin' fuq Facebook għax hemm issibhom. Bl-argument allura li ż-żgħażagħ tal-lum jgħixu l-internet, l-MŻPN għandu sit li kull ma fiha hi paġna waħda b'introduzzjoni qasira u invit għat-tessera tal-partit… Iva dan għaliex s'issa bħala MŻPN aktar iffukajna fuq il-paġna fuq Facebook milli s-sit. Imma nikkonfermalek li għandna proġett biex dak is-sit issir waħda aktar innovattiva u interattiva fil-futur viċin. X'inhuma l-aspirazzjonijiet personali tiegħek fis-snin li ġejjin? Ma nħobbx nispekula fuq aspirazzjonijiet personali però li nista ngħidlek illum hu li l-aspirazzjoni tiegħi bħala President tal-MŻPN hi li nara l-partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. M'aħniex se narawk kandidat fl- elezzjoni ġenerali li jmiss? Nimxi skont il-ħtiġijiet tal-partit. Imma jekk isejħulek formalment biex toħroġ bħala kandidat x'tagħmel? Jekk isejħuli biex inkun kandidat fejn jien inħoss li nista' nagħti kontribut lill- partit, m'għandix għalfejn ngħid le. "L-aspirazzjoni tiegħi hi li nara l-PN jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss" "Jien nippreferi nħares lejn l-individwi u l-kapaċitajiet tagħhom aktar milli nħares lejn xi dinastija ta' xi familja" Ritratt: Ray Attard Nilħqu ż-żgħażagħ billi niftħu 'każin' fuq Facebook