Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/341810
18 illum | Il-Ħadd 06 ta' Lulju 2014 Il-Punt Erba snin ilu' ERBA' snin ilu għajnejn id-dinja kienu fuq l-Afrika t'Isfel. Nelson Mandela kien għadu ħaj. Stadiums kbar ġodda fjamanti. Partitarji Sud Afrikani ferħanin madwar it- tim tagħhom li kien jissimbolizza x'passi kbar għamel il-pajjiż biex jinfatam darba għal dejjem mir- razziżmu tal-Apartheid. L-awtoritajiet Sud Afrikani ħarġu għonqhom biex jagħtu merbħa liema bħala lill-partitarji li marru hemmhekk mill-erbat t'irjieħ tad- dinja. Il-gvern bena ferrovija ta' altaveloċità biex tgħaqqad Pretoria ma' Johannesburg, xtara flotta ġdida fjamanta ta' xarabankijiet għat- trasport pubbliku, tajjar 600 miljun dollaru għall-istadium ta' Cape Town waħdu u bena jew irrinova stadji oħra bl-ispiża totali laħqet għal 3.5 biljun dollaru. Il-pajjiż ġab lura 10% biss ta' dak li nefaq. Wara li l-logħob spiċċaw il-gvernijiet lokali kellhom piżijiet enormi biex iżommuhom għax il- klabbs foqra wisq. Stadium li jesa' 55,000 ruħ ma jkollux aktar minn elf jew elfejn partitarju mitlufin f 'baħar ta' siġġijiet vojta. Il-FIFA tieħu l-qliegħ kollu tad-drittijiet tax-xandir tat-televiżjoni u sponsors u fil-fatt kważi 400 miljun dollaru marru fil-kaxxa tagħha fi Zurich. Il-gvern tal-Afrika t'Isfel xorta waħda baqa' jinsisti li l-piż hu vallapena. Dan mhux biss għax il-logħob kien suċċess imma għax permezz tat-Tazza tad-Dinja l-pajjiż sar vetrina għad-dinja kollha, ingħata reklam kemm l-Afrika t'Isfel għamlet passi ta' ġgant 'il quddiem wara snin twal ta' segregazzjoni u tneħħew id-dubji kollha li hemmhekk għad baqa' sotto-żvilupp ikrah u degradanti. Madankollu l-fatti juru xort'oħra. Kważi l-istadji kollha huma piż enormi biex jinżammu bl-attendenza fihom fqira waqt il-logħob. Il-verità hi li l-istadji l-ġodda wara kollox ma nbnewx fiż-żoni tal-foqra u l-maġġoranza tas-suwed li jgħixu għalihom segregati baqgħu mingħajr faċilitajiet sportivi suriet in-nies. Apartheid ekonomiku u soċjali ħa post Apartheid politiku. L-istess ferrovija ta' altaveloċità li nbniet biex fi żmien it-Tazza tad-Dinja tgħaqqad Pretoria ma' Johannesburg tintuża kważi biss mill-bojod u s-sinjuri li jifilħu jħallsu l-prezzijiet tal-biljetti u għandhom għalxiex jużawha! Is-suwed baqgħu jivvjaġġaw fuq xarabankijiet żdingati. Eċċezzjoni għal dan kollu hu l-istadium Soccer City ta' Johannesburg li almenu qed jagħmel qliegħ għax jużawh żewġ timijiet kbar tal-futbol jiġifieri il-Kaiser Chiefs u Orlando Pirates. L-assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol qed tgħid li bl-ispinta li ngħatat permezz tat-Tazza tad-Dinja se jinbnew grawnds fit-townships tas- suwed. Wara erba' snin ħafna Sud Afrikani qed jirrealizzaw li l-flejjes kbar minfuqa fl-infrastruttura setgħu ntużaw aħjar għall-iskejjel u sptarijiet. Huma dawn li fl-aħħar mill-aħħar ineħħu d-differenzi razzjali. Il-mistoqsija li tqum hi għaliex tibqa' tara pajjiżi li qed jiżviluppaw iridu jorganizzaw dan l-avveniment kbir tal-futbol meta kważi kullimkien il-piż warajh hu daqshekk kbir. Il-fama ta' xahar vanaglorja tagħmihom. Ix-xewqa li gvernijiet dittatorjali jagħtu impressjoni li kollox għaddej ħarir tinfluwenza ħafna wkoll. Hekk għamel Adolf Hitler fis-snin tletin tas-seklu l-ieħor meta l-Ġermanja Nażista organizzat il-logħob Olimpiku. Forsi għamlet ukoll iċ-Ċina Komunista fil-logħob ta' Beijing imma d-dinja nsiet il-karbiet politiċi. Il-FIFA tgħid li ma tagħtix każ kunsiderazzjonijiet politiċi u ma tidħolx fihom. Tagħmel sew. Qed isir ħafna diskors fil-ġurnali oċċidentali dwar l-għoti tal-logħob tat-Tazza tad-Dinja tas-sena 2022 lill-Qatar, pajjiż fil-golf Għarbi. Il-mistoqsijiet mhumiex iqumu biss minħabba allegazzjonijiet ta' tixħim imma wkoll dwar jekk dan il-pajjiż huwiex adattat klimatikament. It-temperatura fix-xhur ta' Ġunju u Lulju kapaċi titla' għal 53 ċentigradi fid-dell. Tkun krudeltà tippretendi plejers jilagħbu f 'dawk il-kundizzjonijiet taħt ix-xemx tiżreġ. Qed jingħad li l-partiti se jsiru f 'Mejju imma dan jista' jħarbat l-istaġuni tal-futbol Ewropej. Madankollu naħseb hemm tweġiba oħra u soluzzjonijiet għal dan kollu. It-triq tan-nofs u l-għaqal fl-infiq. Iva hu possibbli li jinstab bilanċ bejn iż-żewġ trufijiet. L-argumenti li avvenimenti jagħmlu reklam għall-pajjiż u jagħtu spinta mhumiex qarrieqa minkejja l-periklu li jiġri xi ħaġa bħal ma ġara fl-Afrika t'Isfel. L-investiment bħala prinċipju mhux ħażin jekk ikun ippjanat tajjeb. Qatt m'għandek tinħakem bil-pessimiżmu. Bis-sens komun u l-ftehim tasal. IVAN BARTOLO Ħ add m'għandu jieħu għalih. Malta kienet tagħna lkoll qabel ma saret politikament. Qiegħed nitkellem f 'termini ambjentali ovvjament. Jiena naf li s-sentiment ta' kull Malti hu, li jekk għandu wejba raba' anke jekk fl-aktar art verġni, kieku jista' jġib permess u jibniha. Il-kampanja u l-patrimonju naturali Malti ilu tagħna lkoll ħafna qabel mal-Partit Laburista ħareġ b'din l-għajta politika. Kulħadd irid jifhem li mhux fl-interess ta' ħadd li nkomplu nnaqqru minn dak il-ftit li fadlilna. Jekk nagħmlu hekk l-anqas ikollna għalfejn nibqgħu ngħixu f 'din il- gżira. Dawn kienu l-ħsibijiet li ta' kuljum jgħaddu minn moħħi meta f 'xi parti mbiegħda fil-kampanja jew postijiet li għadhom relattivament verġni nilmaħ xi żvilupp stramb jew mhux tas-soltu. Inweġġa' nara art verġni tinbena daqslikieku xi ħadd niffidli splengun fil-pexxun. L-aħħar żvilupp stramb kien dak ta' San Blas. Għandi idea tal-persuna involuta. Bniedem ħawtiel u jaħdem biex iħaddem lil ħaddieħor. Iżda l-għaqal u r-reqqa għax-xogħol ta' dak li jkun ma tiġġustifikax ċirkostanzi bħal dawn. Ħadd ma jrid jieħu għalih, l-aktar dawk li qegħdin fl-industrija tat-turiżmu. Dawk li jkunu jridu jiżviluppaw aktar art ikunu qegħdin jaraw sa imneħirhom għaliex fit-tul ikunu qegħdin jisparaw għal saqajhom. Jekk f 'Malta ma jifdal xejn ta' attrazzjoni ma jkunx hemm għalfejn tiġi f 'pajjiżna. Kultant għaqdiet bħal Front għall- Ħarsien tal-Ambjent, Din l-Art Helwa u nies bħal Astrid Vella u Martin Scicluna jkunu xi daqsxejn allarmisti u vitrijoliċi. Kultant iwerżqu żżejjed għalxejn. Iżda rrid nammeti li allaħares ma kinux dawn l-għaqdiet non-governattivi biex fejn ikun hemm tassew bżonn idoqqu s-serena. Nippreferi t-twerżiq tagħhom milli l-ħoss li jżarżar ta' gaffa tiekol il-ħamrija. Nifhem li min imexxi l-MEPA għandu pjaneta xi jmexxi u ma jistax ikun li jintebaħ b'dak li jkun qiegħed isir bil-moħbi, għalhekk huwa neċessarju li dawn l-għaqdiet jibqgħu ħajjin u ngħinuhom. Nibqgħu ngħinuhom minkejja li jkun hemm drabi li jkunu inġusti fil-kritika li jagħmlu lill-Gvern. Nifhem li qishom dubbiena li ma terħikx għal sekonda. Iżda l-fastidju tagħhom għandu valur li jżomm lill-Awtoritaiiet fuq il-ponot ta' saqajhom. Mingħajr il-preżenza ta' dawn l-għaqdiet non-governattivi, l-ambjent ikun aktar fil-periklu. Kif darba qal kittieb Ingliż "Thank God for their nuisance!" Wara kollox dan huwa l-mod interattiv kif taħdem id-demokrazija. Id-demokrazija mhix magħmula minn elezzjonijiet u manifesti elettorali biss. Id-demokrazija mhix magħmula biss mid-deċiżjonijiet tal-Qrati u l-anqas hija biss xi rakkomandazzjoni ta' Ombudsman. Id-demokrazija hija magħmula wkoll mill-pressjoni li jagħmlu gruppi ta' interessi differenti fis-soċjetà fuq il-Gvern tal-ġurnata biex jisma' x'għandhom xi jgħidu u naħseb li sa issa dan il-Gvern qiegħed jagħmlu. Dejjem kellna tradizzjoni, li nammetti li qiegħda tinbidel, ta' kompjaċenza lejn min jikser il-liġi billi nagħlqu għajn waħda għall- abbuż. Jiena rajt kiosks ħdejn il- baħar jgħaddu minn evoluzzjoni billi jibdew bir-roti, jitilfu r-roti, tikber pjattaforma tal-konkos madwarhom , jingħataw id-dawl u l-ilma, jitqiegħdu s-siġġijiet u l-imwejjed fuq bankina pubblika. Meta xi ħadd jipprotesta wara tant snin, l-Awtoritajiet jipprovaw ineħħuha biex iżżommhom il-Qorti għax tgħidlhom issa tard wisq. Misskom żammejtuh mill-bidu. Bħalma ġara b'ħafna "boat houses" ħdejn il-baħar u li saħansitra tawhom is-servizzi kollha. Irrid nagħti eżempju ta' dak li lmaħt dan l-aħħar fil-weekend kull darba meta nkun tiela' d-dar. Fit-triq 'l fuq mill-isptar Monte Carmeli, qabel ma taqbad il-kappella żgħira, bdejt ninnota attività mhux tas-soltu. Attività li sa fejn nista' niftakar ma kontx nara qabel. Qed nilmaħ sriebet ta' karrozzi pparkjati wara xulxin fuq kull naħa tat-triq. Saret fetħa kbira fit-triq billi ċċarrat il-ħajt tas-sejjiegħ. Jidher ċar li qegħdin isiru attivitajiet li ta' ċertu entità. Jista' jkun li dak li qiegħed isir huwa bil-permess. Iżda kull meta ngħaddi minn ħdejn il-post, fl-għelieqi ta' Ta' Qali, dejjem ngħid lili nnifsi: "...issa anke hawn!" Ejjew nassumu li dak li qiegħed isir mhux skont il-liġi u mhux qed ngħid li hu hekk, allura jekk qed narah jiena ħadd mhu jarah aktar? Fil-fehma tiegħi, is-sigriet li nħarsu dak li ilu eluf ta' snin tagħna lkoll, huwa dak li meta tibda tikolna għajnejna dwar xi ħaġa li jista' jkun ma tkunx flokha, hekk kif insiru nafu biha mill-ewwel nintervjenu. M'għandniex noqogħdu nistennew lil Astrid jew lil Martin jitkellmu. TONI ABELA Ħadd m'għandu jieħu għalih!

