Illum previous editions

illum 29 June 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/337889

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

18 illum | Il-Ħadd 29 ta' Ġunju 2014 Il-Punt L-istaġjonalità qawwija li jbati minnha Għawdex "HEKK kif ninżel minn fuq il-vapur u nirfes fuq il-gżira ta' Għawdex inħoss arja ta' trankwillità, u kwiet u għalija verament tkun bdiet il-vaganza." Din hija ammissjoni li nisimgħu kemm-il darba mlissna minn mijiet ta' turisti kemm barranin kif ukoll dawk Maltin. Dan huwa dak li kapaċi joffri Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta u differenti minn Malta. Dan huwa s-seħer u s-sabiħ ta' din il-gżira żgħira, madankollu kbira fis-sbuħija naturali kif ukoll fil-wirt storiku u kulturali tagħha. Dan huwa l-pedament li fuqu hija bbażata l-industrija turistika Għawdxija u li fuqu rridu nkomplu nibnu u nsaħħu dan is-settur tant vitali għall-ekonomija tal-gżira Għawdxija. Matul dawn l-aħħar erba' snin in- numru ta' turisti lejn il-gżejjer Maltin kompla jiżdied, tant li s-sena l-oħra laħaq il-figura ta' miljun u sitt mitt elf turist barrani. Għawdex, wkoll irreġistra żieda fin-numri ta' turisti barranin li qattgħu lejl jew iktar f 'akkomodazzjoni fil-gżira fustanija. Tant li miċ-ċifri joħorġu żidiet sena wara l-oħra, li jindikaw xejriet pożittivi dwar it-tkabbir turistiku f 'Għawdex. Madankollu għad fadal diversi ostakli li destinazzjoni Għawdex trid tissupera sabiex tabilħaqq tilħaq tkabbir turistiku, li jkun wieħed finanzjarjament sostenibbli. Wieħed mill-ostakli dejjem preżenti, hija l-istaġjonalità qawwija li jbati minnha Għawdex. Dan joħroġ mill-fatt li matul ix-xhur tas-sajf, l-okkupanza fl-istabbilimenti tal-akkomodazzjoni Għawdxin tkun għolja ħafna, filwaqt li din tinżel f 'livelli baxxi ħafna matul ix-xhur twal tal- ħarifa u x-xitwa, u terġa' tibda tiela' bil-mod matul ir-rebbiegħa. Għalhekk it-tkabbir turistiku f 'Għawdex irid ikun ikkonċentrat fuq dawn it-tliet staġuni. Il-ħidma ta' kull min hu kkonċernat trid tkun iffukata sabiex nestendu l-istaġun tas-sajf, billi nattiraw turisti barranin kemm fir-rebbiegħa kif ukoll fix-xhur tal-ħarifa u x-xitwa. Dan jista' jsir billi nkomplu nippromwovu u nirreklamaw lil Għawdex bid-diversi niċeċ li toffri din il-gżira. Fost dawn insibu l-mixjiet fil-kampanja, il-Ġimgħa Mqaddsa, iż- żmien tal-Milied, il-karnival, l-opri liriċi u niċeċ ġodda oħra li lkoll għadhom mhumiex ottimizzati biżżejjed. L-industrija turistika f 'Għawdex trid tkun ukoll ikkumplimentata minn titjib kontinwu tal-prodott turistiku Għawdxi. Dan it-titjib irid ikun ġej kemm mill-awtoritajiet governattivi kif ukoll mis-settur turistiku stess. L-iżvilupp infrastrutturali li sar s'issa rridu nkomplu nħarsuh u nżommuh fi stat tajjeb, filwaqt li nkomplu bi żviluppi ġodda sabiex Għawdex verament ikun destinazzjoni ta' kwalità. Is-settur privat irid ikun inċentivat sabiex ikompli jtejjeb il-prodott tiegħu, u anke joħloq oħrajn ġodda u innovattivi. Dan għaliex it-turiżmu huwa industrija li qed tinbidel kuljum u l-aspettattivi tat-turist saru iktar varji u esiġenti iktar minn qatt qabel. It-turist illum mhux qiegħed ifittex biss id-destinazzjoni, iżda l-esperjenza li jkun għex fid-destinazzjoni matul il-vaganza tiegħu. Din l-esperjenza tad- destinazzjoni trid tkun waħda verament awtentika, ġenwina u anke ta' valur għal flus li jkun ħallas it-turist. Il-kejl ta' kemm Għawdex qed jagħti esperjenza pożittiva lit-turist, joħroġ mill-fatt li matul is-sena l-oħra, 47% tat-turisti li qagħdu lejl jew aktar ġewwa Għawdex kienu "repeat guests", jiġifieri jkunu ġew u qagħdu Għawdex iktar minn darba. Dan il-persentaġġ għoli jawgura sabiex inkomplu nibnu fuq dak li huwa pożittiv, filwaqt li nnaqqsu u nimminimizzaw dak kollu li jista' jagħti esperjenza negattiva lit-turist. L-impressjoni tajba li jkun daq it-turist tkun magħmula minn ħafna ingredjenti fosthom, il-livell tal-akkomodazzjoni, il-kwalità tal-ikel kemm fil-lukanda kif ukoll fir-ristoranti, l-indafa ġenerali tal-gżira, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas it-tip ta' servizz li jkun ingħata t-turist, mill-ħaddiema fl-istabbilimenti Għawdxin. Ir-riżorsa umana fil-gżira Għawdxija hija forsi l-aqwa ingredjent li tgeżwer il-pakkett turistiku li kapaċi joffri Għawdex. L-ospitalità tal-Għawdxin għadha l-għodda li tiġbed u tħalli togħma tajba lit-turist fl-esperjenza tal- vaganza tiegħu. Iżda anke hawnhekk mhux kollox hu ward u żahar. Għaliex ftit ħafna huma dawk l-Għawdxin li huma lesti li jsegwu karriera fis-settur turistiku. Fl-aħħar nett għalkemm is-settur turistiku Għawdxi, jaffronta ħafna sfidi f 'dan il-qasam, xorta waħda għadu jemmen bi sħiħ fil-potenzjal turistiku ta' din il-gżira Għawdxija. Potenzjal li jekk ikun sfruttat tajjeb bi ħsieb u direzzjoni, l-industrija turistika f 'Għawdex tista' tkompli tissaħħaħ fl-operat tagħha. Is- settur turistiku Għawdxi lest li jkompli jinvesti u jikkollabora sabiex dan l-għan jintlaħaq. Joe Muscat hu l-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Tourism Association JOE MUSCAT Art marida M 'ilux attendejt għall-aċċess ordnat mill-Qorti. Fi sħana li taqli l-fniek sibt ruħi f 'post li huwa wieħed mill-isbaħ li għandna f 'pajjiżna. Miġra l-Ferħa, fejn il-leġġenda tirrakkonta li kien rifes l-ewwel darba l-Konti Ruġġieru. Kien aċċess tas-soltu bejn ħafna bdiewa li jħobbu l-art li jaħdmu. Il- bidwi misslu kollox minbarra l-art li jaħdem, għalkemm illum ħafna huma dawk li jaħdmuha li qegħdin jaqtgħu qalbhom minn dan il-qasam. Ftit tas-snin oħra l-patrimonju rurali u agrikolu tagħna jidħol fi kriżi kbira. Apparti li l-kompetizzjoni ta' prodotti minn barra qegħdin ftit ftit jeqirdu u jġibu fix-xejn dawk lokali, hemm ukoll kriżi fir-riżors uman. Dawn il-bdiewa li qegħdin jerfgħu minn dan ix-xogħol, m'hemmx oħrajn żgħażagħ li jieħdu posthom aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qegħdin nilmħu art żdingata u mhux maħduma. M'hemm xejn jimbotta liż-żgħażagħ li jaħdmu f 'dan il- qasam. Aktar ma' dan il-qasam beda jitlef mill-importanza tiegħu għall- ekonomija, b'mod speċjali meta bdew jikbru l-industriji tat-turiżmu u dak tal-bini, anqas baqgħet tingħata importanza mill-politiċi tal-pajjiż. Sakemm wasalna fejn qegħdin illum. Qasam agrikolu u patrimonju rurali li jinsabu fi stat tal-biki. Kull fejn tmur ħlief irziezet qegħdin jaqgħu u abbandunati ma tarax. Ħitan tas-sejjiegħ u bini rurali bħal giren imwaqqgħin, għaliex ovvjament m'hemmx aktar min jieħu ħsiebhom. Hija ironika li l-industrija tat- turiżmu li hija mibnija fuq is-sbuħija ta' pajjiżna kienet il-fattur ewlieni li ġabet il-qirda ta' dan kollu. Matul iż-żmien flok pjanajna biex din tiżviluppa id f 'id man-natura għamilna bil-kuntrarju. Morna għat-turiżmu tal-massa li miegħu ġab id-degrad estetiku ta' pajjiżna. Lukandi kbar koroh mal-kosta, il- kontaminazzjoni tal-baħar b'sistemi ta' infrastruttura tal-massa, u l-inkoraġġiment ta' bini kullimkien. Żgħażagħ li qabel kienu fil-biedja emigraw lejn id-dinja tat-turist. Għalija ħareġ ċar kemm moħħna mhux hemm fejn jidħol il-patrimonju rurali tagħna. Waqt li konna fuq l-aċċess li semmejt u konna qegħdin inpinġu fuq pjanti u nkejlu minn ħabel għall-ieħor kelli sensazzjoni mhux tas-soltu. Bdejt nilmaħ nixfa li kienet stramba. Huwa minnu li fis- sajf tagħna l-għelieqi jisfaru, iżda kien hemm xi ħaġa aktar minn hekk. Kellu jkun wieħed mill-bdiewa li jgħidli x'ġara. Minn xi ftit tas-snin 'l hawn daħlet f 'pajjiżna speċi ta' susa jew dudu li qatt ma kellna bħalu. Din hija susa li tattakka u teqred għal kollox is-sigar tat-tin, tal-bajtar tax-xewk u taċ- ċawsli. Balleċ, ma kienx hemm siġra waħda tat-tin u tal-bajtar ta' San Ġwann li ma kinitx skeletru. Il-palm tal-bajtar baqa' żgħir u mingħajr fjur. Fi żmien meta tilmaħ jisponta l-bajtar tax-xewk ma kienx hemm pala waħda li kellha bajtra waħda. Fejn darba kien hemm siġra taċ-ċawsli kbira issa kien hemm biss biċċa zokk niexef. Bejn iddisprajt u bejn ridt naqbad nibki meta wieħed mill-bdiewa b'leħen ta' rassenjazzjoni u ta' xi ħadd li ma jista' jagħmel xejn qalli: "L-art mardet Dott!", dak il-ħin ma nafx x'kont ser naqbad ngħid ħlief li kif nitlaq minn fuq il-post immur malajr inkellem lil xi ħadd. Għamilt kuntatt malajr mas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. Għidtlu x'qiegħed jiġri. Roderick inħass sensibbilment preokkupat. Qalli li kienu jafu bil- problema u qiegħed isir minn kollox biex jidentifikaw xi tip ta' mediċina biex ma tkomplix tikber il-ħsara. Qalli li din kienet daħlet mill-Ewropa ma' xi importazzjoni ta' prodotti agrikoli jew rurali. Pajjiżna huwa żgħir u espost għal dawn ix-xorta ta' riskji. Iżda minn dak li nista' nifhem dawn jidħlu b'mod mill-aktar liberali fejn qabel kellna xi xorta ta' kwarantina. L-istess problema teżisti fit-trobbija tan-naħal. Qaluli li daħlu naħal minn Sqallija li kienu morda. M'għandix għalfejn ngħidilkom x'ġara għalkemm irridu ngħidu li l-popolazzjoni tan-naħal tinsab fi kriżi madwar id-dinja kollha. Iżda li weġġagħli rasi f 'din is-sitwazzjoni mhux dak li qiegħed jiġri iżda dak li ma jintqalx li qiegħed jiġri. Dak li jweġġagħli rasi f 'din is-sitwazzjoni huwa l-fatt li l-allarmiżmu popolari u kbir ħafna f 'ċertu oqsma iżda mhux daqstant kbir fejn suppost hu. Waqt li Malta kollha hija maqsuma bejn dawk li huma kontra l-kaċċa u dawk li mhumiex, waqt li kulħadd jiġri mir-rokna għall-oħra b'petizzjonijiet ta' min irid iwaqqaf il-kaċċa u ta' min irid iħarisha, fil- kampanja tagħna għandek sfreġju u ħadd ma jaf bih. Il-kampanja qiegħda tmut u kulħadd moħħu f 'affarijiet li oġġetivament mhumiex ta' prijorità għall-pajjiż. Jekk għandekx tispara għall-għafsur jew le hija kwistjoni li tista' tistenna. Iżda li ħafna mis-siġar indiġeni tagħna mietu u qegħdin imutu hija kwistjoni li ma tistax tistenna u b'dan kollu mhix fuq l-aġenda tal-pajjiż. Poplu li ma jkollux il-prijoritajiet tiegħu tajbin huwa poplu li x'aktarx jaqa' f 'dekandenza irriversibbli. Nittama li dan mhux qiegħed jiġri f 'pajjiżna. TONI ABELA

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 29 June 2014